Language of document : ECLI:EU:T:2014:999

Kawża T‑517/09

Alstom

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tat-transformers tal-elettriku — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Kunċett ta’ impriża — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn kumpannija parent fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha — Obbligu ta’ motivazzjon”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Novembru 2014

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ

(Artikolu 253 KE)

2.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma fit-totalità jew fil-kważi totalità minnha — Mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni — Mument tat-twettiq tal-ksur

(Artikolu 81 KE)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li timponi multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li tirrigwarda numru ta’ destinatarji — Imputazzjoni tal-prattiki ta’ sussidjarja fuq il-kumpannija parent tagħha — Neċessità ta’ motivazzjoni espliċita — Deċiżjoni bbażata esklużivament fuq il-preżunzjoni konfutabbli tal-eżerċizzju effettiv ta’ infulwenza determinanti — Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni

(Artikoli 81 KE u 253 KE)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li timputa fuq il-kumpannija parent ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha — Regolarizzazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni fil-mori tal-kawża — Inammissibbiltà

(Artikoli 81 KE u 253 KE)

5.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti tal-Unjoni — Informazzjoni li ma tinsabx f’deċiżjoni li timputa fuq il-kumpannija parent ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha u li tirrigwarda l-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tal-kumpannija parent fil-ksur — Esklużjoni

(Artikoli 81 KE u 253 KE)

6.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Deċiżjoni li timputa fuq il-kumpannija parent ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha — Motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni — Invokazzjoni ta’ kompetenza limitata — Assenza ta’ elementi li jagħtu lok b’ċertezza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida identika fil-mertu — Żamma tal-interess ġuridiku

(Artikoli 81 KE, 230 KE u 253 KE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 28-31)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 49-59, 62-64, 67, 68)

3.      Meta deċiżjoni skont ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tirrigwarda numru ta’ destinatarji u tirrigwarda l‑imputabbiltà tal-ksur, din għandha tkun tinkludi motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, wara l-għoti ta’ din id-deċiżjoni, għandhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur, tali deċiżjoni għandha, bħala prinċipju, tkun tinkludi sunt iddettaljat tal-motivi tali li jiġġustifika l-imputabbiltà tal-ksur lil din il-kumpannija.

Fir-rigward, b’mod partikolari ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażata esklużivament, fir-rigward ta’ ċerti destinatarji, fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, il-Kummissjoni hija f’kull każ obbligata li tesponi b’mod xieraq lil dawn id-destinatarji r-raġunijiet li għalihom il-punti ta’ fatt u ta’ liġi invokati ma kinux biżżejjed sabiex jikkonfutaw l-imsemmija preżunzjoni. Il-kompitu tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha fuq dan il-punt jirriżulta, b’mod partikolari, min-natura konfutabbli tal-imsemmija preżunzjoni, li l-konfutazzjoni tagħha teħtieġ li l-persuni kkonċernati jipproduċu prova dwar ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi bejn il-kumpanniji kkonċernati.

F’dan ir-rigward, il-motivazzjoni tal-Kummissjoni għandha tippermetti li l-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha, li għandha tevalwa kull element dwar ir-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u ġuridiċi bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja li jista’ jistabbilixxi li din tal-aħħar taġixxi b’mod awtonomu mill-kumpannija parent tagħha u li għalhekk dawn iż-żewġ kumpanniji ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika. Tali verifika hija iktar u iktar neċessarja peress li l-awtonomija ta’ sussidjarja fl-implementazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha tifforma parti min-numru ta’ elementi rilevanti li jippermettu li l-kumpannija parent tikkonfuta l-preżunzjoni tal-influwenza determinanti tagħha fuq l-aġir tas-sussidjarja, elementi li n-natura tagħhom u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi ta’ kull każ partikolari.

Konsegwentement, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa, f’kull każ inkwistjoni, kull element prodott quddiemha dwar l-imsemmija rabtiet. Barra minn hekk, anki jekk il-Kummissjoni tqis li l-elementi prodotti mill-kumpannija parent ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tal-influwenza tagħha fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha fis-suq, hija xorta waħda tibqa’ obbligata li tesponi r-raġunijiet għal dan, sa fejn ma jkunx hemm biss elementi manifestament barra mill-kuntest jew insinjifikattivi. Issa, l-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa obbligu ta’ natura formali, jeżiġi li r-raġunament li fuqu l-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha għandu jirriżulta b’mod ċar u inekwivoku fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata, u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

(ara l-punti 72-75, 102, 106)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 77, 110, 111)

5.      F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għalkemm huwa minnu li s-setgħa ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li l-Qorti Ġenerali għandha fil-qasam tal-multi tista’ tiġġustifika l-produzzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi komplementari ta’ informazzjoni li r-riferiment għalihom fid-deċiżjoni ma huwiex meħtieġ abbażi tal-obbligu ta’ motivazzjoni, dan jgħodd biss fir-rigward tal-kwistjoni tal-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-multa imposta. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiħu inkunsiderazzjoni elementi dwar l-imputazzjoni lil kumpannija parent tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarja tagħha, sa fejn dan iqajjem il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn l-ewwel waħda u t-tieni waħda u, fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tal-kumpannija parent fil-ksur issanzjonat. Issa, din il-kwistjoni taqa’ taħt l-istħarriġ tal-legalità tal-imsemmija deċiżjoni u mhux taħt l-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-ammont tal-multa imposta fuq il-kumpannija parent.

Barra minn hekk, għalkemm il-qorti tal-Unjoni tista’ tikkonstata ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-iffissar tal-multi imposti għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE, filwaqt li tindika li, sa fejn is-soluzzjoni magħżula mill-Kummissjoni għandha tiġi kkonfermata fil-mertu, dan il-ksur la kellu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas għal modifika tal-ammont tal-multi, din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi applikata, fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, sa fejn fiha din iddeċidiet li l-impriża kkonċernata kienet responsabbli.

(ara l-punti 112, 114, 115)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 116, 117)