Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ottubru 2009 - Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il-Kunsill
(Kawża T-423/09)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials Co. Ltd (Dashiqiao City, iċ-Ċina) (rappreżentanti: J.-F. Bellis u R. Luff, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla d-dazju antidumping impost fil-konfronti tar-rikorrenti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 826/2009, tas-7 ta' Settembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1659/2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 240/7), sa fejn id-dazju antidumping li huwa jistabbilixxi jeċċedi dak li kien ikun applikabbli kieku kien ġie stabbilit abbażi tal-metodu applikat matul l-investigazzjoni inizjali sabiex jittieħed kont tan-nuqqas ta' ħlas lura tal-VAT Ċiniża għall-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku;
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
B'dan ir-rikors, ir-rikorrenti, kumpannija stabbilita fiċ-Ċina, titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 826/2009, tas-7 ta' Settembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1659/2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' ċerti briks tal-manjeżja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
1 sa fejn id-dazju antidumping li huwa jistabbilixxi jeċċedi dak li kien ikun applikabbli kieku kien ġie stabbilit abbażi tal-metodu applikat matul l-investigazzjoni inizjali sabiex jittieħed kont tan-nuqqas ta' ħlas lura tal-VAT Ċiniża fuq l-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea
2 (Regolament bażiku).
Ir-rikorrenti ssostni żewġ motivi insostenn tar-rikors tagħha.
L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li l-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tevalwa n-nuqqas ta' ħlas lura tal-VAT fuq l-esportazzjoni fir-rieżami li wassal għar-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju tal-paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali stabbilit bl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, minflok naqqset mill-prezz tal-esportazzjoni l-ammont tal-VAT fuq l-esportazzjoni li ma tħallasx lura, kif kienet għamlet matul l-investigazzjoni inizzjali, il-Kummissjoni pparagunat il-prezz tal-esportazzjoni mal-valur normali abbażi ta' VAT inkluża billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku.
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li r-regolament huwa wkoll ivvizzjat minn ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku sa fejn il-metodu applikat sabiex jittieħed kont n-nuqqas ta' ħlas lura tal-VAT fil-paragun tal-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali huwa differenti ħafna minn dak applikat fl-investigazzjoni inizjali mingħajr ebda ġustifikazzjoni valida.
____________1 - ĠU L 240, p. 72 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Volum 10, p. 45