Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Ġunju 2011 - ABN AMRO Group vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-319/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ABN AMRO Group NV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: W. Knibbeler u P. van den Berg, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' April 2011 dwar il-miżuri Nru C 11/2009 (ex NN 53b/2008, NN 2/2010 u N 19/2010) implementati mill-Pajjiżi l-Baxxi għal ABN AMRO Group NV; u

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, li jallega li l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-iskop tal-projbizzjoni tal-akkwist li tinsab fl-Artikolu 5, huma vvizjati bl-iżbalji ta' liġi segwenti u għalhekk għandhom jiġu annullati:

ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji u tal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 1;

ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità billi l-approvazzjoni tal-miżuri ta' għajnuna saret bil-kundizzjoni ta' projbizzjoni ta' akkwist li ma hijiex xierqa, neċessarja jew proporzjonata;

ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali bl-impożizzjoni ta' projbizzjoni ta' akkwist li hija iktar stretta b'mod sinjifikanti meta pparagunata ma' projbizzjonijiet ta' akkwist imposti mill-Kummissjoni f'każijiet oħra;

ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba b'riżultat tan-nuqqas ta' evalwazzjoni bir-reqqa u individwali tal-aspetti kollha rilevanti tal-każ individwali, inklużi l-bżonn u l-konsegwenzi tal-projbizzjoni ta' akkwist kif imposta permezz tad-deċiżjoni, u ksur tal-Artikolu 296 TFUE li jirriżulta min-nuqqas ta' motivazzjoni adegwata għad-deċiżjoni msemmija.

It-tieni motiv, li jallega li l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tat-tul tal-projbizzjoni tal-akkwist li tinsab fl-Artikolu 5, huma vvizjati bl-iżbalji ta' liġi u ta' evalwazzjoni segwenti u għalhekk għandhom jiġu annullati:

ksur tal-Artikolu 345 TFUE billi għamlet it-tul tal-projbizzjoni ta' akkwist dipendenti fuq il-proprjetà mill-Istat;

ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji u tal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2;

ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali bl-impożizzjoni ta' projbizzjoni ta' akkwist li hija itwal b'mod sinjifikanti meta pparagunata ma' projbizzjonijiet ta' akkwist imposti mill-Kummissjoni f'każijiet oħra;

Ksur tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' amministrazzjoni tajba.

____________

1 - Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti (ĠU 2008 C 270, p. 8); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta' kompetizzjoni mhux mistħoqqa (ĠU 2009 C 10, p. 2); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Trattament ta' Assi indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità (ĠU 2009 C 72, p. 1); Komunikazzjoni tal-kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta' miżuri ta' ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (ĠU 2009 C 195 p. 9).

2 - Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1