Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' Awissu 2011 - BT Telecommunications vs Il-Kunsill

(Kawża T-440/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: BT Telecommunications PUE (Minsk, il-Bjelorussja) (rappreżentanti: V. Vaitkute Pavan, A. Smaliukas u E. Matulionyte, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 588/2011, tal-20 ta' Ġunju 2011, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja 1, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/357/PESK, tal-20 ta' Ġunju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja 2, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur mill-konvenut tal-obbligu li jipprovdi motivazzjoni adegwata għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi ta' persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għad-difiża u tad-dritt għal smigħ ġust previsti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, sa fejn il-konvenut:

fl-ebda mument ma pprovda għall-komunikazzjoni ta' motivi ddettaljati għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi ta' persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi; u

ma pprovdiex lir-rikorrenti bil-possibbiltà li teżerċita effettivament id-drittijiet tad-difiża tagħha, b'mod partikolari d-dritt għal smigħ u d-dritt li tibbenefika minn proċedura li tippermettilha titlob effettivament li titneħħa minn fuq il-listi ta' persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi.

It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta' evalwazzjoni, billi fil-miżuri kkontestati l-konvenut qies li r-rikorrenti kienet b'xi mod assoċjata mar-reġim ta' Lukashenko u li kienet qed tagħtih għajnuna finanzjarja, jew b'xi mod kienet qed tipparteċipa fil-ksur tal-istandards elettorali internazzjonali jew fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew fl-importazzjoni fil-Bjelorussja ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq ksur mill-konvenut tad-dritt fundamentali għall-proprjetà previst fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b'mod inġustifikat u sproporzjonat mingħajr provi determinanti.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur mill-konvenut tal-prinċipju ta' proporzjonalità sa fejn huwa impona restrizzjoni sproporzjonata fuq id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti mingħajr ma pprovda garanziji proċedurali xierqa jew provi determinanti.

____________

1 - ĠU L 161, p. 1.

2 - ĠU L 161, p. 25.