Language of document : ECLI:EU:T:2015:429

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

24 ta’ Ġunju 2014 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Taxxa fuq il-ħalib — Għajnuna mogħtija mill-Italja lill-produtturi tal-ħalib — Skema ta’ għajnuna marbuta mar-rimbors tat-taxxa fuq il-ħalib — Deċiżjoni kundizzjonata — Nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni li tippermetti r-rikonoxximent tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern — Għajnuna de minimis — Għajnuna eżistenti — Għajnuna ġdida — Modifika ta’ għajnuna eżistenti — Proċedura ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat — Obbligu ta’ motivazzjoni — Oneru tal-prova”

Fil-Kawża T‑527/13,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino u P. Grasso, avvocati dello Stato,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Grespan, D. Nardi u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/665/UE, tas-17 ta’ Lulju 2013, dwar l-iskema tal-għajnuna mill-Istat SA.33726 (11/C) [ex SA.33726 (11/NN)] implementata mill-Italja (proroga tal-ħlas tat-taxxa fuq il-ħalib) (ĠU L 309, p. 40),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, N. J. Forwood (Relatur) u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Sabiex il-produtturi tal-ħalib Taljani jkunu jistgħu jħallsu t-taxxa addizzjonali ta’ EUR 1 386 475 000 dovuta lill-Unjoni Ewropea minħabba li nqabżet il-kwota tal-ħalib tar-Repubblika Taljana matul is-snin 1995/1996 sa 2001/2002, dan l-Istat Membru talab lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex jawtorizza l-istabbiliment ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat b’applikazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE.

2        Permezz tad-Deċiżjoni 2003/530/KE, tas-16 ta’ Lulju 2003, dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna li r-Repubblika Taljana tixtieq tagħti lill-produtturi tal-ħalib tagħha (ĠU L 184, p. 15, iktar ʼil quddiem id-“Deċiżjoni tal-Kunsill”), il-Kunsill awtorizza lil dan l-Istat Membru sabiex “jissostitwixxi ruħu flok dawn il-produtturi għall-ħlas [lill-Unjoni] tal-ammont dovut minn dawn tal-aħħar lill-[Unjoni] bħala taxxa addizzjonali fuq il-ħalib u l-prodotti magħmulin mill-ħalib għas-snin 1995/1996 sa 2001/2002” (Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill). Huwa wkoll awtorizzaha sabiex “[tippermetti lill-persuni kkonċernati] jħallsu lura d-dejn tagħhom [fir-rigward tar-Repubblika Taljana] permezz ta’ proroga ta’ ħlas mingħajr interessi, fuq numru ta’ snin” (Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill).

3        Din id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà kienet suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, il-Kunsill impona fuq l-awtoritajiet Taljani sabiex jiddikjaraw l-ammont li jikkorrispondi għat-taxxa addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib lil-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), minn naħa, u li jnaqqsu l-ammont tad-dejn tagħhom fir-rigward tal-Unjoni u l-interessi marbuta mill-ispejjeż iffinanzjati mill-FAEGG, min-naħa l-oħra (Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill). Fit-tieni lok, huwa talab li l-produtturi tal-ħalib jirrimborsaw kompletament id-dejn tagħhom fir-rigward tar-Repubblika Taljana permezz ta’ ħlas b’rati kostanti, minn naħa, u matul perijodu li ma jaqbiżx l-erbatax-il sena mill-1 ta’ Jannar 2004, min-naħa l-oħra (Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill).

4        F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Taljani adottaw id-decreto-legge Nru 49, riforma della normativa in tema di applicazione del prelievo supplementare nel settore del latte e dei prodotti lattiero-caseari (Digriet ta’ Liġi Nru 49, li jemenda l-leġiżlazzjoni dwar l-applikazzjoni tat-taxxa addizzjonali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti magħmulin mill-ħalib), tat-28 ta’ Marzu 2003 (GURI Nru 75, tal-31 ta’ Marzu 2003, p. 4), kif ukoll id-decreto ministeriale del 30 luglio 2003, disposizioni per il versamento del prelievo supplementare, dovuto e non versato per i periodi dal 1995/1996 al 2001/2002 di cui all’art. 10, comma 34, della legge n. 119/2003 (Digriet Ministerjali tat-30 ta’ Lulju 2003 dwar dispożizzjoni għall-ħlas tat-taxxa addizzjonali, dovut iżda mhux imħallas għall-perijodu 1995/1996 sa 2001/2002 imsemmija fil-paragrafu 34 tal-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 119/2003) (GURI Nru 183, tat-8 ta’ Awwissu 2003, p. 33). Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien ta’ dawn iż-żewġ leġiżlazzjonijiet ipprevedew, essenzjalment, li l-ammont tat-taxxa addizzjonali mħallsa mir-Repubblika Taljana ser titħallsilha lura kompletament mill-produtturi tal-ħalib, mingħajr interessi, permezz ta’ ħlas bin-nifs annwali tal-istess ammont fuq perijodu li ma jaqbiżx l-erbatax-il sena (iktar ʼil quddiem is-“skema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs”).

5        Wara li dawn id-dispożizzjonijiet ġew emendati diversi drabi, b’mod partikolari sabiex jippermettu lill-persuni kkonċernati jitolbu għall-pjan għad-dejn tagħhom fuq perijodu li jista’ jdum sa tletin sena, sussegwentement billi jiġi pospost f’sitt xhur il-ħlas tar-rata annwali li kien jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2010, l-awtoritajiet Taljani adottaw legge n. 10, Conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 29 dicembre 2010, n. 225, recante proroga di termini previsti da disposizioni legislative e di interventi urgenti in materia tributaria e di sostegno alle imprese e alle famiglie (Liġi Nru 10, dwar il-Bidla f’Liġi, flimkien ma’ emendi, tad-Digriet-Liġi Nru 225, tad-29 ta’ Diċembru 2010, dwar proroga tat-terminu previst mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u ta’ interventi urġenti dwar il-qasam tat-taxxi u ta’ sostenn għall-impriżi u għall-familji), tas-26 ta’ Frar 2011 (GURI Nru 47, tas-26 ta’ Frar 2011, suppliment ordinarju Nru 53), li daħlet fis-seħħ l-għada. Din b’mod partikolari introduċiet il-paragrafu 12(k) fl-Artikolu 1 tad-decreto-legge n. 225, li kien jipprovdi li, “peress li s-settur tal-ħalib kien qed iħabbat wiċċu ma’ kriżi gravi, it-termini ġew posposti għat-30 ta’ Ġunju 2011 għall-ħlas tal-ammonti li kienu jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2010 imsemmija fil-pjanijiet ta’ ħlas bin-nifs previsti mid-digriet-liġi Nru 49” u mil-leġiżlazzjonijiet sussegwenti (iktar ʼil quddiem il-“proroga tal-ħlas”).

6        L-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni Ewropea li s-“sussidju ekwivalenti” ta’ din il-miżura kien ġie allokat mill-għajnuna de minimis prevista għal dan l-Istat Membru permezz tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007, tal-20 ta’ Diċembru 2007, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE] għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 337, p. 35). Skonthom, dan id-dispożittiv ibbenefika lil 1 291 produttur tal-ħalib mill-11 271 benefiċjarju tal-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs, jiġifieri proporzjon ta’ 11.45 %. Barra minn hekk, l-għajnuna individwali miksuba għal dan il-għan kienet inkluża fil-firxa minn EUR 0.08 sa EUR 694.19. Fl-aħħar nett, hija baqgħet inferjuri għal EUR 100 għal 1 187 mill-1 291 produtturi tal-ħalib ikkonċernati u inferjuri għal EUR 12 għal 559 minn fosthom.

7        Permezz tad-deċiżjoni C (2011) 10055 finali, tal-11 ta’ Jannar 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33726 (11/C) [ex SA.33726 (11/NN)] – Proroga tal-ħlas tat-taxxa fuq il-ħalib fl-Italja, li sunt tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Frar 2012 (ĠU C 37, p. 30), il-Kummissjoni bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Fl-ewwel lok, hija sostanzjalment indikat li kellha dubji dwar il-klassifikazzjoni ta’ proroga tal-ħlas fid-dawl tal-Artikolu 107 TFUE, kif ukoll dwar l-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. Fit-tieni lok, hija ddikjarat li din il-proroga tal-ħlas kienet tinvolvi ksur ta’ waħda mill-kundizzjonijiet previsti mid-deċiżjoni tal-Kunsill, li dan il-ksur kien ibiddel l-iskema kollha ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs stabbilita mill-awtoritajiet Taljani f’għajnuna ġdida, sa fejn din kienet tirrigwarda lill-produtturi tal-ħalib li bbenefikaw mill-proroga tal-ħlas, u li l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna l-ġdida mas-suq intern lanqas ma kienet stabbilita.

8        Permezz tad-deċiżjoni 2013/665/UE tas-17 ta’ Lulju 2013, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat SA.33726 (11/C) [ex SA.33726 (11/NN)] implementata mill-Italja (proroga tal-ħlas tat-taxxa fuq il-ħalib) (ĠU L 309, p. 40, iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni kkunsidrat, wara l-iskambju li sar mal-awtoritajiet Taljani matul il-proċedura amministrattiva, li kull waħda miż-żewġ miżuri inkwistjoni, jiġifieri, il-proroga tal-ħlas, minn naħa, u l-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs, min-naħa l-oħra, kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida, illegali u inkompatibbli mas-suq intern (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija, konsegwentement, ordnat lir-Repubblika Taljana sabiex tipproċedi għall-irkupru immedjat u effettiv tas-somom mogħtija lill-produtturi tal-ħalib li bbenefikaw mill-proroga tal-ħlas, flimkien mal-interessi (Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2013, ir-Repubblika Taljana ppreżentat dan ir-rikors.

10      Ir-Repubblika Taljana titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tistedinha tirkupra l-għajnuna individwali mogħtija, b’applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata minn qabel permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill, lill-produtturi tal-ħalib Taljani li bbenefikaw mill-proroga tal-ħlas;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

11      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-Repubblika Taljana tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 1535/2007. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2) tal-istess regolament, fuq ksur tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu[108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), fuq ksur tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3) u fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv

13      Ir-Repubblika Taljana ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn ksur tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 1535/2007, li jistabbilixxi li “[l]-għajnuniet de minimis ma jistgħux ikunu akkumulati ma’ l-għajnuniet mill-Istat għall-istess spejjeż ammissibbli jekk din l-akkumulazzjoni twassal għal intensità fl-għajnuna li taqbeż il-livell iffissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz tar-regolamentazzjoni [tal-Unjoni].” Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet kkonkludiet li l-għoti tal-proroga tal-ħlas kien jikser din id-dispożizzjoni billi tibda mis-suppożizzjoni li l-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs awtorizzata minn qabel mill-Kunsill kienet tikkostitwixxi l-livell massimu ta’ għajnuna li tista’ tingħata lill-produtturi tal-ħalib. Issa, id-deċiżjoni tal-Kunsill fl-ebda każ ma kienet tipprojbixxi lill-awtoritajiet Taljani milli jistabbilixxu fejn applikabbli miżuri ġodda ta’ sostenn favur tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet qieset bi żball li d-dispożizzjoni inkwistjoni kienet tipprekludi milli tingħatalhom għajnuna ġdida. Barra minn hekk, hija stess kienet irrikonoxxiet li din l-għajnuna kellha titqies li kienet de minimis.

14      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-argument.

15      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1535/2007 jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-għajnuniet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 7 ta’ dan l-Artikolu, jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji kollha ta’ l-Artikolu [107(1) TFUE] u għaldaqstant li mhumiex suġġetti għan-notifika rikjesta mill-Artikolu [108(3) TFUE]”.

16      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li miżura tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat, sussegwentement huwa l-Istat Membru li jagħti jew li qiegħed jippjana li jagħti din l-għajnuna li għandu jġib prova li din il-miżura ma taqax taħt tali klassifika jew li hija kompatibbli mas-suq intern.

17      Għal dan il-għan, hija ġurisprudenza stabbilita li huwa għandu l-obbligu b’mod partikolari li jipprovdi lill-Kummissjoni bil-provi kollha li jistgħu jippermettu lil din l-istituzzjoni tivverifika jekk il-kundizzjonijiet tad-deroga li huwa jsemmi humiex issodisfatti (sentenzi tat-28 ta’ April 1993, Italja vs Il-Kummissjoni, C‑364/90, Ġabra, EU:C:1993:157, punt 20, u tad-29 ta’ April 2004, Italja vs Il-Kummissjoni, C‑372/97, Ġabra, EU:C:2004:234, punt 81), billi jistabbilixxi jew li l-miżura inkwistjoni tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(3) TFUE (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1999, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, T‑132/96 u T‑143/96, Ġabra, EU:T:1999:326, punt 140, u tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione Autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra, EU:T:2005:219, punt 129), jew li hija ma taqax taħt il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑159/01, Ġabra, EU:C:2004:246, punt 43, u tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Ġibiltà u tar-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, Ġabra, EU:C:2011:732, punti 143 sa 152).

18      Meta Stat Membru jibqa’ ma jġibx il-prova dwar il-fondatezza tad-deroga li qiegħed jirreferi għaliha, u iktar u iktar meta jonqos mill-obbligu tiegħu li jipproduċi l-informazzjoni rilevanti f’dan ir-rigward, fejn l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1535/2007 ifakkar li dan jgħodd speċjalment fil-każ fejn l-Istati Membri jsostnu li l-għajnuna mogħtija lill-impriżi li joperaw f’settur tal-produzzjoni agrikola hija ta’ natura de minimis, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tiddeċiedi li l-għoti ta’ din id-deroga ma jidhirx li huwa ġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑382/99, Ġabra, EU:C:2002:363, punti 77 sa 80).

19      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tqis li l-proroga tal-ħlas tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (premessi 28 sa 32) u ma tistax titqies li hija ta’ natura de minimis (premessi 33 sa 42), għal kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-awtoritajiet Taljani (premessi 14 sa 20).

20      Din id-deċiżjoni sserraħ fuq tliet tipi ta’ kunsiderazzjonijiet.

21      L-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset li, minkejja l-fatt li l-għajnuna individwali marbuta mal-proroga tal-ħlas tista’, analizzata weħidha, titqies li kienet de minimis, ir-Repubblika Taljana ma kinitx ippreżentatilha l-provi li jippermettu li tiġi stabbilita l-fondatezza tal-allegazzjoni tagħha skont liema l-produtturi tal-ħalib li kienu bbenefikaw minn din il-proroga ma kinux irċevew għajnuna oħra de minimis li twassalhom sabiex jibbenefikaw minn ammont totali tal-għajnuna superjuri għal limitu previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1535/2007 (premessi 34 u 35, l-ewwel sat-tielet sentenza, tad-deċiżjoni kkontestata), fejn it-tieni subparagrafu jipprovdi li, “[j]ekk l-ammont ta’ għajnuna totali konċessa għal miżura ta’ għajnuna jaqbeż il-limitu [ta’ EUR 7 500 fuq perjodu ta’ tliet snin jew ta’ tliet eżerċizzji fiskali] msemmi fl-ewwel linja, dan l-ammont ta’ għajnuna ma jistax jibbenefika minn dan ir-Regolament, anke għall-frazzjoni li ma taqbiżx dan il-limitu”.

22      It-tieni nett, il-Kummissjoni qieset, b’mod komplimentari kif juri l-użu tat-terminu “ukoll” (it-tielet sentenza tal-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata), li din l-għajnuna ma kinitx l-unika miżura li trid tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-limitu inkwistjoni. Fil-fatt, hija qieset li l-proroga tal-ħlas seħħet bi ksur tad-deċiżjoni tal-Kunsill, li dan il-ksur kien irendi illegali parti mill-għajnuna individwali mogħtija lill-produtturi tal-ħalib bis-saħħa tal-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs awtorizzata mill-Kunsill u li din tal-aħħar kellha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-imsemmija verifika (it-tielet sal-ħames sentenza tal-premessa 35, u l-premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      It-tielet nett, u dejjem b’mod komplementari kif turi l-użu tal-espressjoni “[b]arra minn hekk” (premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni spjegat li l-proroga tal-ħlas twassal, minħabba fil-kumulu tagħha mal-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs, sabiex tagħti lill-produtturi tal-ħalib għajnuna ta’ “intensità” li taqbeż il-livell iffissat fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ (premessi 36 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata), bi ksur tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 1535/2007.

24      Issa, ir-Repubblika Taljana tikkritika din it-tielet kunsiderazzjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 3(7) tar-Regolament Nru 1535/2007, iżda ma tagħtix argumenti li jippermettu li jinvalidaw l-analiżi li wettqet il-Kummissjoni b’mod parallel fid-dawl tat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu (ara l-punt 21 iktar ʼil fuq).

25      Fil-fatt, hija tillimita ruħha, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, tosserva li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ammettiet li l-għajnuna individwali marbuta mal-proroga tal-ħlas setgħet titqies li hija ta’ natura de minimis fil-każ li hija tiġi eżaminata weħidha (punt 46 tar-rikors). Madankollu, il-Kummissjoni żiedet li din l-għajnuna kellha tiġi kkunsidrata flimkien mal-għajnuna l-oħra de minimis li setgħet tibbenefika lill-produtturi tal-ħalib, u mhux b’mod iżolat (ara l-punt 21 iktar ʼil fuq).

26      Sussegwentement, ir-Repubblika Taljana ammettiet hija stess, fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1535/2007 jipprojbixxi li l-għajnuna differenti li hija ta’ natura de minimis tista’ tiġi kklassifikata globalment bħala għajnuna de minimis meta hija tingħadd flimkien u meta l-ammont kumplessiv tagħha jeċċedi l-limitu li dan l-artikolu jipprovdi (punt 53 tar-rikors).

27      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Taljana tiddikjara, fit-tieni motiv tagħha, li, “kif intwera fl-ewwel motiv tar-rikors, il-kundizzjonijiet previsti [fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1535/2007] ma humiex issodisfatti”, li “fil-fatt, il-prova ma ġietx prodotta li l-miżura kkontesta wasslet għal ammont totali ta’ għajnuna mogħtija li jeċċedi l-limitu msemmi f’[dan l-artikolu]” u li “għal kuntrarju teżisti data li turi preċiżmanet bil-kontra” (punt 52 tar-rikors). Madankollu, hija ma tagħtix, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, u lanqas ma ġġib prova li tat, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, argumenti jew provi li jippermettu li jitqies, jew sempliċement li jiġi vverifikat, li hija ma allokatx għajnuna oħra de minimis li taqbeż il-limitu stabbilit minn din id-dispożizzjoni, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni. Għal kuntrarju, bħala risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali fid-dawl tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sussegwentement filwaqt tas-seduta, hija tillimita d-dikjarazzjoni tagħha, essenzjalment, billi tiddikjara li l-għajnuna li tirriżulta mill-proroga tal-ħlas hija ta’ importanza tant minima li għandu jiġi preżunt li l-limitu inkwistjoni ma kienx inqabeż. Issa, tali argument ma huwiex sostenibbli, fl-assenza ta’ kwalunkwe informazzjoni dwar għajnuna oħra li setgħet tingħata lill-produtturi tal-ħalib rilevanti u fid-dawl tar-rekwiżiti probatorji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza (ara l-punti 17 u 18 iktar ʼil fuq) u tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 3(1) u (2) u tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1535/2007.

28      Peress li l-Kummissjoni setgħet issostni, fil-kuntest tal-analiżi msemmija fil-punt 21 iktar ʼil fuq, li l-għajnuna marbuta mal-proroga tal-ħlas ma setgħetx titqies li ngħatat konformement mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1535/2007, minħabba li l-awtoritajiet Taljani naqsu milli jġibu b’mod suffiċjenti provi dwar l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni, huwa indifferenti li hija qieset bi żball jew bir-raġun, fil-kuntest tal-analiżi msemmija fil-punt 23 iktar ʼil fuq, li l-għoti ta’ din l-għajnuna kien barra minn hekk jikser l-Artikolu 3(7) ta’ dan ir-regolament.

29      Konsegwentement, dan il-motiv jista’ biss jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq it-tieni motiv

30      Ir-Repubblika Taljana tinvoka żewġ serji ta’ lmenti fil-kuntest tat-tieni motiv.

31      Fl-ewwel lok, hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata mill-ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1535/2007. Qabel kollox, ma kinitx inġabet prova li l-produtturi tal-ħalib li bbenefikaw mill-proroga tal-ħlas kisbu, minħabba fil-kumulu ta’ din il-miżura ma’ miżuri oħra, ammont totali ta’ għajnuna superjuri għal limitu previst f’dan l-artikolu. Sussegwentement, dan tal-aħħar japplika esklużivament għall-każijiet fejn il-kumulu tad-diversi miżuri li kull waħda minnhom tikkostitwixxi għajnuna de minimis twassal għal ammont totali ta’ għajnuna superjuri għal limitu li huwa jistabbilixxi. Fl-aħħar nett, anki jekk wieħed jippreżumi li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1535/2007 japplika għal kull sitwazzjoni ta’ kumulu ta’ għajnuna, sew jekk din hija ta’ natura de minimis jew le, dan ma jikkostitwixxix bażi legali li tippermetti lill-Kummissjoni sabiex tordna lil Stat Membru li kien alloka għajnuna de minimis jirkupra mhux biss din l-għajnuna, peress li din ingħatat illegalment, iżda wkoll l-ammont ta’ għajnuna preċedenti li wassal għal deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

32      Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi, u minn tal-inqas minn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni tordna lir-Repubblika Taljana tirkupra mhux biss l-għajnuna individwali marbuta mal-proroga tal-ħlas, iżda wkoll parti minn dik mogħtija preċedentement, bis-saħħa tal-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs. Fil-fatt, fid-dawl tal-portata limitata ta’ din il-proroga, il-Kummissjoni kellha tanalizzaha weħdiha, bħala għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999, minflok ma tqis li kienet taffettwa s-sustanza stess tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata minn qabel mill-Kunsill u, konsegwentement, li tiddeċiedi li l-iskema ta’ għajnuna kollha eżistenti kellha tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida u illegali fir-rigward tal-produtturi tal-ħalib li bbenefikaw mill-proroga tal-ħlas. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha tiddeċiedi li din l-għajnuna l-ġdida kienet eżentata mill-obbligu ta’ notifika previst mit-Trattat FUE, konformement mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004.

33      Bħala replika, ir-Repubblika Taljana żżid, essenzjalment, li l-argumenti invokati fid-difiża mill-Kummissjoni jikkonfermaw il-fondatezza tal-ilmenti tagħha.

34      Il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li dawn iż-żewġ serje ta’ lmenti ma humiex fondati, għal xi wħud minnhom, u ineffettivi, għall-oħrajn.

35      Fl-ewwel lok, l-awtoritajiet Taljani kienu baqgħu ma pproduċewx prova, matul il-proċedura amministrattiva kollha, dwar il-fondatezza tal-allegazzjoni tagħhom li tgħid li l-għajnuna marbuta mal-proroga tal-ħlas ma kinitx taqbeż il-limitu stabbilit mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1535/2007, hekk li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta ma applikatx din id-dispożizzjoni.

36      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Taljana kienet qrat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kien jirriżulta b’mod ċar mill-motivi u mid-dispożittiv ta’ dan l-att — kif ukoll mid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE li ġie qabilha — li l-Kummissjoni eżaminat żewġ miżuri distinti, sussegwentement ikklassifikati kull waħda minnhom bħala għajnuna ġdida illegali u inkompatibbli mas-suq intern. L-ewwel waħda fosthom hija l-“għajnuna marbuta mal-proroga tal-ħlas” (l-ewwel u t-tieni inċiż tal-premessa 13, premessa 45 u premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni waħda hija l-“għajnuna l-ġdida maħluqa mill-ksur tad-deċiżjoni [tal-Kunsill]” (it-tielet inċiż tal-premessa 13 u premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Fir-rigward ta’ din it-tieni miżura, il-Kummissjoni kienet ġustament qieset li l-awtoritajiet Taljani kienu kisru waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill meta allokaw proroga tal-ħlas lill-produtturi tal-ħalib, li din il-kundizzjoni kienet tikkostitwixxi element sine qua non tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill u li l-ksur tagħha kien jirrendi non-konformi l-iskema kollha ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs mal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn hija tapplika għall-produtturi tal-ħalib li bbenefikaw mill-proroga. Għalhekk hija ġustament iddeċidiet li din l-iskema kellha tiġi kklassifikata, f’dan ir-rigward, bħala skema ta’ għajnuna ġdida, illegali u inkompatibbli mas-suq intern u li l-għajnuna individwali mogħtija għal dan il-għan kellha tiġi rkuprata fl-istess ħin bħal dik marbuta mal-proroga tal-ħlas. Ma kienx neċessarju, fil-kuntest ta’ din l-analiżi, li jiġi eżaminat jekk il-proroga tal-ħlas kinitx taffettwa jew inqas is-sustanza tal-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs jew jekk in-natura de minimis tagħha kinitx teħlisha mill-obbligu ta’ notifika previst mit-Trattat FUE. Finalment, il-Kummissjoni kienet tat motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjoni tagħha dwar dawn il-punti kollha.

38      Fid-dawl tal-argumenti bejn il-partijiet matul il-proċedura, huwa neċessarju li tiġi speċifikata l-portata ta’ dan il-motiv qabel ma jiġi eżaminat l-ilment rigward il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sussegwentement dawk rigward il-fondatezza tagħha.

 Fuq il-portata tal-motiv

39      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja l-fatt li kull waħda mill-ilmenti invokati mir-Repubblika Taljana fil-kuntest ta’ dan il-motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjoni differenti, huma għandhom komuni li jikkritikaw bl-istess mod, essenzjalment, id-deċiżjoni kkontestata li ma tibbażax ruħha fuq ebda bażi legali valida sa fejn tikklassifika l-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs bħala għajnuna ġdida u illegali (Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata), u sa fejn hija tordnalha li tirkupra din l-għajnuna [Artikolu 2(1) u (4)(a) sa (d) tad-deċiżjoni kkontestata].

40      Fit-tieni lok, din il-kritika hija fformulata sa mill-fażi tar-rikors, anki jekk l-espressjonijiet “referenzi normattivi” u “punt ta’ sostenn pożittiv li fuqu d-deċiżjoni [tal-Kummissjoni] setgħet bħala prinċipju tibbaża ruħha” huma stess jidhru biss fir-replika, bħala risposta għall-argumenti tal-Kummissjoni bħala difiża.

41      Għalhekk, ir-Repubblika Taljana tiddikjara, fl-okkażjoni tal-ewwel serje ta’ lmenti tagħha, li “n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-miżura kkontestata mill-amministrazzjoni kompetenti, fi kliem ieħor [tal-]oneru tal-interessi li jikkorrispondu għall-perijodu tad-dewmien fil-ħlas […] ikun ekwivalenti, waħdu, għall-konsegwenza massima prevista mit-trattat għall-għajnuna mhux awtorizzata, jiġifieri t-tneħħija tal-għajnuna mogħtija”, li “t-tneħħija tal-għajnuna de minimis ma għandhiex lanqas tfisser l-annullament tal-għajnuna legalment mogħtija” u li ma jeżistux elementi li jistgħu jistabbilixxu li l-benefiċjarji tal-għajnuna eżistenti li kienu bbenefikaw mill-miżura kkontestata jkunu obbligati li jirritornaw mhux biss l-ammont li jikkorrispondi għall-miżura kkontestata, iżda wkoll dak li rċevew bħala l-għajnuna eżistenti” (punti 54 sa 56 tar-rikors).

42      Bl-istess mod, hija ssostni, fit-tieni serje ta’ lmenti tagħha, li “[ma] jistax lanqas jitqies li l-estensjoni tad-deċiżjoni tal-irkupru anki għall-għajnuna eżistenti tista’ legalment tirriżulta mill-eżistenza ta’ emenda sostanzjali ta’ din l-għajnuna, li tkun ta’ natura li ż-żewġ miżuri jitqiesu bħala għajnuna ġdida u unika, mhux notifikata lill-Kummissjoni u għalhekk illegali”, li “tali konklużjoni tkun ir-riżultat manifest ta’ żnaturament tal-kunċett ta’ “emenda tal-għajnuna eżistenti” u li “fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma tagħtx motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-fatt li l-kundizzjonijiet fattwali, għall-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett, huma ssodisfatti” (punti 57 u 58 tar-rikors).

43      Fit-tielet u l-aħħar lok, u fi kwalunkwe każ, hija ġurisprudenza stabbilita li motiv jew argument li jikkostitwixxi l-estensjoni ta’ motiv stabbilit preċedentement, sew jekk ikun b’mod dirett jew impliċitament, u li jippreżenta rabta ristretta ma’ dan għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il-Kunsill, 108/81, Ġabra, EU:C:1982:322, punt 25, u tal-14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, T‑107/04, Ġabra, EU:T:2007:85, punt 60).

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-argumenti tar-Repubblika Taljana li jgħidu li d-difiża tal-Kummissjoni tikkonferma li “d-deċiżjoni tagħha hija nieqsa minn referenzi normattivi li jistgħu jiġġustifikawha”, peress li “t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2), tar-Regolament Nru 1535/2007 […] jikkostitwixxi, meta jiġi kkunsidrat kollox, l-uniku punt ta’ sostenn pożittiv li fuqu d-deċiżjoni setgħet bħala prinċipju tibbaża ruħha”, minn naħa, u li “huwa impossibbli li [il-proroga tal-ħlas] tiġi kkunsidrata bħala elementi ta’ għajnuna ġdida, u b’dan il-mod ittellef ukoll lill-benefiċjarji d-dritt għall-għajnuna awtorizzata mill-Kunsill”, peress li l-Kummissjoni ma pproduċietx “prova li l-kriterji li jikkorrispondu għall-kunċett ta’ emenda ta’ għajnuna eżistenti kienu osservati”, minn naħa l-oħra (punti 16, 17, 21 u 23 tar-replika), jikkostitwixxu l-estensjoni, fid-dawl tar-risposta, tal-argument ippreżentat mill-istadju tar-rikors.

 Fuq l-ilment dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

45      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Hija għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi fil-każ inkwistjoni, u b’mod partikolari tal-kontenut tal-att inkwistjoni, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tagħha jew l-persuni l-oħra kkonċernati jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Madankollu ma huwiex meħtieġ li hija tispeċifika l-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha rilevanti, peress li l-kwistjoni li jsir magħruf jekk hija tissodisfax l-Artikolu 296 TFUE hija evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni kemm tal-formulazzjoni ta’ dan l-att kif ukoll tal-kuntest legali u fattwali (sentenzi tat-13 ta’ Marzu 1985, Il-Pajjiżi l-Baxxi u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni 296/82 u 318/82, EU:C:1985:113, punt 19, u tal-21 ta’ Lulju 2011, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, C‑194/09 P, Ġabra, EU:C:2011:497, punt 96). Għalhekk huwa biżżejjed li l-istituzzjoni li hija l-awtur tiegħu tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni tagħha (sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, Cassella Farbwerke Mainkur vs Il-Kummissjoni, 55/69, Ġabra, EU:C:1972:76, punti 22 u 23, u tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra, EU:T:2003:57, punt 280).

46      Fil-każ ineżami, id-deċiżjoni kkontestata tesponi f’seba’ okkażjonijiet, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunijiet li minħabba fihom il-Kummissjoni kkunsidrat, kemm fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll fit-tmiem tal-proċedura, minn naħa, li l-proroga tal-ħlas saret bi ksur ta’ waħda mill-kundizzjonijiet li fuqha l-Kunsill kien ibbaża d-deċiżjoni tiegħu li tiddikjara l-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs kompatibbli mas-suq intern u, min-naħa l-oħra, li tali ksur “ittrasforma” l-iskema ta’ għajnuna eżistenti kollha f’għajnuna ġdida illegali jew kien “joħloq” tali għajnuna, fir-rigward tal-impriżi li bbenefikaw mill-imsemmi proroga (it-tielet inċiż tal-premessa 13, premessa 28, it-tielet sal-ħames sentenza tal-premessa 35, l-aħħar tal-premessa 42, it-tieni sentenza tal-premessa 45, premessa 50 u premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

47      Dawn il-motivi jesponu suffiċjentement il-premessi ta’ fatt u ta’ liġi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, huma ppermettew lir-Repubblika Taljana sabiex tifhem il-ġustifikazzjonijiet li huma l-bażi tar-raġunament ta’ din l-istituzzjoni, fid-dawl tal-kuntest li fih dan ir-raġunament kien sar u tar-regoli legali li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata, sussegwentement li tikkontestahom b’mod effettiv quddiem il-qorti tal-Unjoni, kif inhuwa ddikjarat fil-kontenut tar-rikors u tar-replika. Fl-aħħar nett, huma suffiċjenti sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tistħarreġ il-fondatezza ta’ dan ir-raġunament.

48      Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ilmenti dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata

49      Fl-ewwel lok, fid-dawl tar-raġunament li huwa l-bażi tad-deċiżjoni kontestata u mfakkar mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, għandhom jitwettqu erba’ konstatazzjonijiet.

50      L-ewwel nett, huwa stabbilit li, sa fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs kellha titqies li hija għajnuna ġdida, din il-miżura tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna eżistenti, anki jekk din il-klassifikazzjoni hija mfakkra biss impliċitament permezz tad-deċiżjoni kkontestata, fil-premessa 4 u fit-tielet inċiż tal-premessa 13, li jiddikjaraw li l-għajnuna “approvata mill-Kunsill” ġiet “ittrasformata” f’“għajnuna ġdida” minħabba fil-proroga tal-ħlas.

51      It-tieni nett, huwa stabbilit li d-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà li kienet tibbenefika minnha din l-iskema ta’ għajnuna eżistenti ma kinitx assoluta, peress li l-Kunsill kien issuġġetta l-awtorizzazzjoni tagħha b’osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet.

52      It-tielet nett, ma huwiex ikkontestat li l-proroga tal-ħlas saret bi ksur ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet u li hija tikkostitwixxi, meħudha weħidha, għajnuna ġdida. Fil-fatt, fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika Taljana ssostni li d-deċiżjoni tal-Kunsill u r-regola de minimis kienu jippermettulha li tagħti tali għajnuna ġdida. Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, hija tikkonstata, sussidjarjament, il-konsegwenzi legali marbuta mill-Kummissjoni man-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni tal-Kunsill, jiġifieri l-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ġdida għall-iskema kollha ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs, sa fejn hija tapplika għall-produtturi li bbenefikaw mill-proroga tal-ħlas, kif ukoll l-ordni lill-awtoritajiet Taljani sabiex jirkupraw l-għajnuna individwali mogħtija għal dan il-għan. Min-naħa l-oħra, hija ma tikkontestax l-eżistenza ta’ dan il-ksur.

53      Ir-raba’ nett, ma huwiex ikkontestat u lanqas ma jista’ jiġi kkontestat il-fatt li hija l-Kummissjoni li għandha tissorvelja l-implementazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kunsill, b’mod partikolari billi tiżgura l-osservanza tal-kundizzjonijiet li ppermettew lil dan tal-aħħar li jiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern u, sa fejn hemm bżonn, billi toħroġ il-konsegwenzi mill-ksur tagħhom, kif kienet fakkret id-deċiżjoni stess tal-Kunsill (premessi 8 u 9, u Artikolu 3).

54      Fil-fatt, hija taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li t-Trattat jorganizza l-eżami permanenti u l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat u l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE jallokaw ir-rwol ċentrali lil din l-istituzzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mas-suq intern, permezz ta’ deroga mill-prinċipju ġenerali dwar l-inkompatibbilitajiet li huma jistabbilixxu, filwaqt li jagħtu, f’dan ir-rigward, lill-Kunsill setgħa li għandha natura ta’ eċċezzjoni u għandha, bħala tali, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni ristretta (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑110/02, Ġabra, EU:C:2004:395, punti 29 sa 31, u tal-10 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑272/12 P, Ġabra, EU:C:2013:812, punt 48). Issa, din l-eċċezzjoni tillimita ruħha li tippermetti lill-Kunsill li jiddeċiedi, fil-każ li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali jiġġustifikaw dan, li għajnuna stabbilita jew li ser tiġi stabbilita minn Stat Membru għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Għalhekk, hija l-Kummissjoni, u hija weħidha, li għandha tissorvelja l-implementazzjoni t-tajba tal-għajnuna jew tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, kemm jekk kienu awtorizzati minnha kemm jekk mill-Kunsill.

55      Fit-tieni lok, fid-dawl tal-argumenti invokati mir-Repubblika Taljana, għandu jiġi stabbilit jekk, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni eżerċitatx jew ma eżerċitatx din il-kompetenza taħt il-forma prevista fit-Trattat u skont ir-regoli li jirrigwardaw il-metodi ta’ applikazzjoni tagħha.

56      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 108 TFUE u r-Regolament Nru 659/1999 jagħtuha l-possibbiltà li toħroġ diversi konsegwenzi min-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni li ddikjarat għajnuna jew skema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern suġġetta għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet.

57      Minn naħa, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, u mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 659/1999, jirriżulta li, fil-każ li l-Kummissjoni tqis li Stat Membru ma jikkonformax ma’ tali deċiżjoni, hija tista’ tressaq azzjoni direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga mill-Artikoli 258 TFUE u 259 TFUE (sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 1978, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 156/77, Ġabra, EU:C:1978:180, punt 22, u tal-4 ta’ Frar 1992, British Aerospace u Rover vs Il-Kummissjoni, C‑294/90, Ġabra, EU:C:1992:55, punt 11).

58      Ċertament, dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu espressament għal tali għażla biss fil-każ fejn id-deċiżjoni li ma kinitx ġiet osservata ġiet adottata mill-Kummissjoni. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li din l-għażla tista’ tintuża anki fil-każ li kien il-Kunsill li ddikjara li għajnuna jew skema ta’ għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern, bis-saħħa tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE. Fil-fatt, ma jistax jiġi ammess li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ tressaq direttament azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tikkonstata li Stat Membru ma kkonformax ma’ deċiżjoni meħuda minħabba fl-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat fil-każ fejn il-Kunsill juża, eċċezzjonalment, il-kompetenza li hija normalment teżerċita. Għal kuntrarju, l-ispirtu u l-istruttura tal-Artikolu 108 TFUE jimplikaw li, f’każ bħal dan, il-mezzi ta’ azzjoni tal-Kummissjoni ma humiex limitati għall-proċedura l-iktar kumplessa prevista fl-Artikolu 258 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 173/73, Ġabra, EU:C:1974:71, punti 16 u 17). Għalhekk, ir-rikors previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, li jikkostitwixxi varjanti tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu adattat iktar speċifikament għall-problemi partikolari li tippreżenta l-għajnuna mill-Istat (sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra, EU:C:1990:67, punt 23, u tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il-Kummissjoni, T‑358/94, Ġabra, EU:T:1996:194, punt 60), għandu jkun jista’ jiġi implementat f’każ bħal dan.

59      Meta l-Kummissjoni tipproċedi b’dan il-mod, la t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE u lanqas l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 659/1999 ma jimponu fuqha obbligi oħra ħlief dak li tistabbilixxi suffiċjentement fid-dritt li l-Istat Membru rilevanti ma kienx ikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha jew ma’ wħud minnhom li jippermettu lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill sabiex jiddikjaraw l-għajnuna jew l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern.

60      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni tqis li Stat Membru li kien awtorizzat jimplementa għajnuna jew skema ta’ għajnuna naqas imbagħad milli jwettaq l-obbligu tiegħu li josserva l-kundizzjonijiet marbuta ma’ din l-awtorizzazzjoni, hija madankollu ma għandhiex l-obbligu, fi kwalunkwe każ, li tressaq azzjoni direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

61      B’mod partikolari, meta, bħal f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-Kummissjoni tqis li seħħ huwa marbut mal-għoti ta’ għajnuna ġdida, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija setgħet timplementa s-setgħat li jattribwilha l-Artikolu 108 TFUE sabiex tistħarreġ il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, inkluż, fejn xieraq, il-kuntest diġà evalwat f’deċiżjoni preċedenti u l-kundizzjonijiet li din id-deċiżjoni setgħet timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni kull punt ta’ fatt ġdid li jista’ jemenda l-analiżi li twettqet preċedentement. Fl-assenza ta’ tali elementi, hija tista’ tibbaża d-deċiżjoni l-ġdida tagħha fuq l-evalwazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni preċedenti u fuq in-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-kundizzjonijiet imposti minnha (sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑261/89, Ġabra, EU:C:1991:367, punti 2 sa 4, 17 u 20 sa 23, u British Aerospace u Rover vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar ʼil fuq, EU:C:1992:55, punti 11 sa 14; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 1995, TWD vs Il-Kummissjoni, T‑244/93 u T‑486/93, Ġabra, EU:T:1995:160, punti 51 sa 52, 56 u 59 sa 60; u, dwar l-appell, sentenza tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C‑355/95 P, Ġabra, EU:C:1997:241, punti 25 sa 27).

62      Madankollu, fil-każ li l-Kummissjoni timplementa s-setgħat ta’ stħarriġ tagħha, hija għandha tagħmel dan b’osservanza, minn naħa, tal-proċeduri previsti mit-Trattat u tar-regoli li ġew adottati għall-applikazzjoni tiegħu (sentenzi British Aerospace u Rover vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar ʼil fuq, EU:C:1992:55, punt 14, u TWD vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ʼil fuq, EU:T:1995:160, punti 57 u 58) u, min-naħa l-oħra, tar-rekwiżiti rigward il-bażi li huma suġġetti għalihom dawn is-setgħat.

63      Fil-każ ineżami, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li saru fil-punti 49 sa 53 iktar ʼil fuq u tal-istruttura tar-Regolament Nru 659/1999, kif spjegati mill-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kellha l-possibbiltà sabiex tagħmel użu minn diversi mezzi proċedurali.

64      L-ewwel nett, peress li l-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs kienet ġiet awtorizzata permezz ta’ deċiżjoni mill-Kunsill u kienet tikkostitwixxi għalhekk skema ta’ għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999, minn naħa, u li l-proroga tal-ħlas kienet saret bi ksur ta’ waħda mill-kundizzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-awtorizzazzjoni, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kellha d-dritt, fil-kuntest tal-eżami permanenti tal-iskemi ta’ għajnuna previst mill-Artikolu 108(1) TFUE, sabiex teżamina jekk, minħabba f’tali ksur, l-imsemmija skema kinitx għadha kompatibbli mas-suq intern jew le u, fejn xieraq, sabiex tikkonstata l-inkompatibbiltà tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, sussidjarjament, sa fejn ir-Repubblika Taljana f’dan il-każ ma kkontestatx il-proporzjonalità tad-deċiżjoni kkontestata u fejn għalhekk ma hemmx lok li tiġi eżaminata din il-kwistjoni, li d-deċiżjoni adottata skont it-termini ta’ din il-proċedura għandha tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità applikabbli għall-atti kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, Ġabra, EU:C:2010:377, punti 36 u 37, u tas-17 ta’ Lulju 2014, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il-Kummissjoni, T‑457/09, Ġabra, EU:T:2014:683, punti 346 u 347).

65      Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet tagħmel użu mill-“proċedura rigward l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti”, prevista mill-Kapitolu V tar-Regolament Nru 659/1999. Madankollu, huwa stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE, kif jirriżulta kemm mill-premessi kif ukoll mill-motivi tagħha (premessi 4, 8, 13, 28, 33, 35, 37, 45 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata) u kif ikkonfermat il-Kummissjoni bħala risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali.

66      It-tieni nett, peress li l-proroga tal-ħlas saret bi ksur tad-deċiżjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni kellha d-dritt, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, li tistabbilixxi jekk kienx xieraq li jiġi kkunsidrat, jew le, li l-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs awtorizzata mill-Kunsill kienet ġiet użata b’mod ħażin minħabba f’tali ksur. Għal dan il-għan, hija setgħet tagħmel użu mill-“proċedura f’każ ta’ użu ħażin ta’ għajnuna”, prevista fil-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 659/1999.

67      Fil-fatt, minkejja l-fatt li l-Artikolu 1(g) tar-Regolament Nru 659/1999 jillimita ruħu jikklassifika bħala “għajnuna użata b’mod ħażin”, “[għ]all-għan ta’ dan ir-Regolament”, l-“għajnuna wżata mill-benefiċjarju [tagħha]” bi ksur, b’mod partikolari, ta’ “deċiżjoni kondizzjonali”, ibbażata fuq l-Artikolu 7(4) ta’ dan ir-regolament, u li jippermetti lill-Kummissjoni tordna t-tħassir jew l-emenda ta’ din l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il-Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, Ġabra, EU:T:2005:166, punti 84 sa 86 u 95 sa 97), mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ “għajnuna użata b’mod ħażin”, li jissemma’ fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, għandu jkollu portata iktar wiesgħa mid-definizzjoni li jagħtiha l-Artikolu 1(g) tar-Regolament Nru 659/1999, sa fejn in-nuqqas ta’ osservanza, minn Stat Membru, tal-kundizzjonijiet imposti fil-waqt tal-approvazzjoni ta’ għajnuna, jikkostitwixxi wkoll forma ta’ użu ħażin (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Ellinika Nafpigeia vs Il-Kummissjoni, T‑391/08, EU:T:2012:126, punt 165, li ma ġietx ikkontestata fuq dan il-punt fil-kuntest tal-appell li wassal għas-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ellinika Nafpigeia vs Il-Kummissjoni, C‑246/12 P, EU:C:2013:133).

68      Madankollu, huwa stabbilit li l-Kummissjoni ma bbażatx id-deċiżjoni tagħha fuq dawn id-dispożizzjonijiet, kif hija kkonfermat fir-risposta għad-domanda bil-miktub li saret mill-Qorti Ġenerali, iżda li hija qieset li l-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs kienet saret għajnuna ġdida minħabba l-fatt tal-proroga tal-ħlas u sa fejn hija tapplika għall-produtturi tal-ħalib li bbenefikaw minn din il-proroga. Issa, din il-klassifikazzjoni u dik tal-għajnuna użata b’mod ħażin jeskludu reċiprokament lil xulxin, peress li hija biss għajnuna diġà eżistenti li tista’ tagħti lok għal użu b’mod ħażin, kif tfakkar il-premessa 15 tar-Regolament Nru 659/1999.

69      It-tielet nett, peress li l-ksur allegatament imwettaq mir-Repubblika Taljana kien jikkonsisti fl-għoti ta’ miżura li tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida, il-Kummissjoni kellha d-dritt tuża l-“proċedura fi kwistjonijiet ta’ għajnuna kontra l-liġi”, prevista fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru 659/1999, sabiex teżamina din il-miżura, kif hija ddeċidiet li tagħmel fil-każ ineżami.

70      Madankollu, hija kellha tosserva, f’dan il-kuntest, il-kundizzjonijiet sostantivi li kienu jippermettulha tikklassifika bħala għajnuna jew skema ta’ għajnuna ġdida u illegali mhux biss il-proroga tal-ħlas meħuda weħidha, iżda wkoll l-iskema kollha ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs diġà eżistenti.

71      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(b) u (c) tar-Regolament Nru 659/1999 jikklassifika bħala għajnuna eżistenti “għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill”, u bħala għajnuna ġdida “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti”.

72      Konformement mat-Trattat u mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 659/1999 dwar il-“[p]roċedura dwar għajnuna notifikata”, tali tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni minn qabel ma jiġi implementat, ħlief għall-każijiet li n-notifika hija eżentata previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, u jista’, skont il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ikun is-suġġett ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà, jew “deċiżjoni negattiva”, abbażi tal-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 659/1999.

73      Fl-assenza ta’ notifika, dan it-tibdil jikkostitwixxi għajnuna illegali u jista’ jkun is-suġġett, skont il-“[p]roċedura li tirrigwarda għajnuna kontra l-liġi”, irregolata mill-Kapitolu III tar-Regolament Nru 659/1999, mhux biss ta’ “deċiżjoni negattiva”, kif huwa previst fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll ta’ “deċiżjoni ta’ rkupru”, bis-saħħa tal-Artikolu 14 tiegħu.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi kollha, ma huwiex “kull tibdil ta’ għajnuna eżistenti”, iżda, konformement mat-test mhux ekwivokabbli tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 659/1999 u kif tfakkar ġurisprudenza stabbilita, huwa biss it-tibdil bħala tali li jista’ jiġi kklassifikat bħala għajnuna ġdida (sentenzi tat-30 ta’ April 2002, Gvern ta’ Ġibiltà vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra, EU:T:2002:111, punti 109 u 110, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Pajjiżi l-Baxxi u NOS vs Il-Kummissjoni, T‑231/06 u T‑237/06, Ġabra, EU:T:2010:525, punt 177; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C‑138/09, Ġabra, EU:C:2010:291, punti 42 sa 49). Minn naħa tagħha, il-miżura preċedenti, li setgħet tiġi implementata regolarment, titqies li hija għajnuna eżistenti jew skema ta’ għajnuna eżistenti (sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit, C‑44/93, Ġabra, EU:C:1994:311, punt 13, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio, C‑295/97, Ġabra, EU:C:1999:313, punt 48).

75      Eċċezzjonalment, fiċ-ċirkustanza li t-tibdil jaffettwa s-sustanza stess tal-għajnuna eżistenti jew tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti, din il-miżura hija mibdula kompletament f’għajnuna ġdida jew fi skema ta’ għajnuna ġdida. Madankollu, ma jistax ikun hemm tali bidla essenzjali meta l-element il-ġdid jista’ kjarament jinfired mill-miżura diġà eżistenti (sentenzi tal-Gvern ta’ Ġibiltà vs Il-Kummissjoni, punt 74 iktar ʼil fuq, EU:T:2002:111, punti 111 u 114, u tal-25 ta’ Marzu 2009, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, T‑332/06, EU:T:2009:79, punt 128; ara wkoll, f’dan is-sens, dwar l-appell, is-sentenza Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni, punt 45 iktar ʼil fuq, EU:C:2011:497, punti 111 u 112) jew meta huwa ta’ natura purament formali jew amministrattiva u ma huwiex ta’ natura li jinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura fis-suq intern (sentenza tal-20 ta’ Marzu 2014, Rousse Industry vs Il-Kummissjoni, C‑271/13 P, EU:C:2014:175, punti 31 sa 38).

76      Minn dan isegwi li l-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tikklassifika bħala għajnuna ġdida, u fejn xieraq bħala illegali, mhux biss il-bidla ta’ għajnuna eżistenti, iżda wkoll l-għajnuna eżistenti kollha li hija s-suġġett ta’ din il-bidla, hija suġġetta, fir-rigward tal-mertu, għall-kundizzjoni li din l-istituzzjoni tistabbilixxi li l-imsemmija bidla taffettwa s-sustanza stess tal-miżura diġà eżistenti. Barra minn hekk, fil-każ li l-Istat Membru kkonċernat isostni, matul il-proċedura amministrattiva, jew li din il-bidla tista’ kjarament tinfired mill-miżura diġà eżistenti, jew li hija ta’ natura purament formali jew amministrattiva u ma hijiex ta’ natura li tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura fis-suq intern, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika r-raġunijiet li minħabba fihom dawn l-argumenti ma jidhrux fl-opinjoni tagħha li huma fondati.

77      F’dan il-każ, għandhom isiru tliet konstatazzjonijiet f’dan ir-rigward.

78      Qabel kollox, l-uniċi premessi tad-deċiżjoni kkontestata li jistgħu jkunu marbuta mal-kwistjoni dwar jekk il-proroga tal-ħlas taffettwax jew le s-sustanza stess tal-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs jillimitaw ruħhom jindikaw li “[l-]Kummissjoni ma taqbilx” mal-awtoritajiet Taljani li jgħidu li “l-proroga tal-ħlas għandha tiġi evalwata bħala miżura iżolata”, minħabba l-fatt li hija “direttament marbuta” mal-għajnuna awtorizzata minn qabel mill-Kunsill u “għalhekk ma tistax titqies li ma għandha x’taqsam xejn” magħha (premessi 38 u 39). Issa, minkejja l-eżistenza ta’ “rabta diretta” u ta’ “relazzjoni” bejn il-proroga tal-ħlas u l-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs hija inkontestabbli, hija ma timplikax, minnha nnifisha, li t-tieni waħda minn dawn il-miżuri tibdel sostanzjament l-ewwel waħda.

79      Sussegwentement, din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni seħħet fil-kuntest tal-eżami ta’ domanda distinta, li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna li tirriżulta mill-proroga tal-ħlas kellhiex, jew ma kellhiex, tiġi evalwata separatament minn għajnuna oħra li setgħet ingħatat lill-produtturi tal-ħalib sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-limitu de minimis previst mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 659/1999.

80      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni stess tikkonferma, fir-risposta (punti 24, 32, 35 u 39) u fil-kontroreplika (punt 10), li hija fl-ebda każ ma pprovat teżamina jekk il-proroga tal-ħlas kinitx tibdel sostanzjalment l-iskema ta’ pjan ta’ ħlas bin-nifs jew jekk għal kuntrarju kienet distinta, peress li hija kienet tqis li din il-kwistjoni kienet “nieqsa mir-rilevanza” u “ineffettiva”.

81      B’dan il-mod, il-Kummissjoni mhux biss interpretat ħażin il-kunċett ta’ “għajnuna ġdida” meta kklassifikat mill-ġdid skema ta’ għajnuna eżistenti bħala għajnuna ġdida illegali mingħajr ma osservat il-kundizzjonijiet sostantivi stabbiliti mir-Regolament Nru 659/1999 u mill-ġurisprudenza fir-rigward ta’ dan is-suġġett, kif issostni r-Repubblika Taljana.

82      Hija wkoll, u konsegwentement, żbaljat meta ordnat li jiġu rkuprati, mingħand il-produtturi tal-ħalib li bbenefikaw mill-proroga tal-ħlas, mhux biss din l-għajnuna l-ġdida u illegali, iżda wkoll l-għajnuna individwali mogħtija barra minn hekk, bis-saħħa tal-imsemmija skema ta’ għajnuna eżistenti, kif issostni wkoll ir-Repubblika Taljana.

83      L-ebda argument imressaq mill-Kummissjoni ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

84      B’mod partikolari, hija ma għandhiex bażi sabiex issostni li n-nuqqas ta’ osservanza, mill-awtoritajiet Taljani, ta’ waħda mill-kundizzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà mogħtija mill-Kunsill iwassal, essenzjalment, għall-“klassifikazzjoni mill-ġdid” tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti, li kienet sa dakinhar tibbenefika minn din l-approvazzjoni kkondizzjonata, bħala għajnuna ġdida u illegali.

85      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 57 sa 62 u 74 sa 75 iktar ʼil fuq, meta l-Kummissjoni tikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni li ddikjarat għajnuna jew skema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet, hija tista’, jew tinvolvi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata direttament hi dan in-nuqqas, jew, jekk din tikkonsisti fl-għoti ta’ għajnuna ġdida, timplementa s-setgħat li jippermettulha li tikkontrolla din tal-aħħar, sakemm tosserva r-rekwiżiti proċedurali u materjali marbuta magħhom. Għalkemm il-Kummissjoni tagħżel li timplementa s-setgħat ta’ stħarriġ tagħha, hija bħala prinċipju għandha tillimita ruħha għall-eżami tal-għajnuna ġdida. Huwa biss fil-każ li hija turi li din tal-aħħar bidlet is-sustanza stess tal-għajnuna eżistenti jew tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti li l-Kummissjoni tista’, eċċezzjonalment, bi dritt tiddikjara li din il-miżura kollha kemm hi diġà eżistenti, hekk emendata, hija inkompatibbli mas-suq intern, tikkonstata li hija illegali fil-każ li l-imsemmija emenda barra minn hekk ma ġietx innotifikata lilha minn qabel l-implementazzjoni tagħha u tordna konsegwentement it-tħassir jew l-emenda tal-għajnuna jew tal-iskema ta’ għajnuna hekk emendata.

86      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma għandhiex id-dritt li tikkunsidra li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjoni imposta fil-mument tal-approvazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna eżistenti jwassal ipso facto għall-“klassifikazzjoni mill-ġdid” ta’ din il-miżura bħala għajnuna ġdida, u wisq inqas li tikkunsidra din tal-aħħar bħala illegali ab initio u li tordna l-irkupru tagħha daqs li kieku kienet għajnuna implementata illegalment u mhux għajnuna awtorizzata minn qabel.

87      Fil-fatt, kif tfakkar il-ġurisprudenza, l-għajnuna kollha eżistenti hija koperta permezz ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni fejn hija kienet is-suġġett tagħha, mingħajr preġudizzju li l-Kummissjoni tikkunsidra li hija kienet is-suġġett ta’ użu ħażin (ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra, EU:C:2004:240, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata) jew li s-sustanza tagħha stess kienet ġiet mibdula mill-għajnuna ġdida (ara l-punti 74 u 75 iktar ʼil fuq). Minbarra f’dawn iż-żewġ każijiet, tali għajnuna għandha għalhekk titqies li hija legali sakemm il-Kummissjoni ma tikkonstatax l-inkompatibbiltà tagħha fis-suq intern (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, Ġabra, EU:C:2013:525, punti 40 u 41; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2009, Tirrenia di Navigazione et vs Il-Kummissjoni, T‑265/04, T‑292/04 u T‑504/04, EU:T:2009:48, punt 75).

88      Sussegwentement, huwa bil-għan li l-Kummissjoni tkun tista’ — jew eċċezzjonalment il-Kunsill — “tirrikonoxxi l-kompatibbiltà [ta’ għajnuna] fis-suq [intern]” li din l-istituzzjoni “tista’ tehmeż ma’ deċiżjoni pożittiva kundizzjonijiet” u obbligi, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll mill-ġurisprudenza preċedenti għall-adozzjoni ta’ dan ir-regolament (sentenzi TWD vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ʼil fuq, EU:T:1995:160, punt 55, u TWD vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ʼil fuq, EU:C:1997:241, punt 25). F’dan il-każ, huwa “sakemm dawn il-kundizzjonijiet imsemmija fid-[deċiżjoni tal-Kunsill]” jiġu osservati li din l-istituzzjoni “kkunsidrat bħala kompatibbli” “l-għajnuna li r-Repubblika Taljana riedet tagħti lill-produtturi tagħha tal-ħalib” (premessa 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u premessa 10 tad-deċiżjoni kkontestata). Fid-dawl tal-għan segwit minn tali kundizzjonijiet, in-nuqqas ta’ osservanza ulterjuri tagħhom jista’ biss iwassal lill-Kummissjoni sabiex tikkontesta, billi tagħmel riferiment għal waħda minn diversi mezzi proċedurali previsti fit-Trattat FUE u fir-Regolament Nru 659/1999, il-benefiċċju tad-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà fis-suq intern mogħtija għal miżura inkwistjoni, u mhux il-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna eżistenti, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjoni mfakkra fil-punt 85 iktar ʼil fuq.

89      Barra minn hekk, peress li l-għajnuna eżistenti tista’, konformement mal-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi regolarment implementata hekk li l-Kummissjoni ma kkonstatatx l-inkompatibbiltà tagħha (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra, EU:C:1994:100, punt 20, u tad-29 ta’ Novembru 2012, Kremikovtzi, C‑262/11, Ġabra, EU:C:2012:760, punt 49), din id-dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tista’ tipproduċi effetti biss għall-futur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑140/95, Ġabra, EU:T:1998:201, punt 86, dwar in-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni li approvat, suġġett għall-kundizzjonijiet, għajnuna li kellha titħallas permezz ta’ pagamenti suċċessivi, u tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, Ġabra, EU:T:2002:59, punt 172).

90      Fil-każ kuntrarju, skema ta’ għajnuna regolarment implementata u ta’ għajnuna individwali legalment mogħtija bis-saħħa ta’ din, qabel mal-Istat Membru kkonċernat ma jonqosx milli jwettaq l-obbligi tiegħu, ser jitqiesu li jikkostitwixxu retroattivament għajnuna illegali u inkompatibbli fis-suq intern. Tali riżultat huwa ekwivalenti għal revoka tad-deċiżjoni li awtorizzat l-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Issa, kif jirriżulta mill-premessa 10 u mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999, tali sanzjoni kienet prevista mil-leġiżlatur fil-każ biss fejn deċiżjoni meħuda sabiex tikkontrolla l-għajnuna mill-Istat tkun ibbażata fuq informazzjoni skoretta.

91      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat, minn naħa, li r-Regolament Nru 659/1999 kien ġie adottat, b’mod partikolari, sabiex jiżgura ċ-ċertezza legali fi kwistjonijiet proċedurali, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda t-trattament ta’ għajnuna eżistenti u ta’ għajnuna illegali (premessi 3, 4, 11, 14 u 17 tar-Regolament Nru 659/1999). Minn naħa, dan ir-regolament jipprovdi għar-regoli kollha li jippermettu lill-Kummissjoni tiżgura l-osservanza tad-deċiżjonijiet adottati sabiex tikkontrolla l-għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari sabiex taffaċċja każ bħal dak li ppreżenta ruħu quddiemha fil-każ ineżami kif ukoll sabiex testrapola l-konsegwenzi legali kollha (ara l-punti 57, 64, 66 sa 67 u 69 sa 75 iktar ʼil fuq). F’dan il-kuntest, jekk tiġi ammessa t-teorija tal-Kummissjoni f’dan il-każ ikun ifisser li hija tkun tista’ tevita l-proċeduri stabbiliti mil-leġiżlatur sabiex tiżgura, b’osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-effettività tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat.

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, it-tieni motiv għandu jiġi milqugħ.

93      Għalhekk, fl-ewwel lok, il-kap tat-talbiet prinċipali tar-Repubblika Taljana għandu jiġi miċħud u, fit-tieni lok, il-kap tat-talbiet sekondarji tagħha għandu jiġi milqugħ, billi jiġi annullat l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll l-Artikoli 2 sa 4 tagħha sa fejn jirrigwardaw, minn naħa, l-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(2) u min-naħa l-oħra, l-għajnuna individwali mogħtija b’applikazzjoni tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

94      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Fil-każ ineżami, peress li l-partijiet tilfu t-tnejn li huma fir-rigward ta’ wħud mit-talbiet tagħhom, kull waħda minnhom għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/665/UE, tas-17 ta’ Lulju 2013, dwar l-iskema tal-għajnuna mill-Istat SA.33726 (11/C) [ex SA.33726 (11/NN)] implementata mill-Italja (proroga tal-ħlas tat-taxxa fuq il-ħalib), huwa annullat.

2)      L-Artikoli 2 sa 4 ta’ din id-deċiżjoni huma annullati sa fejn huma jirrigwardaw, minn naħa, l-iskema ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(2) tagħha, u min-naħa l-oħra, l-għajnuna individwali mogħtija b’applikazzjoni ta’ din l-iskema ta’ għajnuna.

3)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

4)      Ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Papasavvas

Forwood

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Ġunju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.