Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Settembru 2011 - MasterCard et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-516/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: MasterCard, Inc. (Wilmington, l-Istati Uniti); MasterCard International, Inc. (Wilmington); u MasterCard Europe (Waterloo, il-Belġju) (rappreżentanti: B. Amory, V. Brophy u S. McInnes, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli;

tannulla, fl-intier tagħha, id-deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni, tat-12 ta' Lulju 2011, ibbażata fuq eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2), u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331); u

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv jallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 4(3) u 8(1) tar Regolament (KE) Nru 1049/2004, peress li:

il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-kundizzjonjiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 huma sodisfatti;

l-elementi li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni fil-fatt ma humiex eżatti; u

teżisti raġuni imperattiva ta' interess pubbliku fl-iżvelar tad-dokumenti pprovduti minn EIM Business and Policy Research fil-qafas tal-istudju dwar "Spejjeż u benefiċċji għan-negozjanti li jaċċettaw metodi ta' ħlas differenti" (COMP/2009/D1/020).

It-tieni motiv jallega li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi bil-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, peress li:

il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-kundizzjonijiet tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2), tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 huma sodisfatti;

l-elementi li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni ma humiex kredibbli; u

teżisti raġuni imperattiva ta' interess pubbliku fl-iżvelar tad-dokumenti ta' EIM.

____________