Language of document : ECLI:EU:T:2009:530

Kawżi magħquda T-440/03, T-121/04, T-171/04, T-208/04,
T-365/04 u T-484/04

Jean Arizmendi et

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Unjoni doganali — Proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Opinjoni motivata — Tneħħija taħt il-leġiżlazzjoni Franċiża tal-monopolju tal-korp tas-sensara interpreti u aġenti ta’ bastimenti — Ksur suffiċjentement serju — Rabta kawżali”

Sommarju tas-sentenza

1.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Artikolu 226 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

2.      Rikors għad-danni — Awtonomija fil-konfront tar-rikors għal annullament — Suġġett

(l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 226 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

3.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lil individwi

(Artikolu 226 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Rabta kawżali — Kunċett

(Artikolu 226 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

5.      Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Proċedura prekontenzjuża — Suġġett

(Artikolu 226 KE)

1.      Rikors għad-danni bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma fetħitx proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE huwa inammissibbli. Fil-fatt, sa fejn il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiftaħ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, id-deċiżjoni tagħha li ma tiftaħx tali proċedura ma tikkostitwixxix, fi kwalunkwe każ, illegalità, b’tali mod li din id-deċiżjoni ma hijiex ta’ natura li twassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. B’hekk, peress li l-Kummissjoni ma għandha ebda obbligu li tiftaħ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-fatt li ma tiftaħx tali proċedura ma jistax iwassal għar-responsabbiltà tal-Komunità.

(ara l-punt 62)

2.      Ir-rikors għad-danni huwa rimedju legali awtonomu li għandu l-funzjoni partikolari tiegħu fost ir-rimedji legali. Is-suġġett tar-rikors għad-danni huwa t-talba sabiex jiġi kkumpensat dannu kkawżat minn att jew minn aġir illegali imputabbli lil istituzzjoni.

Għaldaqstant, irrispettivament mill-kwistjoni jekk jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament, kull att ta’ istituzzjoni, anki meta jkun ittieħed minn din l-istituzzjoni fl-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, jista’ jkun, bħala regola ġenerali, is-suġġett ta’ rikors għad-danni. Fil-fatt, is-setgħa diskrezzjonali li tgawdi minnha istituzzjoni ma għandhiex il-konsegwenza li teżentaha mill-obbligu tagħha li taġixxi inkonformità kemm man-normi superjuri tad-dritt, bħalma huma t-Trattat u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, u kif ukoll mad-dritt sekondarju rilevanti. Meta l-legalità ta’ dan l-att tiġi kkontestata f’rikors għad-danni, din il-legalità tkun għalhekk suġġetta għal evalwazzjoni fid-dawl tal-obbligi tal-istituzzjoni msemmija. Jekk jittieħed approċċ kuntrarju, dan ikun kontra l-prinċipju ta’ Komunità bbażata fuq id-dritt u jċaħħad lir-rikors għad-danni mill-effettività tiegħu sa fejn tali approċċ jipprekludi lill-qorti milli tevalwa l-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni meta jiġi ppreżentat tali rikors.

Għaldaqstant, għalkemm, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha taħt l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni tista’ tevalwa b’mod liberu jekk huwiex opportun li tiftaħ jew le azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru mingħajr ma hija obbligata tiġġustifika l-għażla tagħha u għalkemm hija tista’, għaldaqstant, tindirizza fl-istess kundizzjonijiet opinjoni motivata lil Stat Membru fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkustanzi verament eċċezzjonali, individwu jista’ juri li tali opinjoni motivata hija vvizjata b’illegalità li tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali ta’ natura li jikkawżalu dannu.

Il-fatt li opinjoni motivata tal-Kummissjoni maħruġa skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 226 KE ma tikkostitwixxix att intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ terzi u, għalhekk, li din l-opinjoni ma hijiex att li jista’ jkun is‑suġġett ta’ rikors għal annullament ma jaffettwax din l-evalwazzjoni.

(ara l-punti 64-69)

3.      Meta l-illegalità ta’ att legali tkun inkwistjoni, sabiex tkun stabbilita r‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità huwa meħtieġ li jkun hemm ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha jkun li tagħti drittijiet lill-individwi. Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat li ksur tad-dritt Komunitarju huwa suffiċjentement serju huwa l‑kriterju tan-nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi, min-naħa ta’ istituzzjoni, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif prevista fl-Artikolu 226 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha l-kompetenza sabiex tikkonstata li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju. Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni tista’ tevalwa b’mod liberu jekk huwiex opportun li tiftaħ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija ma tistax tikkonstata b’mod vinkolanti tali nuqqas. Sa fejn, f’opinjoni motivata, il‑Kummissjoni sempliċement tieħu pożizzjoni dwar l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju, l-adozzjoni ta’ din l‑opinjoni ma tistax twassal għal ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha huwa li tagħti drittijiet lill-individwi. Għaldaqstant, lanqas it-teħid ta’ pożizzjoni żbaljata mill-Kummissjoni, f’opinjoni motivata, dwar il-portata tad-dritt Komunitarju ma jista’ jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju li jista’ jwassal għar-responsabbiltà tal-Komunità.

Għall-kuntrarju, jekk l-evalwazzjonijiet magħmula f’opinjoni motivata jmorru lil hinn mid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu jew jekk aġir ieħor min-naħa tal-Kummissjoni fl-okkażjoni ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jmur lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilha, pereżempju l-iżvelar indebitu ta’ sigrieti kummerċjali jew ta’ informazzjoni li tista’ tippreġudika r-reputazzjoni ta’ persuna, dawn l-evalwazzjonijiet jew dan l‑aġir jistgħu jikkostitwixxu ksur ta’ natura li jwassal għar-responsabbiltà tal-Komunità.

(ara l-punti 74-78)

4.      Fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, rabta kawżali tkun stabbilita meta jkun hemm rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni u d-dannu invokat, rabta li għandha tiġi pprovata mir-rikorrent. L-aġir allegat, għalhekk, għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu.

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija mill-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 226 KE, il-fatt li, fl-opinjoni motivata, il‑Kummissjoni tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju - u li l-Kummissjoni setgħet żbaljat f’dan ir rigward - huwa fir-realtà irrilevanti peress li l-imsemmija opinjoni motivata ma kinitx tobbliga lill-Istat Membru jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija biss sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jista’ jkollha tali effett vinkolanti.

B’hekk, fin-nuqqas ta’ effett vinkolanti tal-opinjoni motivata sa fejn fiha l-Kummissjoni tallega li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id‑dritt Komunitarju, din l-opinjoni motivata ma tistax titqies bħala l-kawża determinanti tad-dannu mġarrab minħabba l-emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni skont l-imsemmija opinjoni motivata.

(ara l-punti 85, 90, 92, 93)

5.      L-għan tal-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 226 KE huwa li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju jew li jqajjem b’mod utli l-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni. Għalhekk, l-Istat Membru ma huwiex obbligat isegwi din l-opinjoni motivata iżda jista’, jekk iqis li l-Kummissjoni ma għandhiex raġun li tallega nuqqas fil-konfront tiegħu, ma jikkonformax ruħu ma’ din l-opinjoni.

(ara l-punt 87)