Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Jannar 2013 - ClientEarth et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-8/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ClientEarth (Londra, ir-Renju Unit), Générations futures (Ons-en-Bray, Franza); u Pesticide Action Network Europe (PAN Europe) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: A. van den Biesen, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea.

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta' Ottubru 2012 (Ares(2012)1271350);

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti ammont li għandu jiġi ffissat mill-Qorti Ġenerali bħala kumpens għad-dannu materjali u morali li huma batew; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti xtaqu jagħmlu użu mid-drittijiet previsti għalihom mir-Regolament Aarhus (Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Settembru 2006) 2. Skont dak ir-regolament, huma ressqu talba għal Reviżjoni Interna tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2012, tat-2 ta' Lulju 2012 4, li japprova s-sustanza attiva bifentrin, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 . Fit-talba tagħhom ir-rikorrenti jirreferu għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, li permezz tagħha ġiet stabbilita kwistjoni importanti fir-rigward tar-Regolament (Sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta' Ġunju 2012, Kawżi T-338/08 u T-396/09). Madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata tas-26 ta' Ottubru 2012, li tiddikjara t-talba għal reviżjoni interna bħala inammissibbli minkejja l-fatt li d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni li taw lok għaż-żewġ sentenzi tal-14 ta' Ġunju 2012, liema deċiżjonijiet preċedenti kienu għal kollox jixbhu dik meħuda f'din il-kawża, kienu annullati mill-Qorti Ġenerali peress li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li r-Regolament ta' Aarhus kien parzjalment illegali, peress li kiser it-termini tal-Konvenzjoni ta' Aarhus . L-Unjoni Ewropea hija parti minn dik il-Konvenzjoni bħal ma huma l-Istati Membri kollha tal-UE.

Insostenn tal-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta naqset milli tosserva d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta' Ġunju 2012 fil-Kawżi T-338/08, Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe vs Il-Kummissjoni u, T-396/09, Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht vs Il-Kummissjoni, T-396/09.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li r-restrizzjoni tar-Regolament ta' Aarhus għal "[a]tti amministrattivi li għandhom applikazzjoni individwali" tistabbilixxi ksur tal-obbligu tal-Unjoni Ewropea li ssegwi l-Konvenzjoni ta' Aarhus, sa fejn l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 jillimita l-kunċett ta' "atti" kif użat fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, għal "att[i] amministrattivi", kif iddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006 bħala "miżur[i] ta' ambitu individwali".

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċesss għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).

2 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2012, tat-2 ta' Lulju 2012, li japprova s-sustanza attiva bifentrin, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 173, p. 3).

3 - Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta' Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, p. 1).

4 - Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali - Dikjarazzjonijiet (ĠU L 124, p. 4).