Language of document : ECLI:EU:T:2015:512

SENTENZA TAL-15.7.2015 — KAWŻA T‑422/10 [ESTRATTI]


SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Lulju 2015 (*) 

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing — Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Ksur uniku, kumpless u kontinwu — Proporzjonalità — Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑422/10,

Trafilerie Meridionali SpA, li kienet Emme Holding SpA, stabbilita f’Pescara (l‑Italja), irrappreżentata minn G. Visconti, E. Vassallo di Castiglione, M. Siragusa, M. Beretta u P. Ferrari, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn B. Gencarelli u V. Bottka, sussegwentement minn V. Bottka u R. Striani, u finalment minn V. Bottka u G. Conte, bħala aġenti, assistiti minn P. Manzini, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament u għall-bidla tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

42      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Settembru 2010, Trame ppreżentat dan ir-rikors.

43      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ottubru 2010, Trame ressqet talba sabiex tikseb, bħala miżura provviżorja, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

44      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2010, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) informat lir-rikorrenti li kellha l-possibbiltà tadatta l-motivi u t-talbiet tagħha fid-dawl tal-emendi introdotti permezz tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda.

45      Trame ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-ewwel deċiżjoni ta’ emenda fil-kuntest tar-replika tagħha, ippreżentata fid-19 ta’ April 2011.

46      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2011, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipprovdilha numru ta’ dokumenti.

47      Fit-22 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni kkomunikat it-tieni deċiżjoni ta’ emenda lil Trame.

48      Fit-12 ta’ Lulju 2011, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji minħabba li ma kienx hemm urġenza (digriet tat-12 ta’ Lulju 2011, Emme vs Il-Kummissjoni, T‑422/10 R, EU:T:2011:349).

49      Trame ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-tieni deċiżjoni ta’ emenda fl-1 ta’ Awwissu 2011.

50      Fl-20 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat l-oriġinal tal-kontroreplika tagħha bil-lingwa tal-kawża kif ukoll il-kummenti tagħha dwar l-osservazzjonijiet ippreżentati minn Trame dwar it-tieni deċiżjoni ta’ emenda, u b’hekk ingħalqet il-proċedura bil-miktub.

51      Minħabba bidla fil-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, b’effett mit-23 ta’ Settembru 2013, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, li lilha għaldaqstant ġiet assenjata din il-kawża.

52      Ir-rapport preliminari, imsemmi fl-Artikolu 52(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 ġie kkomunikat lis-Sitt Awla fit-8 ta’ Novembru 2013.

53      Fis-17 ta’ Diċembru 2013, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 tagħha, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet iwieġbu għal sensiela ta’ mistoqsijiet u lill-Kummissjoni tipproduċi numru ta’ dokumenti.

54      Fit-28 ta’ Frar 2014, Trame u l-Kummissjoni ppreżentaw it-tweġibiet tagħhom għal dawn il-mistoqsijiet. Fit-tweġiba tagħha, Trame indikat li, fit-18 ta’ Novembru 2013, hija kienet ressqet quddiem il-Kummissjoni talba ġdid intiża sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza tal-kapaċità tagħha li tħallas minħabba s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-kumpannija f’dik id-data.

55      Fis-16 ta’ Mejju 2014, fil-kuntest ta’ miżuri istruttorji adottati skont l-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti li kienet irrifjutat li tipproduċi bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati fis-17 ta’ Diċembru 2013.

56      Fit-28 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni pproduċiet id-dokumenti mitluba, li għalihom Trame kellha aċċess qabel is-seduta.

57      Is-sottomissjonijiet orali u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-2 ta’ Lulju 2014.

58      Trame titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn timponilha multa jew tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tordna, fuq il-bażi tal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li jitħarreġ u jiġi eżaminat rappreżentant ta’ Tréfileurope Italia matul l-akkordju, sabiex jixhed dwar ċerti fatti msemmija fil-punt 98 tar-rikors;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

59      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talbiet kollha tar-rikorrenti;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

60      Insostenn tar-rikors tagħha, Trame tressaq ħames motivi dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u dwar l-impatt li din jista’ jkollha fuq id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa: l-ewwel motiv jikkonċerna l-ksur uniku, it-tieni motiv jikkonċerna l-esklużjoni tal-istrands bi tliet fili mill-akkordju li fih ipparteċipat, it-tielet motiv jikkonċerna l-perijodu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, ir-raba’ motiv jikkonċerna r-rwol marġinali tagħha u l-assenza ta’ effetti tal-akkordju fuq is-suq u l-ħames motiv jikkonċerna l-element intenzjonali tal-ksur. Sussegwentement għat-tieni deċiżjoni ta’ emenda, Trame adattat il-motivi tagħha sabiex issostni wkoll ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa minħabba t-trattament mogħti lil ArcelorMittal u lil Ori Martin, meta mqabbel mat-trattament li setgħet tibbenefika minnu. F’motiv ieħor, is-sitt motiv, Trame ssostni wkoll l-assenza tal-kapaċità tagħha li tħallas il-multa.

 A – Osservazzjonijiet preliminari

 1. Il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

61      Mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Trame kisret l-Artikolu 101 TFUE u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat, matul il-perijodi indikati fid-deċiżjoni kkontestata, għal “sensiela sħiħa ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-APS fis-suq intern u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, fi ħdan iż-ŻEE” (iktar ’il quddiem l-“akkordju” jew il-“ksur uniku”, dan il-ksur kien ukoll kumpless u kontinwu skont it-terminoloġija normalment użata).

 a) Komponenti tal-akkordju u karatterizzazzjoni tal-ksur uniku

62      Fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, l-akkordju huwa deskritt bħala “arranġament pan-Ewropew li jikkonsisti f’fażi msejħa ta’ Zurich u f’fażi msejħa Ewropea u/jew f’arranġamenti nazzjonali/reġjonali skont il-każ”. Il-premessi 123 sa 135 tad-deċiżjoni kkontestata jippreżentaw fil-qosor dawn id-diversi ftehimiet u prattiki miftiehma, li mbagħad huma esposti fid-dettall u evalwati fid-dawl tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Għal finijiet ta’ preżentazzjoni skematika, l-akkordju huwa kkostitwit mill-arranġamenti segwenti:

–        il-club Zurich, jiġifieri l-ewwel fażi tal-ftehim pan-Ewropew. Dan il-ftehim dam mill-1 ta’ Jannar 1984 sad-9 ta’ Jannar 1996 u kien jirrigwarda l-iffissar ta’ kwoti skont il-pajjiż (il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Benelux, Franza, l-Italja u Spanja), it-tqassim ta’ klijenti, il-prezzijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva. Il-membri ta’ dan il-club kienu Tréfileurope, Nedri, WDI, DWK u Redaelli, li kienet tirrappreżenta diversi impriżi Taljani oħra minn tal-inqas fl-1993 u fl-1995, li magħhom imbagħad ingħaqdu Emesa, fl-1992, u Tycsa, fl-1993;

–        il-club Italia, arranġament nazzjonali li dam mill-5 ta’ Diċembru 1995 sad-19 ta’ Settembru 2002. Dan il-ftehim kien jirrigwarda l-iffissar ta’ kwoti għall-Italja kif ukoll l-esportazzjonijiet minn dan il-pajjiż lejn il-bqija tal-Ewropa. Il-membri tiegħu kienu l-impriżi Taljani Redaelli, ITC, CB u Itas, li magħhom imbagħad ingħaqdu Tréfileurope u Tréfileurope Italia (fit-3 ta’ April 1995), SLM (fl-10 ta’ Frar 1997), Trame (fl-4 ta’ Marzu 1997), Tycsa (fis-17 ta’ Diċembru 1996), DWK (fl-24 ta’ Frar 1997) u Austria Draht (fil-15 ta’ April 1997);

–        il-ftehim tan-Nofsinhar, arranġament reġjonali nnegozjat u konkluż fl-1996 mill-impriżi Taljani Redaelli, ITC, CB u Itas, ma’ Tycsa u Tréfileurope sabiex tiġi ddeterminata r-rata ta’ penetrazzjoni ta’ kull wieħed mill-parteċipanti fil-pajjiżi tan-Nofsinhar (Spanja, l-Italja, Franza, il-Belġju u l-Lussemburgu) u sabiex jibdew jinnegozjaw flimkien il-kwoti mal-produtturi l-oħra tal-Ewropa tat-Tramuntana;

–        il-club Europe, jiġifieri t-tieni fażi tal-ftehim pan-Ewropew. Dan il-ftehim kien ġie konkluż f’Mejju 1997 minn Tréfileurope, Nedri, WDI, DWK, Tycsa u Emesa (imsejħa l-“membri permanenti” jew is-“sitt produtturi”) u ntemm f’Settembru 2002. Dan il-ftehim kien maħsub sabiex tingħeleb il-kriżi tal-club Zurich, sabiex jitqassmu mill-ġdid il-kwoti (ikkalkolati fuq il-perijodu mir-raba’ trimestru tal-1995 sal-ewwel trimestru tal-1997), sabiex titqassam il-klijentela u sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet. Is-sitt produtturi qablu dwar regoli ta’ koordinazzjoni li kienu jinkludu l-ħatra ta’ koordinaturi responsabbli għall-implementazzjoni tal-arranġamenti fil-pajjiżi individwali u għall-koordinazzjoni ma’ impriżi interessati oħra, li huma attivi fl-istess pajjiżi jew li jikkonċernaw l-istess klijenti. Ir-rappreżentanti tagħhom iltaqgħu regolarment fuq livelli differenti sabiex jissorveljaw l-implementazzjoni tal-arranġamenti. Huma skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-aġir miftiehem, kienet tiġi applikata sistema ta’ kumpens adegwat;

–        il-koordinazzjoni fir-rigward tal-klijent Addtek. Fil-kuntest ta’ dan l-arranġament pan-Ewropew, is-sitt produtturi, li okkażjonalment kienu jingħaqdu magħhom il-produtturi Taljani u Fundia, kienu jżommu wkoll kuntatti bilaterali (jew multilaterali) u kienu jipparteċipaw fl-iffissar tal-prezzijiet u fl-attribuzzjoni ta’ klijentela fuq bażi ad hoc, meta kien ikun hemm interess li jsir dan. Pereżempju, Tréfileurope, Nedri, WDI, Tycsa, Emesa, CB u Fundia kkoordinaw flimkien il-prezzijiet u l-volumi fir-rigward tal-klijent Addtek. Dawn il-proġetti kienu jirrigwardaw prinċipalment il-Finlandja, l-Isvezja u n-Norveġja, iżda kienu jirrigwardaw ukoll il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Ġermanja, l-Istati Baltiċi u l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Il-koordinazzjoni fir-rigward ta’ Addtek kienet diġà seħħet matul il-fażi tal-club Zurich tal-arranġament pan-Ewropew u kompliet minn tal-inqas sal-aħħar tas-sena 2001;

–        id-diskussjonijiet bejn il-club Europe u l-club Italia. Matul il-perijodu bejn, minn tal-inqas, Settembru 2000 u Settembru 2002, is-sitt produtturi, ITC, CB, Redaelli, Itas u SLM, iltaqgħu regolarment bil-għan li l-impriżi Taljani jiġu integrati bħala membri permanenti fil-club Europe. L-impriżi Taljani xtaqu jżidu l-kwota Taljana fl-Ewropa filwaqt li l-club Europe kien qiegħed jinsisti li jinżamm l-istatus quo. F’dan id-dawl, inżammu numru ta’ laqgħat fi ħdan il-club Italia sabiex tiġi ddefinita pożizzjoni uniformi, laqgħat fi ħdan il-club Europe sabiex tiġi eżaminata din il-pożizzjoni u sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni ta’ dan il-club, u laqgħat bejn il-parteċipanti tal-club Europe u r-rappreżentanti Taljani sabiex jintlaħaq ftehim dwar it-tqassim tal-kwota Taljana fuq suq speċifiku. L-impriżi involuti kienu jiskambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva. Għall-finijiet tad-distribuzzjoni mill-ġdid tal-kwota Ewropea bil-ħsieb li jiġu inklużi l-produtturi Taljani, dawn l-impriżi qablu li jużaw perijodu ta’ referenza ġdid (mit-30 ta’ Ġunju 2000 sat-30 ta’ Ġunju 2001). Dawn l-impriżi laħqu wkoll ftehim dwar il-volum ta’ esportazzjoni globali tal-impriżi Taljani fl-Ewropa li kien jinqasam skont il-pajjiż. Fl-istess ħin, huma ddiskutew ukoll il-prezzijiet, fejn il-membri tal-club Europe xtaqu li jiġi adottat, fil-livell Ewropew, il-mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet applikat fi ħdan il-club Italia;

–        il-club España. Fl-istess żmien bħall-arranġament pan-Ewropew u bħall-club Italia, ħames impriżi Spanjoli (Trefilerías Quijano, Tycsa, Emesa, Galycas u Proderac, din tal-aħħar b’effett minn Mejju 1994) u żewġ impriżi Portugiżi (Socitrel b’effett minn April 1994, u Fapricela b’effett minn Diċembru 1998) ftiehmu, fir-rigward ta’ Spanja u tal-Portugall, u għal perijodu bejn, minn tal-inqas, Diċembru 1992 u Settembru 2002, li jżommu s-sehem tas-suq tagħhom stabbli u li jiffissaw kwoti, li jqassmu bejniethom il-klijenti, inklużi l-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, u li jiffissaw il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet għall-ħlas. Barra minn hekk, huma skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva.

63      Skont il-Kummissjoni, l-arranġamenti kollha deskritti fil-punt 62 iktar ’il fuq għandhom il-karatteristiċi ta’ ksur uniku tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (premessi 135 u 609 kif ukoll taqsima 12.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

64      B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li l-arranġamenti ċċitati iktar ’il fuq kienu jagħmlu parti minn pjan globali li jiffissa l-linji ta’ azzjoni tal-membri tal-akkordju fiż-żoni ġeografiċi kollha u li “dawn l-impriżi llimitaw l-aġir kummerċjali individwali tagħhom sabiex jintlaħaq objettiv antikompetittiv uniku u għan kummerċjali antikompetittiv uniku, jiġifieri li jiġu distorti jew eliminati l-kundizzjonijiet kompetittivi normali fis-suq tal-APS fiż-ŻEE, u sabiex jiġi stabbilit ekwilibriju globali, b’mod partikolari bl-iffissar ta’ prezzijiet u ta’ kwoti, bit-tqassim tal-klijenti bejniethom u bl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva”. (premessa 610 u taqsima 9.3 tad-deċiżjoni kkontestata)

65      F’dan ir-rigward il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“Il-pjan, li kien segwit minn DWK, WDI, Tréfileurope, Tycsa, Emesa, Fundia, Austria Draht, Redaelli, CB, ITC, Itas, SLM, Trame, Proderac, Fapricela, Socitrel, Galycas u Trefilerías Quijano (mhux kollha fl-istess ħin), kien ġie żviluppat u implementat fuq perijodu ta’ minn tal-inqas tmintax-il sena, permezz ta’ sett ta’ arranġamenti kollużivi, ta’ ftehimiet speċifiċi u/jew ta’ prattiċi miftiehma. L-għan uniku u komuni tiegħu kien li tiġi limitata l-kompetizzjoni bejn il-parteċipanti bl-użu ta’ mekkaniżmi simili sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan (ara t-taqsima 9.3.1). Anki meta arranġament wieħed ikkawża problema, arranġamenti oħra baqgħu jiffunzjonaw b’mod normali.” (premessa 612 tad-deċiżjoni kkontestata)

66      Fil-kuntest tar-raġunament tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat:

–        “Il-fażijiet club Zurich u club Europe tal-arranġament pan-Ewropew jagħmlu parti minn ksur uniku, li ma kienx ġiet interrott mill-perijodu ta’ kriżi bejn id-9 ta’ Jannar 1996 u t-12 ta’ Mejju 1997. [...] Barra minn hekk, bħal fil-każ tal-club Zurich, il-parteċipanti fil-club Europe komplew jiffissaw il-kwoti, jaqsmu l-klijenti u jiffissaw il-prezzijiet. Id-diskussjonijiet tagħhom u l-ftehim tagħhom kienu jikkonċernaw l-istess territorju bħal dak ikkonċernat mill-club Zurich, iżda estiż għal diversi pajjiżi oħra [...]” (premessa 613)

–        “L-organizzazzjoni tal-akkordju stess (b’mod partikolari, is-sistema ta’ koordinazzjoni [...]) u l-applikazzjoni fil-prattika tiegħu [...], juru li l-arranġament pan-Ewropew, l-arranġament Iberiku u l-arranġament Taljan jikkostitwixxu ksur uniku. Id-deċiżjonijiet essenzjali, bħall-iffissar tal-kwoti Ewropej li jkopru żona ta’ referenza, li evolviet matul iż-żmien, [...] ikkalkolati fuq il-volumi ta’ bejgħ għal perijodu ta’ referenza aġġornat [...], ittieħdu fil-livell tal-bordijiet tad-diretturi matul laqgħat multilaterali bejn is-sitt produtturi tal-club Europe [...]. Il-bordijiet tad-diretturi indirizzaw ukoll l-attribuzzjoni ta’ ċerti klijenti (ta’ referenza), (pereżempju, Betonson u Addtek, […]) jew l-iffissar ta’ prezzijiet minimi għal ċerti pajjiżi u għal ċerti klijenti ta’ referenza. Uħud mill-membri permanenti tal-arranġament pan-Ewropew kienu responsabbli, fil-livell tal-bejjiegħa, l-ewwel nett sabiex jivverifikaw l-applikazzjoni tal-ftehimiet konklużi fil-livell Ewropew f’pajjiż wieħed jew iktar, b’mod partikolari fir-rigward tal-koordinazzjoni dwar il-prezzijiet u l-klijenti (inklużi l-Italja, Spanja u l-Portugall, li jagħmlu parti miż-żona ta’ referenza, u l-pajjiżi ta’ oriġini tal-membri li jipparteċipaw fil-club Italia u fil-club España), u, it-tieni nett, sabiex jistabbilixxu kuntatti mal-produtturi l-oħra interessati li huma attivi fiż-żoni ġeografiċi rispettivi (inklużi dawk tal-arranġamenti tal-club Italia u tal-club España, u, pereżempju, Fundia fir-rigward tal-koordinazzjoni dwar il-klijent Addtek).” (premessa 614)

–        “Il-funzjonament konkret tal-akkordju juri wkoll li l-arranġamenti pan-Ewropej u nazzjonali jikkostitwixxu ksur uniku: sa mill-oriġini, l-arranġament Iberiku u l-arranġament Taljan kienu marbutin mill-qrib mal-arranġament pan-Ewropew. Is-sistema ta’ kwota tal-club Italia serviet bħala mudell għall-ħolqien tas-sistema ta’ kwota tal-club Zurich, u matul il-fażi tal-club Zurich u l-perijodu ta’ kriżi, il-parteċipanti tal-club Zurich u tal-club Italia nnegozjaw u qablu dwar arranġamenti dwar il-kwoti, il-prezzijiet u t-tqassim tal-klijenti, kemm għall-Italja u kemm għal swieq Ewropej oħra fiż-żona ta’ referenza. Minkejja li l-produtturi Taljani ma kinux għadhom membri permanenti tal-club Europe, il-koordinazzjoni bejn iż-żewġ clubs kienet żgurata minn Tréfileurope, li kienet il-koordinatriċi fir-rigward tal-Italja li kienet tipparteċipa fid-diskussjonijiet kważi kollha tal-club Italia u li għalhekk setgħet tinfluwenza wkoll in-negozjati u d-diskussjonijiet fi ħdan club wieħed, billi tippermetti lill-parteċipanti kollha jieħdu inkunsiderazzjoni l-pjanijiet u l-ftehimiet konklużi fil-club l-ieħor. Dan jgħodd ukoll għal DWK, għal Tycsa u, iktar tard, għal Nedri, produtturi pan-Ewropej li kienu jassistu wkoll b’mod regolari għal-laqgħat tal-club Italia u għal laqgħat bilaterali mal-produtturi Taljani. Bl-istess mod, il-produtturi tal-club Zurich/Europe u tal-club España nnegozjaw u laħqu ftehim dwar il-kwoti, il-prezzijiet u t-tqassim tal-klijentela, kemm fi ħdan il-clubs kif ukoll b’mod bilaterali. Għal darba oħra, Tycsa (koordinatriċi għal Spanja u għall-Portugall) u Emesa, li kienu jipparteċipaw fiż-żewġ clubs, setgħu jinfluwenzaw in-negozjati fi ħdan club wieħed billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspirazzjonijiet u l-ftehimiet li kien hemm qbil dwarhom fi ħdan il-club l-ieħor. Id-diskussjonijiet miżuma fit-tliet clubs kienu jikkonċernaw ħafna drabi negozjati, ftehimiet jew deċiżjonijiet meħuda fil-clubs l-oħra. Barra minn hekk, b’effett mill-1 ta’ Settembru 2000, in-negozjati bejn produtturi prinċipali ta’ APS intensifikaw sabiex is-sistema ta’ kwoti tal-club Europe tiġi estiża għall-produtturi l-kbar kollha ta’ APS [...]” (premessa 615)

–        Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri miftiehma u adottati fil-livelli nazzjonali u reġjonali (Iberiku, Taljan jew tan-Nofsinhar) huma grupp koerenti ta’ miżuri marbut mal-arranġamenti fil-livell pan-Ewropew. Mill-elementi riprodotti fil-Kapitolu IV, dwar id-deskrizzjoni tal-fatti, jirriżulta b’mod ċar li l-parteċipanti kollha fl-arranġamenti antikompetittivi aderixxew u kkontribwixxew, f’livelli differenti (jiġifieri jekk kinux partijiet attivi f’arranġament wieħed jew iktar), għal pjan antikompetittiv komuni. (premessa 616)

67      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kontinwità tal-parteċipazzjoni fil-ksur, il-Kummissjoni tagħmel iż-żewġ osservazzjonijiet segwenti:

–        minn naħa, “[i]d-destinatarji kollha tad-[deċiżjoni kkontestata] pparteċipaw fl-akkordju li dam għal iktar minn tmintax-il sena u ħafna minnhom ipparteċipaw simultanjament f’diversi livelli ta’ dan l-akkordju. Il-fatt li impriża ma pparteċipatx direttament fl-elementi kostitwenti kollha tal-akkordju globali ma huwiex ta’ natura li jeskludi r-responsabbiltà tagħha fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. F’dan il-każ, il-fatt li wħud mill-impriżi ma pparteċipawx fil-laqgħat pan-Ewropej jew nazzjonali kollha bl-ebda mod ma jdaħħal inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju, peress li kienu kollha f’sitwazzjoni fejn kienu informati u fejn setgħu jieħdu inkunsiderazzjoni u jiksbu vantaġġ mill-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom fl-iffissar tal-aġir kummerċjali tagħhom fis-suq. Kif intqal iktar ’il fuq, il-parti l-kbira tal-parteċipanti qablu mad-dispożittiv ġenerali u applikawh fuq perijodu ta’ diversi snin bl-użu tal-istess mekkaniżmi u billi segwew l-istess għan komuni li kien li tiġi limitata l-kompetizzjoni. B’hekk [...], id-destinatarji kollha kienu jafu wkoll li kienu qegħdin jieħdu sehem f’dispożittiv ġenerali applikat fuq diversi livelli minkejja li fil-każ ta’ wħud minnhom dan l-għarfien seta’ jiġi stabbilit biss fi stadju relattivament tardiv tal-ksur.” (premessa 622 tad-deċiżjoni kkontestata)

–        min-naħa l-oħra, “[m]adankollu, l-intensità tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fl-akkordju ma hijiex identika fid-dawl tat-tul tal-parteċipazzjoni individwali fl-akkordju [...], fid-dawl tal-preżenza ġeografika tagħhom (żona ta’ produzzjoni ta’ bejgħ) u fid-dawl tad-daqs rispettiv tagħhom (operaturi kbar jew żgħar). Dawn l-elementi kollha huwa eżaminati fil-Kapitolu VIII [tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi].” (premessa 623 tad-deċiżjoni kkontestata)

 b) Elementi meħuda inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ Trame

68      Il-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju msemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 61 iktar ’il fuq) kienet ikkonstatata fir-rigward tal-perijodu bejn l-4 ta’ Marzu 1997 u d-19 ta’ Settembru 2002.

69      L-elementi prinċipali li jippermettu li tiġi stabbilita din il-parteċipazzjoni huma dawk segwenti.

 Club Italia (mill-4 ta’ Marzu 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002)

70      Il-Kummissjoni tqis li Trame kienet ipparteċipat fil-club Italia mill-4 ta’ Marzu 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002 (premessi 124, 385 et seq, kif ukoll 467 sa 473 fit-taqsima 9.2.1.8, intitolata “Parteċipazzjoni individwali fil-club Italia”, tad-deċiżjoni kkontestata).

71      B’mod partikolari, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li:

–        il-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju hija kkonfermata minn diversi dokumenti li nstabu matul l-ispezzjonijiet u mid-dikjarazzjonijiet magħmula minn tal-inqas tliet parteċipanti fl-akkordju (SLM, Redaelli u Tréfileurope) (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        għalkemm Trame ma aderixxietx mal-qsim tas-suq Taljan sa mill-bidu, il-parteċipanti fil-laqgħa tat-18 ta’ Diċembru 1995 (Redaelli, Itas, CB u ITC) iddeċidew li jinformaw b’mod partikolari lil Trame bil-konklużjonijiet milħuqa dwar il-prezzijiet il-ġodda li kellhom jiġu applikati fl-1996. Bl-istess mod, matul il-laqgħa tas-17 ta’ Diċembru 1996, tqassmet tabella bl-attribuzzjoni ta’ tunnellati għal kull klijent u l-għażla tal-fornituri prinċipali għal ċertu numru ta’ klijenti fis-suq Taljan fl-1997. Minkejja li l-kolonni dwar Trame tħallew vojta, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-impriża fit-tabella huwa indikazzjoni li kienu twettqu diskussjonijiet bejn il-partijiet, jew li kienu minn tal-inqas maħsuba li jitwettqu (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        l-ewwel indikazzjoni ta’ kuntatt dirett mill-club Italia ma’ Trame tinsab f’dokument li jirrigwarda l-laqgħa tal-4 ta’ Marzu 1997. Dan id-dokument jinkludi noti miktubin bl-idejn dwar il-laqgħa li jagħtu x’jifhem li “Trame informat lill-membri tal-club Italia dwar ix-xewqa tagħha li taderixxi mal-arranġament Taljan” (“Trame tixtieq tipparteċipa — ser tattendi għal-laqgħa li jmiss”) (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        Trame pparteċipat fil-laqgħa tal-club Italia tal-10 ta’ Marzu 1997 (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        matul il-proċedura amministrattiva, Trame rrikonoxxiet li kienet ipparteċipat fil-laqgħat tal-club Italia, inizjalment, sitt darbiet, fil-5 ta’ Ottubru 1998, fid-9 ta’ Novembru 1998, fit-18 ta’ Jannar 1999, fit-8 ta’ Frar 1999, fit-22 ta’ Frar 1999 u fil-15 ta’ Marzu 1999 (fin-nota ta’ qiegħ il-paġna huwa ppreċiżat li Trame kienet qiegħda madankollu tiċħad li kienet ikkonkludiet arranġament ta’ akkordju u tiddikjara li kienet ipparteċipat biss fil-laqgħat bil-għan li tirċievi informazzjoni), u sussegwentement fit-28 ta’ Frar 2000 u fid-19 ta’ Ġunju 2000 (fin-nota ta’ qiegħ il-paġna huwa ppreċiżat li Trame tammetti, b’mod partikolari, li kienet ipparteċipat fil-laqgħat tat-28 ta’ Frar 2000, tas-6 ta’ Marzu 2000, tat-13 ta’ Marzu 2000, tal-21 ta’ Marzu 2000, tal-15 ta’ Mejju 2000, tat-12 ta’ Ġunju 2000 u tad-19 ta’ Ġunju 2000) u, finalment, fil-laqgħat tal-10 ta’ April 2001 u tas-16 ta’ Settembru 2002 (premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-club Italia qatt ma kienet interrotta bejn l-4 ta’ Marzu 1997 u d-19 ta’ Settembru 2002. Fir-rigward tal-laqgħat tal-club Italia miżmuma bejn il-15 ta’ Marzu 1999 u t-28 ta’ Frar 2000, minkejja li Trame ma kinitx preżenti għal dawn il-laqgħat, il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju baqgħu jiġu informati bl-informazzjoni dwar Trame u l-każ tagħha baqa’ jiġi diskuss. L-assenza tagħha ġiet innotata speċifikament fir-rigward tal-laqgħat tat-12 ta’ Lulju 1999 u tas-17 ta’ Jannar 2000, u dan jagħti x’jifhem li l-preżenza tagħha kienet mistennija, mingħajr ma hemm xejn x’jindika li Trame kienet iddistakkat ruħha mill-akkordju f’xi mument jew ieħor. Fir-rigward tal-laqgħat miżmuma wara Ġunju 2000, Trame baqgħet tipparteċipa fl-akkordju, mhux biss matul il-laqgħat tal-10 ta’ April 2001 u tas-16 ta’ Settembru 2002, li fir-rigward tagħhom tammetti li pparteċipat, iżda wkoll matul il-laqgħat tad-9 ta’ Ottubru 2000 u tat-30 ta’ Lulju 2002, filwaqt li l-każ tagħha kien baqa’ jiġi diskuss sat-tmiem tal-ksur (premessi 469 u 470 tad-deċiżjoni kkontestata).

72      Fil-qosor, il-Kummissjoni kkonstatat li Trame kienet ipparteċipat direttament fi tmintax-il laqgħa tal-club Italia, li kienet espliċitament iddikjarata li hija assenti f’erba’ laqgħat ta’ dan il-club, li jindika li l-preżenza tagħha kienet mistennija, u li l-każ tagħha kien ġie diskuss fi ħdan dan il-club b’mod kontinwu (nota marbuta mal-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Club Europe u s-sistema pan-Ewropea (mill-15 ta’ Mejju 2000 sad-19 ta’ Settembru 2002)

73      Sabiex tistabbilixxi n-natura unika u kontinwa tal-ksur ikkonstatat fil-konfront ta’ Trame, u b’mod partikolari l-“konoxxenza individwali tal-parteċipazzjoni ta’ din il-kumpannija f’sistema iktar globali” (ara t-titolu tat-taqsima 12.2.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni osservat dan li ġej:

“(651)  Fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Trame ma qajmet ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-konoxxenza tagħha ta’ arranġamenti oħra. Irrispettivament minn dan, il-Kummissjoni għandha prova li Trame kienet taf jew kellha raġonevolment tkun taf bid-diversi livelli tal-akkordju. Pereżempju, matul il-laqgħa tal-15 ta’ Mejju 2000, li għaliha assistiet Trame, Tréfileurope ddikjarat li l-club Europe u l-club Italia kienu t-tnejn li huma fi kriżi [...]. Fit-12 ta’ Ġunju 2000, Trame assistiet għal laqgħa ma’ Redaelli, ITC, Itas, Tréfileurope Italia, CB, SLM, Tycsa u DWK, li matulha ġie indikat li l-club Europe kien qiegħed jilmenta dwar Tycsa, li kienet ukoll membru tal-club España. Matul din il-laqgħa ssemmew ukoll l-ismijiet ta’ membri oħra tal-club España, bħalma huma Socitrel u Fapricela […]. Barra minn hekk, fid-9 ta’ Ottubru 2000, Trame assistiet għal laqgħa li matulha l-parteċipanti fil-club Europe u fil-club Italia bdew ifittxu soluzzjoni komuni għaż-żidiet fl-esportazzjonijiet mill-produtturi Taljani lejn l-Ewropa. Matul din l-istess laqgħa, is-sitt produtturi (ħlief Emesa) u l-produtturi Taljani analizzaw b’mod partikolari s-suq Ewropew u l-perċentwali ta’ interpenetrazzjoni [...]. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li sa mill-inqas mill-15 ta’ Mejju 2000 Trame kienet taf jew kien imissha kienet taf li kienet parti integrali minn sistema pan-Ewropea iktar globali, mifruxa fuq diversi liveli, li l-għan tagħha kien li jiġi stabbilizzat is-suq tal-APS sabiex jiġi evitat tnaqqis tal-prezzijiet. Irrispettivament minn dan, matul il-perijodu tal-ksur, Trame ma wettqitx bejgħ barra mill-Italja [...]”

74      B’hekk, flimkien mal-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-club Italia mill- 4 ta’ Marzu 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002, il-Kummissjoni qieset ukoll li, b’effett mill-15 ta’ Mejju 2000, Trame “kienet taf jew kellha raġonevolment tkun taf bid-diversi livelli tal-akkordju” u, b’mod partikolari, bil-club Europe.

 c) Kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq Trame

75      Preliminarjament, il-Kummissjoni fakkret li, meta tiffissa l-ammont tal-multa, hija għandha, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, kemm il-gravità u kemm it-tul tal-ksur. Il-Kummissjoni speċifikat ukoll li f’dan ir-rigward kienet qiegħda tirreferi għall-prinċipji ddefiniti fil-Linji gwida tal-2006 (premessa 920 tad-deċiżjoni kkontestata).

76      Il-multa ta’ EUR 3.249 miljun imposta fuq Trame kienet ikkalkolata b’dan il-mod.

77      L-ewwel nett, Trame nżammet responsabbli għal ksur globali fis-suq tal-APS fi ħdan iż-ŻEE. Għalhekk, sabiex tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni indikat li ħadet inkunsiderazzjoni, konformement mal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, il-“valur tal-bejgħ tal-impriża tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati mill-ksur fiż-żona ġeografika kkonċernata fi ħdan iż-ŻEE” matul l-aħħar sena kummerċjali sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (premessi 929 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

78      Fir-rigward ta’ Trame, il-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni kien ta’ EUR 8 231 277 (punt 5 tal-ewwel deċiżjoni ta’ emenda). Dan huwa l-valur tal-bejgħ ta’ APS fir-rigward taż-żona ġeografika kkonċernata mill-ksur, jiġifieri, għall-perijodu kkonstatat fir-rigward ta’ Trame: il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, il-Lussemburgu, Spanja, l-Awstrija, il-Portugall, id-Danimarka, l-Isvezja, il-Finlandja u n-Norveġja (premessi 931 u 932 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-każ, madankollu, ittieħed inkunsiderazzjoni biss il-bejgħ ta’ Trame fl-Italja peress li Trame ma kinitx twettaq bejgħ barra mill-Italja matul dan il-perijodu (premessa 651 tad-deċiżjoni kkontestata).

79      It-tieni nett, il-perċentwali li għandha tiġi applikata għall-valur tal-bejgħ ikkalkolat b’dan il-mod tiddependi mill-gravità tal-ksur bħala tali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fost iċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ, in-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-impriżi kkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur u jekk il-ksur kienx implementat jew le (premessi 936 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

80      Fir-rigward tan-natura tal-ksur, il-Kummissjoni osservat li l-akkordju globali kien jipprevedi qsim tas-suq, attribuzzjoni ta’ klijentela u ftehimiet ta’ prezz orizzontali (premessa 939 tad-deċiżjoni kkontestata).

81      Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-impriżi implikati fil-ksur kellhom sehem tas-suq akkumulat ta’ madwar 80 % (premessa 946 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-ksur kien jestendi għal parti sostanzjali taż-ŻEE. Fir-rigward ta’ Socitrel, Proderac, Fapricela u Fundia, impriżi li l-ewwel tlieta minnhom ipparteċipaw biss fil-club España (li kien ikopri lil Spanja u lill-Portugall) u li l-aħħar waħda minnhom ipparteċipat biss fil-koordinazzjoni dwar Addtek, u li fir-rigward tagħhom kien biss fi stadju tardiv ħafna li setgħet tiġi stabbilita konoxxenza tal-ksur uniku (is-17 ta’ Mejju 2001 għal Socitrel, Proderac u Fapricela u l-14 ta’ Mejju 2001 għal Fundia), il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-portata ġeografika iktar limitata meta ddeterminat il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ gravità tal-ksur. Il-Kummissjoni qieset li s-sitwazzjoni kienet differenti fir-rigward tal-parteċipanti l-oħra tal-club España (Emesa/Galycas, Tycsa/Trefilerías Quijano) li pparteċipaw fl-istess ħin f’diversi livell tal-akkordju jew li fir-rigward tagħhom il-konoxxenza tal-ksur uniku setgħet tiġi stabbilita fi stadju ferm iktar bikri. Bl-istess mod, fir-rigward tal-parteċipanti tal-club Italia, is-sitwazzjoni kienet differenti minn dik ta’ Socitrel, Proderac u Fapricela, peress li l-portata ġeografika tal-club Italia kienet tikkoinċidi sostanzjalment ma’ dik tal-ftehimiet pan-Ewropej u kienet tmur ferm lil hinn mill-portata ġeografika tal-club España (Spanja u l-Portugall) (premessa 949 tad-deċiżjoni kkontestata).

82      Fir-rigward tal-implementazzjoni tal-arranġamenti, il-Kummissjoni qieset li, minkejja li ma kinux irnexxew dejjem, dawn l-arranġamenti kienu fil-fatt implementati (premessa 950 tad-deċiżjoni kkontestata).

83      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset li l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-livell tal-gravità tal-ksur kien ta’ 16 % għal Fundia, ta’ 18 % għal Socitrel, Fapricela u Proderac, u ta’ 19 % għall-impriżi l-oħra kollha, inkluża Trame (premessa 953 tad-deċiżjoni kkontestata).

84      It-tielet nett, fir-rigward ta’ Trame, it-tul tal-ksur ġie ffissat għal ħames snin u sitt xhur, jiġifieri mill-4 ta’ Marzu 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002 (premessa 956 tad-deċiżjoni kkontestata).

85      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-perċentwali li għandu jiġi inkluż fl-ammont bażiku irrispettivament mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, il-Kummissjoni kkonkludiet li ammont ta’ 16 % għal Fundia, ta’ 18 % għal Socitrel, Fapricela u Proderac, u ta’ 19 % għall-impriżi l-oħra kollha, inkluża Trame, kien adegwat (premessa 962 tad-deċiżjoni kkontestata).

86      Il-ħames nett, il-Kummissjoni eżaminat iċ-ċirkustanzi attenwanti invokati minn Trame matul il-proċedura amministrattiva. Dawn kienu, b’mod partikolari, argumenti dwar ir-rwol żgħir jew passiv (premessi 987 u 992 tad-deċiżjoni kkontestata) u dwar il-fatt li astjeniet milli tapplika l-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur jew dwar il-parteċipazzjoni sostanzjalment limitata fil-ksur (premessi 1023 u 1025 tad-deċiżjoni kkontestata), li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, bħalma kien il-każ fir-rigward ta’ Proderac, ir-rwol ta’ Trame kien “sostanzjalment iktar limitat minn dak tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li għalhekk dawn l-impriżi kellhom jingħataw tnaqqis tal-multa” u osservat li “Trame kienet attur marġinali fi ħdan il-club Italia, u kienet il-kawża ta’ kunflitti mal-parteċipanti l-oħra”, punti li kienu jiġġustifikaw tnaqqis ta’ 5 % tal-ammont tal-multa.

87      Għaldaqstant, l-ammont bażiku tal-multa ta’ EUR 10 miljun tnaqqas mill-Kummissjoni għal EUR 9.5 miljun. Peress li dan l-ammont kien jaqbeż il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali ta’ Trame ġġenerat fl-2009 (madwar EUR 32.5 miljun), dan l-ammont sussegwentement tnaqqas għal EUR 3.249 miljun (premessi 963, 1057 u 1071 tad-deċiżjoni kkontestata).

 2. Tfakkir tal-prinċipji

 a) Prova tal-eżistenza u tat-tul tal-ksur

88      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova mhux biss l-eżistenza tal-akkordju iżda wkoll it-tul tiegħu. B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-Kummissjoni għandha tipproduċi prova tal-ksur ikkonstatat minnha u għandha tistabbilixxi l-provi li jkunu ta’ natura li juru, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. L-eżistenza ta’ dubju f’għajnejn il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża li tkun id-destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt jekk ikun għad għandha dubju dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament jew għall-bidla ta’ deċiżjoni li timponi multa. Fil-fatt, f’din is-sitwazzjoni tal-aħħar, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, li jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li ġie rrikonoxxut fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ severità tas-sanzjonijiet marbuta ma’ tali ksur, il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri li jirrigwardaw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità. B’hekk, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda li l-ksur allegat twettaq (ara s-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, T‑147/09 u T‑148/09, Ġabra, EU:T:2013:259, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Barra minn hekk, huwa normali li l-attivitajiet li jagħmlu parti mill-ftehimiet antikompetittivi jitwettqu b’mod klandestin, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet u li d-dokumentazzjoni relatata tkun limitata kemm jista’ jkun. Minn dan isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, bħalma huma l-minuti ta’ laqgħat, dawn normalment ikunu frammentati u sparsi, b’tali mod li ħafna drabi jkun meħtieġ li ċerti dettalji jinbnew permezz ta’ deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv ikollha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meta meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, EU:T:2013:259, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza teżiġi li, fl-assenza ta’ provi li jkunu jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, minn tal-inqas, fuq provi li jirrigwardaw fatti suffiċjentement qrib fiż-żmien, b’tali mod li jkun jista’ raġonevolment jiġi aċċettat li dan il-ksur kompla mingħajr waqfien bejn żewġ dati preċiżi (ara s-sentenza Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 88 iktar ’il fuq, EU:T:2013:259, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 b) Kunċett ta’ ksur uniku, fis-sens ta’ ksur kumpless

91      Fit-tieni lok, dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew inkella minn aġir kontinwu, u dan anki meta element wieħed jew iktar ta’ din is-sensiela ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jkunu jistgħu jikkostitwixxu huma stess, ikkunsidrati waħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjonijiet. B’hekk, meta d-diversi azzjonijiet ikunu jagħmlu parti minn “pjan globali”, minħabba li jkollhom l-għan identiku li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà għal dawn l-azzjonijiet fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat b’mod globali (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra, EU:C:1999:356, punt 81; tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra, EU:C:2004:6, punt 258, u tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, Ġabra, EU:C:2012:778, punt 41).

92      Għalhekk, impriża li tkun ipparteċipat f’tali ksur uniku u kumpless permezz ta’ aġir li kien speċifiku għaliha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li jkollhom għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kien intiż li jikkontribwixxi sabiex jitwettaq il-ksur fl-intier tiegħu, tista’ tkun responsabbli wkoll għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan ikun il-każ meta jiġi stabbilit li l-imsemmija impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi permezz tal-aġir tagħha għall-għanijiet komuni segwiti mill-parteċipanti kollha u li kellha għarfien tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ippjanat jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li setgħet raġonevolment tipprevedi tali aġir u li kienet lesta taċċetta r-riskju marbut ma’ dan l-aġir (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, EU:C:1999:356, punti 83, 87 u 203; Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 83, u Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punt 42).

93      B’hekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, u f’tali każ il-Kummissjoni tista’ timputalha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu u, għaldaqstant, għal dan il-ksur fl-intier tiegħu. Jista’ jkun ukoll li impriża tkun ipparteċipat direttament biss f’parti mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu filwaqt li jkollha għarfien tal-aġir l-ieħor kollu li jikkostitwixxi ksur ippjanat jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedi dan l-aġir u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut miegħu. F’tali każ, il-Kummissjoni tista’ wkoll timputa lil din l-impriża r-responsabbiltà għall-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi tali ksur u, sussegwentement, għal dan il-ksur fl-intier tiegħu (sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punt 43).

94      Għall-kuntrarju, jekk impriża tkun ipparteċipat direttament f’element wieħed jew iktar tal-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha, din l-impriża kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi għall-għanijiet ġenerali kollha segwiti mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kellha għarfien tal-aġir l-ieħor kollu li jikkostitwixxi ksur ippjanat jew implementat mill-imsemmija partijiet sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedi dan l-aġir u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut miegħu, il-Kummissjoni tista’ timputalha r-responsabbiltà biss fir-rigward tal-aġir li fih kienet ipparteċipat direttament u fir-rigward tal-aġir ippjanat jew implementat mill-parteċipanti l-oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet bħal dawk li hija kienet qiegħda ssegwi u li fir-rigward tiegħu jiġi pprovat li kellha għarfien jew setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta taċċetta r-riskju marbut miegħu (sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punt 44).

95      Madankollu, dan ma jistax iwassal sabiex din l-impriża tiġi eżonerata mir-responsabbiltà tagħha għall-aġir li fir-rigward tiegħu jkun stabbilit li kienet ħadet sehem fih jew li fir-rigward tiegħu hija effettivament tista’ tinżamm responsabbli. Madankollu, ma huwiex possibbli li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika akkordju globali bħala ksur uniku u kontinwu tiġi sseparata b’dan il-mod ħlief meta, minn naħa, l-imsemmija impriża tkun ingħatat l-opportunità, matul il-proċedura amministrattiva, li tifhem li kienet qiegħda tiġi akkużata b’kull wieħed mill-elementi ta’ aġir li jikkostitwixxu l-ksur, u għalhekk li tiddefendi ruħha dwar dan il-punt, u meta, min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjoni tkun suffiċjentement ċara f’dan ir-rigward (sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punti 45 u 46).

96      Fl-aħħar nett, il-fatt li impriża ma tkunx ipparteċipat fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom ipparteċipat għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, EU:C:1999:356, punt 90; Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 86, u Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, EU:C:2012:778, punt 45).

 c) Kunċett ta’ tbegħid fil-każ ta’ parteċipazzjoni f’laqgħa

97      Fit-tielet lok, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehimiet ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma kienet opponiet għalihom b’mod manifest, sabiex tiġi pprovata b’mod suffiċjenti l-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Meta tkun stabbilita l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat, hija din l-impriża li għandha tressaq indizji ta’ natura li jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull inklinazzjoni antikompetittiva billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qiegħda tipparteċipa f’dawn il-laqgħat b’perspettiva differenti minn tagħhom (ara s-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, EU:C:2004:6, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 d) Prinċipji dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari

98      Fir-raba’ lok, il-ġurisprudenza għamlet sforz sabiex tiżviluppa ċerti prinċipji fir-rigward tar-responsabbiltà individwali li tirriżulta minn ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, bħalma huwa akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2010, Chalkor vs Il-Kummissjoni, T‑21/05, Ġabra, EU:T:2010:205, punti 90 et seq).

99      Fil-fatt, wara li tkun stabbilixxiet l-eżistenza ta’ ksur uniku u wara li tkun identifikat il-parteċipanti f’dan il-ksur, il-Kummissjoni hija meħtieġa, sabiex timponi multi, teżamina l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn il-parteċipanti f’dan il-ksur. Dan jirriżulta kemm mill-ġurisprudenza u kemm mil-Linji gwida, li jipprevedu kemm trattament iddifferenzjat fir-rigward tal-ammont inizjali (ammont inizjali speċifiku) u kemm it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi aggravanti u attenwanti li jippermettu li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat b’mod partikolari skont ir-rwol attiv jew passiv tal-impriżi kkonċernati fl-implementazzjoni tal-ksur [ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, EU:C:1999:356, punti 90 u 150, u, fir-rigward tal-Linji gwida tal-1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p.171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”), is-sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, EU:T:2010:205, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata].

100    Fi kwalunkwe każ, impriża qatt ma tista’ tkun suġġetta għal multa li l-ammont tagħha jkun ikkalkolat fuq il-bażi ta’ parteċipazzjoni f’kollużjoni li fir-rigward tagħha ma tkunx inżammet responsabbli (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, EU:T:2010:205, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Bl-istess mod, impriża tista’ tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li bihom tkun akkużata individwalment (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra, EU:T:2001:288, punt 63).

102    Għaldaqstant, is-sanzjonijiet għandhom ikunu individwalizzati, fis-sens li għandhom jikkonċernaw l-aġir u l-karatteristiċi partikolari għall-impriżi kkonċernati (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra, EU:C:2006:433, punt 46, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra, EU:C:2007:326, punt 44).

103    B’mod partikolari, diġà ġie deċiż li impriża li r-responsabbiltà tagħha tkun stabbilita fir-rigward ta’ diversi partijiet ta’ ksur tikkontribwixxi iktar għall-effikaċja u għall-gravità ta’ dan l-akkordju minn impriża li wkoll tkun wettqet ksur iżda li tkun involuta biss f’parti waħda minn dan l-istess akkordju. Għaldaqstant, l-ewwel impriża twettaq ksur iktar gravi minn dak imwettaq mit-tieni waħda (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, EU:T:2010:205, punt 99).

104    Huwa fir-rigward tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u fid-dawl tal-prinċipji esposti iktar ’il fuq li għandhom jiġu evalwati l-argumenti tal-partijiet, li ġew esposti fid-dettall fir-rapport għas-seduta kkomunikat mill-Qorti Ġenerali.

 B – Fuq il-parteċipazzjoni fi ksur uniku

 1. L-argumenti tal-partijiet

105    Trame ssostni li l-Kummissjoni ma tistax takkużaha li pparteċipat matul ħames snin u sitt xhur fi ksur uniku kompost minn ftehimiet fil-livell Ewropew (club Europe), fil-livell reġjonali u fil-livell nazzjonali (club España, ftehim tan-Nofsinhar, club Italia). Fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, Trame kienet tbigħ biss fl-Italja, u dan mhux minħabba allegat ftehim ta’ qsim tas-suq iżda minħabba l-fatt li ma kinitx awtorizzata tbigħ il-prodotti tagħha barra mill-pajjiż. L-informazzjoni dwar Stati oħra apparti l-Italja ma kienet ta’ ebda interess għaliha. Barra minn hekk, ebda prova ma tistabbilixxi l-parteċipazzjoni tagħha fil-livell supranazzjonali tal-ksur jew f’akkordju apparti l-club Italia. Min-naħa l-oħra, Trame qatt ma pparteċipat f’laqgħat fil-livell Ewropew, u lanqas ma skambjat informazzjoni f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni fil-ksur uniku ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li, fi ħdan il-club Italia, xi kompetituri kienu rreferew, b’mod sporadiku u inċidentali, għall-club Europe fil-preżenza ta’ Trame. Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi, skont Trame, li din tal-aħħar ma kinitx taf bil-livell Ewropew tal-ksur qabel il-15 ta’ Mejju 2000 (premessa 651 tad-deċiżjoni kkontestata), punt dan li kien imissha minn tal-inqas ħadet inkunsiderazzjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa. L-unika riferiment għall-club Europe jirriżulta minn dokument dwar il-laqgħa tal-15 ta’ Mejju 2000, li jindika biss li dan il-club kien jinsab fi kriżi. Skont il-Kummissjoni, dan huwa barra minn hekk “probabbilment” riferiment għall-club Europe, espressjoni din li tesponi d-dubji tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Id-dokumenti dwar il-laqgħat tat-12 ta’ Ġunju u tad-9 ta’ Ottubru 2000 ma jagħmlux riferiment espliċitu għall-club Europe. Matul il-perijodu tal-ksur li hija akkużata bih, Trame ma kellha, u lanqas seta’ jkollha, l-ebda għarfien effettiv tal-club Europe u tal-mekkaniżmi tiegħu.

106    Fl-istess ħin, Trame tosserva li Socitrel, Proderac u Fapricela ġew issanzjonati biss għall-parteċipazzjoni tagħhom f’komponent wieħed tal-ksur uniku (il-club España) fid-dawl b’mod partikolari tal-konoxxenza tardiva tagħhom tal-livell pan-Ewropew tiegħu. B’hekk, il-Kummissjoni akkużat lil Fapricela b’parteċipazzjoni fl-akkordju bejn Diċembru 1998 u Settembru 2002, iżda ħadet inkunsiderazzjoni biss il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-club España biss, peress li Fapricela qatt ma kienet ipparteċipat fil-laqgħat Ewropej u saret taf bihom biss f’Mejju 2001. Skont Trame, din is-sitwazzjoni tixbah lis-sitwazzjoni tagħha, sa fejn il-Kummissjoni akkużata b’parteċipazzjoni fil-club Italia bejn Marzu 1997 u Settembru 2002, kif ukoll b’għarfien tal-livell Ewropew tal-akkordju b’effett minn Mejju 2000. Għaldaqstant, dawn l-impriżi ma kellhom ebda rwol fil-livell Ewropew u saru jafu b’dan il-livell tal-akkordju biss wara li kien għadda iktar minn nofs il-perijodu tal-ksur ikkonstatat. Id-differenza arbitrarja fit-trattament bejn dawn iż-żewġ impriżi għandha riperkussjonijiet negattivi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq Trame, li skontha ġiet iffissata f’livell eċċessiv fid-dawl ta’ sitwazzjoni li ma hijiex is-sitwazzjoni tagħha.

107    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Fid-deċiżjoni kkontestata, huwa stabbilit li l-membri tal-club Italia kienu jinżammu informati b’mod kontinwu dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-club Europe u li min-naħa tagħhom kienu jinformaw lill-membri tal-club Europe dwar id-deċiżjonijiet tagħhom. Tali koordinazzjoni mill-qrib kienet teżisti bejn il-club Europe u l-club Italia. Kemm fir-rigward tal-fażi tal-club Zurich u kemm fir-rigward tal-fażi tal-club Europe, il-membri tal-club Italia setgħu jadottaw id-deċiżjonijiet tagħhom billi jibbażaw ruħhom fuq l-informazzjoni li kienet mgħoddija lilhom mir-rappreżentant tagħhom fil-livell pan-Ewropew (Redaelli matul il-fażi tal-club Zurich, Tréfileurope matul il-fażi tal-club Europe). Skont il-Kummissjoni, huwa wkoll stabbilit li, sa mill-15 ta’ Mejju 2000, Trame kienet taf jew kien imissha kienet taf li hija kienet tagħmel parti integrali minn sistema pan-Ewropea iktar globali, mifruxa fuq diversi livelli. Is-sitwazzjoni ta’ Trame hija wkoll differenti minn dik ta’ Socitrel, Proderac u Fapricela, li kien biss fil-15 ta’ Mejju 2001 li saru jafu li kienu qegħdin jipparteċipaw f’sistema pan-Ewropea, jiġifieri sew wara l-mument li fih Trame saret taf b’dan. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-club Italia u l-club Europe kienu jikkoinċidu fil-livell ġeografiku.

 2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

108    Għandu qabel kollox jiġi osservat li l-Kummissjoni żbaljat meta imputat lil Trame l-parteċipazzjoni fi ksur uniku matul ħames snin u sitt xhur, mill-4 ta’ Marzu 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002 (ara l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punti 61 u 68 iktar ’il fuq), peress li kien biss b’effett mill-15 ta’ Mejju 2000 li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tistabbilixxi li Trame “kienet taf jew kien imissha kienet taf” li bil-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia hija kienet qiegħda tipparteċipa wkoll f’sistema pan-Ewropea iktar globali mifruxa fuq diversi livelli (ara l-premessa 651 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 73 iktar ’il fuq).

109    Għaldaqstant, fi kwalunkwe każ, Trame tista’ tiġi akkużata biss li, minn naħa, ipparteċipat fil-club Italia mill-4 ta’ Marzu 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002 u, min-naħa l-oħra, li kienet — fi ħdan il-club Italia — f’sitwazzjoni fejn jista’ jitqies li kienet taf jew kellha tkun taf, b’effett mill-15 ta’ Mejju 2000, li l-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-komponent tal-ksur kienet tagħmel parti minn sistema iktar globali, li għaliha kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi permezz tal-aġir tagħha stess, liema intenzjoni tippermetti lill-Kummissjoni tqis li Trame kienet b’hekk qiegħda tipparteċipa fi ksur uniku fis-sens iddefinit mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 91 et seq iktar ’il fuq.

110    Huwa f’dan il-kuntest li għandu, b’mod partikolari, jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonstata li, b’effett mill-15 ta’ Mejju 2000, Trame “kienet taf jew kien imissha kienet taf” li l-club Italia kien jagħmel parti minn pjan ġenerali, li kien jinkludi, b’mod partikolari, it-tieni fażi tal-ftehim pan-Ewropew, il-club Europe, li kien jopera fl-istess żmien bħall-club Italia.

 a) Is-sitwazzjoni ta’ Trame mqabbla ma’ dik tal-atturi l-oħra tal-club Italia

111    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li Trame ma hijiex indikata fost in-numru ta’ impriżi li pparteċipaw fil-laqgħa tal-club Italia tas-16 ta’ Diċembru 1997, li titqies li hija waħda mil-laqgħat li l-iktar juru r-rabta mill-qrib eżistenti bejn l-arranġament Taljan u l-arranġament pan-Ewropew matul il-fażi tal-club Europe (premessa 558 tad-deċiżjoni kkontestata). Kien effettivament matul din il-laqgħa li Tréfileurope spjegat fid-dettall lil Redaelli, CB, Itas u ITC, ir-regoli tal-club Europe (ara l-entrata dwar il-laqgħa tas-16 ta’ Diċembru 1997 li tinstab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

112    Fir-rigward ta’ dawn il-ħames produtturi, il-Kummissjoni għandha raġun tqis, kif tagħmel fl-ewwel parti tal-argumenti tagħha (ara l-punt 107 iktar ’il fuq), li l-membri tal-club Italia kienu jinżammu informati bid-deċiżjonijiet meħuda mill-club Europe u li min-naħa tagħhom kienu jinformaw lill-membri tal-club Europe dwar id-deċiżjonijiet tagħhom. B’hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Tréfileurope ma kinitx biss membru tal-club Italia iżda wkoll waħda mill-membri permanenti tal-club Europe u li Redaelli, CB, Itas u ITC, kif ukoll, sussegwentement, SLM, ipparteċipaw f’diversi diskussjonijiet, jew kienu s-suġġett essenzjali tagħhom, fi ħdan il-club Europe u fi ħdan il-club Italia bil-għan li tiġi ddefinita kwota ta’ esportazzjoni għall-produtturi Taljani barra mill-Italja. Il-kontenut tad-diskussjonijiet f’dan ir-rigward jista’ jiġi spjegat fil-qosor hekk: il-produtturi Ewropej xtaqu jipproponu lill-produtturi Taljani kwoti ta’ esportazzjoni li setgħu jittolleraw, filwaqt li għall-produtturi Taljani din il-kwota ma kinitx suffiċjenti, u dan wassal għal diskussjonijiet qabel ma nstabet soluzzjoni li setgħet tkun aċċettabbli għaż-żewġ gruppi ta’ produtturi (ara, fid-deċiżjoni kkontestata, il-premessi 278 et seq fil-parti intitolata “Deskrizzjoni tal-laqgħat multilaterali prinċnipali”, li minnha jirriżulta li, minn kwota ta’ 47 000 tunnellata proposti mill-produtturi Taljani, meta mqabbla ma’ 60 000 tunnellata proposti mill-produtturi Taljani, intlaħaq ftehim fuq livell ta’ prinċipju għal volum ta’ 50 000 tunnellata).

113    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni Trame fl-argumenti tagħha (ara l-punt 105 iktar ’il fuq), li s-sitwazzjoni tagħha hija differenti minn dik ta’ Tréfileurope, ta’ Redaelli, ta’ CB, ta’ Itas, ta’ ITC u, sussegwentement, ta’ SLM. Fil-fatt, kif jingħad fil-premessa 651 tad-deċiżjoni kkontestata, “matul il-perijodu tal-ksur, Trame ma wettqitx bejgħ barra mill-Italja”. Barra minn hekk, kif ġie osservat fid-deċiżjoni kkontestata, Trame kienet preżenti għal tmintax-il laqgħa tal-club Italia (nota marbuta mal-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, Trame tispeċifika li dawn huma tmintax-il laqgħa minn total ta’ 234 laqgħa. Dan in-numru huwa ferm iżgħar min-numru ta’ laqgħat li għalihom ipparteċipaw l-atturi prinċipali tal-club Italia. B’mod ġenerali, u bla ħsara għal-laqgħat identifikati b’mod espliċitu mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta wkoll li Trame ma kinitx preżenti għal-laqgħat prinċipali dwar id-diskussjonijiet li kienu jinteressaw kemm lill-club Italia u kemm lill-club Europe (ara, pereżempju, minbarra l-laqgħa tas-16 ta’ Diċembru 1997, l-entrati dwar il-laqgħat tat-12 u tat-23 ta’ Lulju 2001 li jinsabu fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

114    In-natura partikolari tas-sitwazzjoni ta’ Trame, meta mqabbla ma’ dik tal-atturi prinċipali tal-club Italia, hija rrikonoxxuta b’mod impliċitu mill-Kummissjoni peress li kien biss b’effett mill-15 ta’ Mejju 2000, u mhux mill-adeżjoni tagħha mal-club Italia f’Marzu 1997, li, skont il-Kummissjoni, Trame “kienet taf jew kien imissha kienet taf” li bil-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia hija kienet qiegħda tipparteċipa wkoll f’sistema pan-Ewropea. Dan jirriżulta wkoll minn dikjarazzjoni ppreżentata minn Trame f’isem wieħed mir-rappreżentanti ta’ Tréfileurope fi ħdan il-club Italia, fejn huwa indikat b’mod partikolari li “[Trame] pparteċipat f’numru żgħir ħafna ta’ laqgħat fil-kuntest tal-club Italia, ħafna drabi fl-uffiċċji tal-Federacciai [...]. [Ħ]afna drabi [Trame] kienet tidħol fil-laqgħa fit-tieni parti tagħha biss. Xi drabi, hija kienet tieħu l-inizjattiva li titlaq mil-laqgħa qabel tintemm”.

115    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-assenza ta’ provi li jikkonċernaw speċifikament is-sitwazzjoni ta’ Trame, il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tinvoka li l-fatt li huwa stabbilit li l-ħames atturi prinċipali tal-club Italia, u sussegwentement SLM, kienu involuti fid-diskussjonijiet li kienu qegħdin jinżammu bejn il-club Europe u l-club Italia fir-rigward tal-kwota ta’ esportazzjonijiet tal-produtturi Taljani barra mill-Italja huwa biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li Trame, bħala membru tal-club Italia, kienet taf jew kellha tkun taf dwar dawn id-diskussjonijiet. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-membri tal-club Italia ma jikkostitwixxux kategorija omoġenea iżda huma komposti minn impriżi li għandhom differenzi importanti bejniethom. B’hekk, uħud mill-membri tal-club Italia kienu wkoll membri ta’ clubs oħra, bħalma kienu Tréfileurope jew Tycsa. Membri oħra tal-club Italia kienu impriżi li ma kinux preżenti biss fl-Italja iżda wkoll fi Stati Membri oħra, bħal ma kienu Redaelli, CB, Itas, ITC u, sussegwentement, SLM. F’dan il-każ, għalkemm Trame kienet membru tal-club Italia, il-parteċipazzjoni tagħha hija differenti, kemm fil-livell fattwali (assenza ta’ esportazzjonijiet, konoxxenza tardiva tad-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju) u kemm fil-livell ta’ prova (numru żgħir ta’ laqgħat li fir-rigward tagħhom hija rrapportata l-preżenza ta’ Trame), minn dik tal-ħames atturi prinċipali tal-club Italia, li pparteċipaw sa mill-bidu f’dawn l-arranġamenti, kemm fir-rigward tal-aspett intern tagħhom u kemm fir-rigward tal-aspett estern tagħhom.

 b) Eżami tal-elementi dwar il-laqgħat ta’ Mejju, ta’ Ġunju u ta’ Ottubru 2000

116    Mid-deċiżjoni kkontestata u mit-tieni parti tal-argumenti tal-Kummissjoni (ara l-punt 107 iktar ’il fuq) jirriżulta li, b’effett mill-15 ta’ Mejju 2000, din tqis li hija f’pożizzjoni li tqis li Trame pparteċipat fi ksur uniku peress li, b’effett minn dak il-mument, Trame “kienet taf jew kien imissha kienet taf” li kienet tagħmel parti integrali minn sistema pan-Ewropea iktar globali. Skont il-Kummissjoni, tali konklużjoni tista’ tiġi dedotta mill-provi dwar it-tliet laqgħat identifikati fil-premessa 651 tad-deċiżjoni kkontestata: dawk tal-15 ta’ Mejju, tat-12 ta’ Ġunju u tad-9 ta’ Ottubru 2000.

117    Madankollu, l-eżami ta’ dawn il-provi ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tasal għall-istess konklużjoni bħall-Kummissjoni.

118    L-ewwel laqgħa ċċitata mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi li Trame kienet f’pożizzjoni li tkun taf, sa mill-15 ta’ Mejju 2000, li l-club Italia kien jagħmel parti minn pjan ġenerali u iktar globali, b’mod partikolari minħabba li kien jipprevedi l-koordinazzjoni tal-club Italia mal-club Europe, hija l-laqgħa tal-club Italia li nżammet f’dik il-ġurnata. Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li f’din il-laqgħa kienu rrappreżentati: CB, Itas, ITC, Tréfileurope Italia, SLM, Trame u DWK, filwaqt li Tycsa hija indikata bħala assenti.

119    F’din l-entrata, il-Kummissjoni ppreżentat kif ġej il-punti indirizzati fil-laqgħa tal-15 ta’ Mejju 2000:

–        “[d]iskussjoni dwar il-prezzijiet tal-materja prima u dwar il-kriżi tas-suq. Skont [wieħed mir-rappreżentanti ta’ Tréfileurope], il-club Europe, kompost minn Emesa, Tycsa, Tréfileurope, Nedri, DWK u WDI, u l-club Italia jinsabu [it-tnejn li huma] fi kriżi”;

–        “Emesa ħarġet mill-club Europe” u “Tycsa u Emesa ħadu kwantitajiet kbar mingħand Fundia”; “Fapricela u Socitrel jissemmew ukoll”;

–        “Tréfileurope tikkonferma l-laqgħa fir-rigward tas-suq Taljan”.

120    Din l-informazzjoni toriġina mingħand ITC, CB, SLM u Tréfileurope u nkisbet jew matul l-ispezzjonijiet jew fil-kuntest ta’ talba għal klemenza. Minuti miktubin bl-idejn tal-laqgħa tal-15 ta’ Mejju 2000, ikkomunikati minn ITC, jippermettu b’mod partikolari li jiġu stabbiliti l-indikazzjonijiet esposti fl-ewwel u fit-tieni inċiżi tal-punt 119 iktar ’il fuq.

121    It-tieni laqgħa inkwistjoni hija l-laqgħa tal-club Italia tat-12 ta’ Ġunju 2000. Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li f’din il-laqgħa kienu rrappreżentati: Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope Italia, SLM, Trame, Tycsa u DWK.

122    F’din l-entrata, il-Kummissjoni ppreżentat kif ġej il-punti indirizzati fil-laqgħa tat-12 ta’ Ġunju 2000:

–        “[d]iskussjoni dwar is-suq. Tycsa titlob li tbiegħ bi prezzijiet inqas għoljin (huwa indikat li huma jbiegħu 4 000 tunnellata fis-suq Taljan, jiġifieri 4 % ta’ sehem tas-suq). L-Ispanjoli jagħmlu pressjoni fuq il-Portugiżi. Jissemmew l-ismijiet ‘Emesa-Tycsa, Socitrel-Fapricela’. Referenza (probabbilment) għall-club Europe, li jilmenta dwar Tycsa (Antwerp u Düsseldorf jilmentaw dwar Tycsa)”;

–        “[a]llokazzjoni ta’ ċerti klijenti (identifikati b’isimhom) u kunsinni lil fornituri indikati bħala ‘leaders’”.

123    Din l-informazzjoni toriġina mingħand Tycsa u ITC u nkisbet jew matul l-ispezzjonijiet jew fil-kuntest ta’ talba għal klemenza. Minuti miktubin bl-idejn tal-laqgħa tat-12 ta’ Ġunju 2000, ikkomunikati minn ITC, jippermettu b’mod partikolari li jiġu stabbiliti l-indikazzjonijiet esposti fl-ewwel inċiż tal-punt 122 iktar ’il fuq.

124    It-tielet laqgħa inkwistjoni hija l-laqgħa tal-club Italia tad-9 ta’ Ottubru 2000. Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li f’din il-laqgħa kienu rrappreżentati: Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u Tréfileurope Italie, SLM, Trame, Tycsa, DWK, Nedri u WDI.

125    F’din l-entrata, il-Kummissjoni ppreżentat kif ġej il-punti indirizzati fil-laqgħa tad-9 ta’ Ottubru 2000:

–        “[d]iskussjoni dwar il-kwoti għas-suq Ewropew (inkluż ir-Renju Unit, l-Irlanda, il-Portugall, l-Isvizzera, l-Awstrija, il-Belġju). F’dan il-kuntest, diskussjoni dwar dak li SLM hija lesta li taċċetta [1 400 tunnellata minn volum totali ta’ bejgħ (Taljan) fl-2001 stmat bħala 50 000 tunnellata]. Huwa ddikjarat li SLM hija lesta li tkompli tinnegozja l-pożizzjoni tagħha mal-Ewropa”;

–        “[s]kont CB, il-laqgħa kienet tikkonċerna l-analiżi tas-suq Ewropew u l-perċentwali ta’ interpenetrazzjoni. Negozjati mal-produtturi Taljani sabiex jintlaħaq ftehim dwar qsim tas-suq”;

–        “Tycsa: analiżi tas-suq u rifjut ta’ talba mressqa minn ċerti produtturi sabiex jiġu żgurati kwoti skont il-pajjiżi”;

–        “Nedri: l-għan (mhux milħuq) kien li l-produtturi Taljani jiġu integrati f’attribuzzjoni ġdida ta’ kwoti. Matul il-laqgħa, il-produtturi Taljani (CB, ITC, Itas, Redaelli, SLM) talbu lil WDI, DWK, Nedri, Tycsa u Tréfileurope kwota għall-esportazzjoni ta’ 60 000 tunnellata”;

–        “Din il-laqgħa kienet ġiet ippreparata mill-parteċipanti tal-club Europe matul laqgħa li nżammet fis-26 ta’ Settembru 2000 fi Brussell [...]”.

126    Din l-informazzjoni toriġina, b’mod partikolari, minn ITC, minn CB, minn Tycsa, minn Nedri, minn WDI, minn Tréfileurope, minn DWK u minn Redaelli.

127    Fid-dawl tal-minuti miktubin bl-idejn tal-laqgħa tad-9 ta’ Ottubru 2000, ikkomunikati minn ITC, ma huwiex evidenti li jiġi konkluż li d-diskussjonijiet ikkonċernaw dak kollu li jissemma fl-ewwel inċiż tal-punt 125 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-indikazzjonijiet rilevanti magħmula f’dawn il-minuti juru dan li ġej: l-ewwel nett, l-ittri “– NO” huma marbuta ma’ “SLM” u ma’ “RT [Redaelli]” fil-lista tal-persuni preżenti u tal-impriżi rrappreżentati fil-laqgħa u l-indikazzjoni “15:00” hija marbuta mal-indikazzjoni tal-isem tar-rappreżentant ta’ Trame (il-laqgħa kienet bdiet fl-10:00, skont kif indikat banda oħra; barra minn hekk, l-eżami tal-isem ta’ dan ir-rappreżentant jidher li juri li dan l-isem inkiteb fuq l-indikazzjoni “–” li kienet inizjalment magħmula ħdejn l-indikazzjoni “Trame”); it-tieni nett, id-diskussjoni dwar il-kwoti fir-rigward tas-suq Ewropew, li suppost saret fil-bidu tal-laqgħa skont kif indikata fil-minuti, tirriżulta biss minn erba’ linji li jsemmu l-indikazzjonijiet segwenti “Ir-Renju Unit + L-Irlanda 40; In-Norveġja, L-Isvezja, Id-Danimarka 40; Il-Portugall 25; L-Isvizzera – L-Awstrija 10” (dawn jistgħu jkunu perċentwali jew rati ta’ penetrazzjoni tal-esportazzjonijiet, iżda dan ma joħroġx b’mod manifest mill-minuti); it-tielet nett, diversi indikazzjonijiet magħmula fir-rigward ta’ SLM, fosthom riferiment għal “1 400 tunnellata”, għal “produzzjoni 2001” ta’ “50 000 tunnella” u għad-disponibbiltà ta’ SLM li tkompli tinnegozja pożizzjoni fl-Ewropa, mingħajr ma huwa manifest li dawn l-indikazzjonijiet jirrigwardaw l-indikazzjonijiet dwar l-allegati kwoti għas-suq Ewropew, peress li huma sseparati b’linja kbira magħmula fuq il-paġna kollha u indikazzjonijiet oħra dwar elementi oħra.

128    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dokument li fuqu tibbaża ruħha l-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-kontenut ta’ dak li huwa indikat fl-ewwel inċiż tal-punt 125 iktar ’il fuq fil-verità jippermetti li jiġi stabbilit biss dak li huwa rrapportat fit-tieni u fit-tielet sentenzi tal-imsemmi inċiż, mingħajr ma jista’ jiġi konkluż fuq il-bażi ta’ provi suffiċjenti li din il-parti tad-diskussjoni nżammet fil-preżenza ta’ SLM u ta’ Redaelli jew inkella f’mument meta kien preżenti r-rappreżentant ta’ Trame, peress li b’mod verosimili jista’ jitqies li filwaqt li l-laqgħa bdiet fl-10:00, ir-rappreżentant ta’ Trame ma wasalx qabel it-15:00.

129    Barra minn hekk, mill-indikazzjonijiet l-oħra riprodotti mill-Kummissjoni fil-preżentazzjoni tal-informazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha fir-rigward tal-laqgħa tad-9 ta’ Ottubru 2000 jirriżulta li, meta Nedri semmiet il-produtturi Taljani u d-diskussjoni dwar il-kwoti ta’ esportazzjoni, hija indikat li dawn il-produtturi kienu CB, ITC, Itas, Redaelli u SLM, mingħajr ma semmiet lil Trame. Li kieku Trame kienet preżenti f’dan l-istadju tad-diskussjoni, wieħed jista’ jaħseb li Nedri kienet issemmi lil din l-impriża.

130    Meta kkunsidrati flimkien, il-provi dwar it-tliet laqgħat iċċitati iktar ’il fuq jippermettu li jiġu kkonstatati tliet affarijiet fir-rigward ta’ Trame. L-ewwel nett, matul dawn il-laqgħat, il-club Europe ssemma, b’mod mingħajr ebda dubju espliċitu f’Mejju 2000, peress li Trame setgħet saħansitra tifhem il-kompożizzjoni tal-imsemmi club u, minn tal-inqas b’mod impliċitu, f’Ġunju 2000 (bir-riferiment għal Antwerp u għal Düsseldorf, li jista’ jinftiehem bħala riferiment għall-uffiċċju rreġistrat tal-impriżi membri tal-club Europe). It-tieni nett, jirriżulta wkoll li r-riferimenti magħmula għall-club Europe matul dawn il-laqgħat saru fir-rigward ta’ impriża, Tycsa (preżenti barra minn hekk għal-laqgħat ta’ Ġunju u ta’ Ottubru 2000), li kienet biss marġinalment preżenti fl-Italja, jew fir-rigward ta’ impriżi oħra li ma kinux Taljani (Socitrel, Fapricela, Emesa). Dan jagħti raġonevolment x’jifhem li l-akkordju dwar l-APS ma kienx jeżisti biss fl-Italja jew ma kienx jinvolvi biss produtturi interessati prinċipalment fl-Italja. It-tielet nett, jista’ raġonevolment jitqies ukoll li d-dubji li setgħu jeżistu dwar in-natura u l-azzjonijiet tal-club Europe u li tqajmu matul il-laqgħat ta’ Mejju u ta’ Ġunju 2000 kienu ġew iċċarati f’Ottubru 2000, peress li jirriżulta li l-parteċipanti għal din il-laqgħa ma kinux biss l-atturi prinċipali tal-club Italia jew il-produtturi li joperaw fis-suq Taljan. Madankollu, jibqa’ dubju dwar il-kwistjoni ta’ jekk Trame setgħetx kienet preżenti għall-parti ta’ din il-laqgħa li kienet tikkonċerna l-intenzjonijiet ta’ SLM barra mill-Italja.

131    Madankollu, fi kwalunkwe każ, jirriżulta li, anki jekk jitqies li r-rappreżentant ta’ Trame ma wasalx għal-laqgħa tad-9 ta’ Ottubru 2000 qabel it-15:00, huwa xorta waħda pparteċipa għal laqgħa fil-preżenza, b’mod partikolari, ta’ rappreżentanti ta’ DWK, WDI u Nedri, li ma humiex produtturi interessati prinċipalment fl-Italja.

132    Fid-dawl tal-elementi ċċitati iktar ’il fuq, huwa għalhekk possibbli li jitqies li, minn tal-inqas b’effett mit-tielet laqgħa, jiġifieri dik tad-9 ta’ Ottubru 2000, Trame, bħal kwalunkwe impriża oħra li pparteċipat għat-tliet laqgħat iċċitati iktar ’il fuq, kienet f’pożizzjoni li tifhem li kien hemm, fl-istess ħin bħall-club Italia, club ieħor, il-club Europe, li kien issemma f’Mejju u li sar riferiment għalih f’Ġunju ta’ dik l-istess sena, li l-attivitajiet tiegħu mhux biss kellhom ikunu simili għal dawk tal-club Italia iżda kienu wkoll is-suġġett ta’ koordinazzjoni ma’ dan tal-aħħar, kif kienet tixhed il-preżenza ta’ produtturi li ma kinux Taljani, bħalma hija DWK, fil-laqgħat tal-club Italia.

133    Mill-banda l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li tqies fid-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li, b’effett mill-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-ewwel waħda mit-tliet laqgħat inkwistjoni tal-club Italia, fil-15 ta’ Mejju 2000, din l-impriża kienet f’sitwazzjoni fejn kienet taf jew kien imissha kienet taf bid-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju. Il-fatt li matul din il-laqgħa ssemma biss l-isem “club Europe” ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi preżunta l-konoxxenza tal-arranġamenti konklużi mill-parteċipanti ta’ dan il-club. Tali interpretazzjoni hija iktar u iktar kredibbli fid-dawl tal-fatt li l-indikazzjoni ta’ dan il-club hija marbuta mal-espressjoni “fi kriżi” u mal-indikazzjoni li “Emesa ħarġet mill-club Europe” jew inkella mal-fatt li “Tycsa u Emesa ħadu kwantitajiet kbar mingħand Fundia”. Dawn il-preċiżazzjonijiet jippermettu li wieħed jaħseb li, irrispettivament minn dak li seta’ jirrappreżenta, il-club Europe ma kienx sejjer tajjeb.

134    Bl-istess mod, fir-rigward tat-tieni laqgħa, dik tat-12 ta’ Ġunju 2000, l-indikazzjoni dwar Tycsa (li titlob tnaqqis tal-prezzijiet) tikkonċerna s-suq Taljan li kien jirrappreżenta 4 % tas-suq b’4 000 tunnellata mibjugħa. Għaldaqstant, din l-impriża setgħet tiġi pperċepita bħala membru tal-club Italia, membru barra minn hekk li joħloq problemi, u mhux bħala membru tal-club Europe. L-indikazzjonijiet l-oħra li jirriżultaw minn din il-laqgħa jidhru li jistgħu wkoll jiġu invokati sabiex tiġi sostnuta l-impressjoni li, jekk jeżisti club Europe (jiġifieri dak li ssemma fl-ewwel laqgħa), dan kien jinkludi membri li l-aġir kompetittiv tagħhom kien aggressiv, bħalma huma l-kumpanniji Spanjoli (Emesa u Tycsa) li kienu qegħdin jagħmlu pressjoni fuq il-kumpanniji Portugiżi (Socitrel u Fapricela).

135    F’dan l-istadju, għalhekk, ma jistax jiġi konkluż b’mod suffiċjenti fid-dritt li Trame kellha konoxxenza ta’ jew ma setgħetx ma tkunx taf bid-dimensjoni pan-Ewropea tal-ksur b’effett mill-15 ta’ Mejju 2000. Tali konklużjoni tista’ ssir biss b’effett mid-9 ta’ Ottubru 2000.

136    Inċidentalment, għandu jiġi osservat, kif tagħmel Trame fl-argumenti tagħha (ara l-punt 105 iktar ’il fuq), li, anki jekk jista’ jitqies li Trame kellha jew kien imissha kellha konoxxenza tad-dimensjoni pan-Ewropea tal-ksur b’effett mid-9 ta’ Ottubru 2000, tali raġunament fl-ebda każ ma jista’ jwassal lill-Kummissjoni sabiex tqis li Trame pparteċipat, bħala tali, fil-club Europe meta tiġi sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa. F’dan il-każ, għal darba oħra, is-sitwazzjoni ta’ Trame hija partikolari fis-sens li, matul il-perijodu kollu tal-ksur li hija akkużata bih, ma huwiex ikkontestat li din l-impriża pparteċipat biss fil-club Italia. B’mod saħansitra iktar preċiż, matul dan il-perijodu kollu, Trame pparteċipat biss fl-aspett intern tal-club Italia, peress li ma kellhiex l-awtorizzazzjonijiet neċessarji sabiex tbigħ l-APS barra minn dan il-pajjiż. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li Trame ma wettqitx bejgħ barra mill-Italja matul dan il-perijodu, li huwa veru fir-rigward tal-Ewropa kontinentali, li kienet is-suġġett tal-akkordju, filwaqt li Trame wettqet ċertu bejgħ fir-Renju Unit, li ma kienx ikkonċernat mill-ksur uniku. Għaldaqstant, din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik tal-atturi prinċipali tal-club Italia (bħal Redaelli) li kienu jintervjenu kemm fl-Italja u kemm fi Stati Membri oħra jew minn dik ta’ ċerti membri permanenti tal-club Europe (bħal Tréfileurope) li kienu jintervjenu fil-bqija tal-Ewropa iżda wkoll fl-Italja.

 c) Is-sitwazzjoni ta’ Trame mqabbla ma’ dik ta’ ċerti atturi tal-club España

137    Għandha tingħata importanza partikolari lill-aħħar element imqajjem fl-argumenti tal-partijiet (ara l-punti 106 u 107 iktar ’il fuq), jiġifieri l-kwistjoni ta’ jekk is-sitwazzjoni ta’ Trame kinitx simili għal dik ta’ Socitrel, ta’ Proderac u ta’ Fapricela, f’liema każ il-Kummissjoni kien imissha tatha trattament komparabbli.

138    Mutatis mutandis, hemm effettivament lok li jitqabblu dawn is-sitwazzjonijiet. Bħal Trame, li s-sitwazzjoni tagħha fi ħdan il-club Italia hija differenti minn dik tal-ħames atturi prinċipali ta’ dan il-club, Redaelli, CB, Itas, ITC u Tréfileurope, is-sitwazzjoni ta’ Socitrel, ta’ Proderac u ta’ Fapricela, tliet atturi tal-club España, hija differenti minn dik tal-atturi l-oħra ta’ dan il-club, fosthom Emesa u Tycsa, li kienu jipparteċipaw ukoll fil-club Europe u anki, fil-każ ta’ Tycsa, fil-club Italia.

139    Issa, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Socitrel, Proderac u Fapricela ma ġewx issanzjonati mill-Kummissjoni b’mod globali bis-saħħa tal-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur uniku matul it-tul kollu tal-ksur li huma akkużati biss iżda fid-dawl tal-parteċipazzjoni tagħhom f’komponent wieħed biss ta’ dan il-ksur, f’dan il-każ fil-club España, b’mod partikolari minħabba l-konoxxenza tardiva tagħhom tad-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju (b’effett minn Mejju 2001) (premessa 949 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward fl-istadju tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa ddefinit fil-Linji gwida tal-2006). Dan ma sarx fil-każ ta’ Trame, li ġiet issanzjonata għall-parteċipazzjoni tagħha fi ksur uniku minn Marzu 1997 sa Settembru 2002.

140    Sabiex tiġġustifika l-fatt li ma ttrattatx lil Trame b’mod komparabbli għal dak iddefinit sabiex jiġu ttrattati Socitrel, Proderac u Fapricela, il-Kummissjoni tirreferi għal żewġ elementi: minn naħa, il-fatt li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Socitrel, Proderac u Fapricela saru jafu li kienu qegħdin jipparteċipaw f’sistema iktar globali b’effett mill-15 ta’ Mejju 2001 (premessi 658, 660 u 661 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri sena wara Trame, li skont il-Kummissjoni kienet saret taf b’dan sa mill-15 ta’ Mejju 2000, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li, b’differenza minn Socitrel, minn Proderac u minn Fapricela, il-“portata ġeografika tal-club Italia kienet tikkoinċidi sostanzjalment ma’ dik tal-ftehimiet pan-Ewropej u għalhekk kienet tmur ferm lil hinn mill-portata ġeografika tal-club España (Spanja u l-Portugall)” (premessa 949 tad-deċiżjoni kkontestata).

141    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja d-differenzi mqajma mill-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-istess ċirkustanzi bħal dawk li ġew invokati mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ Socitrel, ta’ Proderac u ta’ Fapricela — jiġifieri, minn naħa, il-konoxxenza tardiva tad-dimensjoni pan-Ewropea tal-ksur (f’Ottubru 2000 u mhux f’Mejju 2000) u, min-naħa l-oħra, il-portata ġeografika tal-club Italia, li setgħet tkun biss interna fir-rigward ta’ Trame, li ma kinitx esportat barra mill-Italja minħabba li ma kellhiex awtorizzazzjonijiet f’dan is-sens — japplikaw b’forma attenwata fir-rigward ta’ Trame. Għandu jiġi osservat ukoll li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għalkemm il-club España kkonċerna prinċipalment lil Spanja u l-Portugall, fil-kuntest ta’ dan il-club kienu kkunsidrati wkoll l-esportazzjonijiet tal-produtturi Iberiċi (ara l-entrata dwar il-laqgħa tas-6 ta’ Lulju 2001 li tinsab fl-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

 d) Konklużjoni

142    Bħala konklużjoni, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Trame fi ksur uniku tista’ tiġi kkritikata minn tliet aspetti.

143    L-ewwel nett, il-Kummissjoni żbaljat meta imputat lil Trame l-parteċipazzjoni fi ksur uniku, jiġifieri f’“sensiela sħiħa ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fis-settur tal-APS fis-suq intern u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, fi ħdan iż-ŻEE” mill-4 ta’ Marzu 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002, peress li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li kien biss mill-15 ta’ Mejju 2000 li Trame kellha konoxxenza tad-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju.

144    It-tieni nett, kien ukoll b’mod żbaljat li l-Kummissjoni qieset li Trame kienet taf jew kien imissha kienet taf bid-dimensjoni pan-Ewropea tal-akkordju b’effett mill-15 ta’ Mejju 2000, peress li ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti bħala prova li, f’dik id-data, Trame setgħet tkun taf in-natura tal-club Europe u l-għanijiet segwiti minnu. Fid-dawl tal-provi invokati f’dan ir-rigward, tali sitwazzjoni tista’ tiġi kkonstatata biss b’effett mid-9 ta’ Ottubru 2000, data li fiha Trame pparteċipat f’laqgħa bejn membri tal-club Italia u impriżi li ma kinux membri ta’ dan il-club iżda biss tal-club Europe, fatt dan li kellu jippermettilha tneħħi d-dubji kollha li seta’ kien għad għandha dwar x’kienu jfissru l-kliem “club Europe” li ssemmew jew li sar riferiment għalihom fil-kuntest tal-laqgħat tal-club Italia.

145    B’effett minn dik id-data, il-Kummissjoni tista’ tqis li huwa stabbilit li Trame kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha stess, għall-għanijiet komuni segwiti mill-parteċipanti kollha fl-akkordju, minkejja li hija ma kinitx tesporta, u li Trame kellha konoxxenza tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ikkunsidrat jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedi dan l-aġir u kienet lesta li taċċetta r-riskju marbut ma’ dan l-aġir fis-sens tal-ġurisprudenza.

146    It-tielet nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura u tal-portata tal-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-ksur uniku, il-Kummissjoni ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni d-differenzi li jeżistu bejn is-sitwazzjoni ta’ Trame u dik tal-ħames atturi prinċipali tal-club Italia, bħalma lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni x-xebh li jeżisti, mutatis mutandis, bejn is-sitwazzjoni ta’ Trame u s-sitwazzjonijiet tat-tliet atturi l-inqas importanti fil-club España.

147    Għalhekk, sa minn dan il-punt għandu jiġi annullat il-punt 17 tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-aspett pan-Ewropew tal-ksur inkwistjoni mill-4 ta’ Marzu 1997 sad-9 ta’ Ottubru 2000. Il-konsegwenzi l-oħra tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti ser jiġu evalwati globalment sussegwentement meta jitlesta l-eżami tal-argumenti tal-partijiet.

148    Madankollu, għandu diġà jingħad li l-impatt li dawn il-konsegwenzi jista’ jkollhom fuq l-ammont tal-multa li ġie ddeterminat mill-Kummissjoni ma jistax ikun partikolarment sinjifikattiv peress li l-Kummissjoni wettqet il-kalkolu tagħha fuq il-bażi tal-ammont totali tal-bejgħ ta’ APS imwettaq minn Trame fl-Italja biss. F’dan ir-rigward, ma jistax jitqies li l-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-aspett intern biss tal-club Italia ma tippreżentax, bħala tali, ċertu livell ta’ gravità, minkejja li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 103 iktar ’il fuq, l-imsemmija parteċipazzjoni tibqa’ intrinsikament inqas gravi minn dik ta’ impriża li ma pparteċipatx biss fl-aspett intern tal-club Italia iżda wkoll fl-aspett estern tiegħu, jekk mhux ukoll fi clubs oħra, bħall-club Europe u l-club España.

 C – Fuq l-istrands bi tliet fili

 1. L-argumenti tal-partijiet

149    Trame ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta ħadet inkunsiderazzjoni l-bejgħ tagħha ta’ strands bi tliet fili (“treccia”) sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa. Skontha, dan huwa żball sinjifikattiv peress li, fl-2001, il-valur tal-bejgħ ta’ strands bi tliet fili kien jirrappreżenta iktar minn 50 % tal-ammont totali tal-bejgħ ta’ strands tagħha. B’hekk, il-valur tal-bejgħ ta’ strands b’seba’ fili (“trefolo”) ta’ Trame kien biss ta’ EUR 4.05 miljun minn ammont totali ta’ bejgħ li jinkludi l-istrands bi tliet fili ta’ EUR 8.2 miljun.

150    B’mod ġenerali, Trame ssostni li l-istrands bi tliet fili qatt ma kienu s-suġġett tal-club Italia. Dan il-prodott jissemma xi drabi fil-provi iżda mingħajr ma huwa stabbilit li l-membri tal-club Italia kienu effettivament laħqu ftehim fir-rigward tiegħu. Sabiex tallega l-kuntrarju, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, skont Trame, fuq tabella intitolata “ftehim 1996”, li għandha d-data ta’ Diċembru 1995 u li ma tikkonċernax lil Trame. L-affermazzjoni fis-sens li l-kwoti indikati f’din it-tabella kienu komplew japplikaw sal-2002 ma hijiex ikkorroborata minn elementi oħra fil-fajl tal-proċedura amministrattiva. Fil-verità, l-uniku tentattiv sabiex jiġu inklużi l-istrands bi tliet fili fl-akkordju kien sar, mingħajr suċċess, matul il-laqgħat tat-28 ta’ Frar u tas-6 ta’ Marzu 2000. Meta tirreferi għal-laqgħa tat-28 ta’ Frar 2000, il-Kummissjoni tindika b’hekk li kienu nżammu diskussjonijiet dwar l-“evalwazzjoni tal-possibbiltà li l-istrands bi tliet fili jiġu inklużi fil-ftehim kummerċjali għas-suq Taljan”.

151    Sussegwentement għal-laqgħa tat-28 ta’ Frar 2000, ma teżisti ebda prova li l-club Italia kien effettivament inkluda l-istrands bi tliet fili. Il-Kummissjoni tinvoka, f’dan il-każ, dokument dwar il-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 2000 li jinkludi “lista ddettaljata ħafna tal-ismijiet ta’ 80 klijent (Taljani) li fir-rigward tagħhom il-kunsinna ta’ strands bi tliet fili hija maqsuma bejn Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope, SLM u Trame”. Issa, dan ma huwiex tqassim ta’ kwoti jew ta’ klijenti għall-futur iżda, kif ippreċiżat ITC, li pprovdiet dan id-dokument, “eżami tal-kunsinni mwettqa mill-produtturi fl-1999”. Rappreżentant ta’ ITC, li kkontribwixxa għad-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza ta’ ITC, ikkonferma dan f’dikjarazzjoni ppreżentata minn Trame. Huwa jindika wkoll li, “matul il-perijodu ta’ referenza, id-diskussjonijiet fi ħdan il-club Italia kienu kkonċentraw fuq l-istrands b’seba’ fili”. Dejjem skont Trame, l-informazzjoni inkwistjoni kienet ġiet ipprovduta fil-kuntest tat-tentattiv mingħajr suċċess, implementat fi Frar 2000, li l-istrands bi tliet fili jiġu inklużi fl-akkordju. Anki jekk jitqies (li ma huwiex il-każ) li l-iżvelar ta’ tali informazzjoni jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, dan jikkostitwixxi ksur inqas gravi minn ftehim ta’ tqassim tal-ishma tas-suq, u dan kien imissu ttieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa. Barra minn hekk, mit-tabella sussegwenti li tinsab fid-dokument 15905 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva, li l-Kummissjoni tikkwalifika bħala “pjan għall-attribuzzjoni tal-kwoti tal-2001 u previżjonijiet għall-2002”, jirriżulta li l-volumi indikati jikkonċernaw esklużivament l-istrands b’seba’ fili, u dan jipprova għal darba oħra li l-istrands għal tliet fili ma kinux is-suġġett ta’ akkordju.

152    Fl-aħħar nett, Trame tinvoka dikjarazzjoni magħmula minn rappreżentant ta’ Tréfileurope, li tikkonferma li l-istrands bi tliet fili tħallew barra mill-akkordju u li fiha huwa indikat li, “fil-kuntest tal-club Italia, qatt ma ntlaħaq ftehim mill-kompetituri, jew minn tal-inqas minn Trame, fir-rigward tal-istrands bi tliet fili”, li “[l]-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-esportazzjoni ta’ tali prodott ma humiex koperti mill-portata tad-diskussjonijiet matul il-laqgħat li nżammu bejn il-fabbrikanti Taljani ta’ APS, sa fejn dawn l-impriżi ma kinux interessati f’dan il-prodott” u li “[d]an huwa fil-fatt prodott marġinali, intiż fuq kollox għas-suq Taljan”. Il-fatt li, fil-kuntest tal-club Italia, sar riferiment ukoll, b’mod sporadiku, għall-istrands bi tliet fili, pereżempju fil-kuntest tat-tentattiv, li spiċċa fix-xejn, li dawn l-istrands jiġu inklużi fl-akkordju, ma jnaqqasx il-veraċità ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet. Trame tispeċifika wkoll li d-domanda għal strands bi tliet fili fl-Italja kienet tammonta għal 20 000/22 000 tunnellata fis-sena bejn l-1997 u l-2002 u bdiet tonqos minn dak il-perijodu, filwaqt li d-domanda għal strands b’seba’ fili matul l-istess perijodu kienet tammonta għal 100 000/120 000 tunnellata fis-sena.

153    Il-Kummissjoni ssostni li l-istrands bi tliet fili kienu s-suġġett tal-akkordju, inkluż fi ħdan il-club Italia, ferm qabel it-28 ta’ Frar 2000 (premessi 409 sa 411 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, skontha, Trame ma tistax tallega li dan il-prodott ma kienx jagħmel parti mill-arranġamenti konklużi fi ħdan dan il-club. Fir-rigward tal-laqgħa tat-28 ta’ Frar 2000, il-minuti miktubin bl-idejn ta’ ITC dwar din il-laqgħa juru li d-diskussjoni kienet żvolġiet fid-dawl ta’ informazzjoni fil-forma ta’ ċifri preċiżi dwar il-kwantitajiet u l-prezz tal-istrands bi tliet fili. Huwa diffiċli li jitqies li dawn l-impriżi kienu jistgħu jiddiskutu tali informazzjoni mingħajr ma kellhom konoxxenza tagħha minn qabel. Fi kwalunkwe każ, dawn il-minuti juru b’mod ċar skambju ta’ informazzjoni kummerċjali. Bl-istess mod, il-provi dwar il-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 2000 ma għandhom ebda ambigwità. Bi tweġiba għall-affermazzjoni ta’ Trame, fis-sens li n-noti miktubin bl-idejn dwar din il-laqgħa jirreferu għall-eżami tal-kunsinni mwettqa mill-produtturi fl-1999, kif ikkonfermat minn ITC, il-Kummissjoni tosserva li, fuq l-ewwel paġna ta’ dawn in-noti, min kitibhom indika li ċ-ċifri jirreferu għal “kwoti” dwar l-“istrands bi tliet fili”. Id-dikjarazzjoni ta’ CB tas-26 ta’ Novembru 2002 tindika wkoll li l-laqgħat tat-13 ta’ Marzu 2000, tal-10 ta’ April 2001 u tas-16 ta’ Settembru 2002 kellhom bħala suġġett speċifiku d-distribuzzjoni tal-klijentela tal-istrands bi tliet fili u b’seba’ fili. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni ta’ rappreżentant ta’ Tréfileurope ftit hija kredibbli fir-rigward ta’ dak li Trame ssostni li kien it-tentattiv ta’ inklużjoni tal-istrands bi tliet fili magħmul matul il-laqgħat tat-28 ta’ Frar u tas-6 ta’ Marzu 2000. Bl-istess mod, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ rappreżentant ta’ ITC, fit-tabella tas-6 ta’ Marzu 2000 ma hemm xejn x’jindika li din hija “informazzjoni storika dwar kunsinni ta’ strands bi tliet fili”. Tali dikjarazzjonijiet ma jistgħux inaqqsu l-valur tal-provi disponibbli.

 2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

154    Preliminarjament, għandu jitfakkar li Trame ġiet issanzjonata għall-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju fis-settur tal-APS. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tispeċifika, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-espressjoni APS tirreferi għal kejbils metalliċi u għal strands ta’ vireg magħmula minn fili. Il-Kummissjoni tuża wkoll l-espressjoni “kejbils/strands” sabiex tirreferi għall-APS, u dan jippermetti li wieħed jaħseb li dawn iż-żewġ kelmiet huma sinonimi. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni tindika espliċitament li “l-istrands magħmula minn APS huma fformati bi tliet jew b’seba’ fili” (premessi 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

155    Għaldaqstant, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni effettivament qieset li l-akkordju kien jikkonċerna kemm l-istrands bi tliet fili u kemm l-istrands b’seba’ fili. Madankollu, bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ prodotti jeżistu numru ta’ differenzi, kemm fil-livell tal-karatteristiċi tal-prodotti bħala tali u kemm fir-rigward tad-domanda u tal-provvista.

156    B’hekk, mit-tweġibiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jirriżulta li l-istrands bi tliet fili ma jistgħux jintużaw minflok l-istrands b’seba’ fili, minkejja li għandhom l-istess materja prima, vireg magħmula minn fili. Filwaqt li tal-ewwel jistgħu jintużaw fi strutturi b’kapaċità portativa limitata, bħall-istrutturi użati fl-għelieqi bid-dwieli, tat-tieni jintużaw bħala struttura b’kapaċità portativa f’elementi kbar prefabbrikati.

157    F’dan il-kuntest, Trame ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta inkludiet fl-akkordju l-istrands bi tliet fili. Skont Trame, l-istrands b’seba’ fili biss kienu kkonċernati mill-ksur li bih hija akkużata. Dan kien imissu wassal lill-Kummissjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni biss il-bejgħ ta’ Trame marbut mal-istrands b’seba’ fili, li kien jirrappreżenta madwar in-nofs tal-bejgħ tagħha ta’ strands bi tliet fili u b’seba’ fili fl-2001, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa.

 a) Provi dwar l-ewwel snin tal-club Italia

158    Fl-ewwel lok, Trame ssostni li l-istrands bi tliet fili qatt ma kienu s-suġġett tal-club Italia. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti jikkontradixxu d-deċiżjoni kkontestata u l-provi msemmija fiha fir-rigward tal-ewwel snin tal-club Italia.

159    Skont id-deċiżjoni kkontestata, il-club Italia kien arranġament nazzjonali li dam mill-5 ta’ Diċembru 1995 sad-19 ta’ Settembru 2002. Dan il-ftehim kien jikkonċerna l-iffissar ta’ kwoti għall-Italja kif ukoll l-esportazzjonijiet minn dan il-pajjiż lejn il-bqija tal-Ewropa. Il-membri tiegħu kienu Redaelli, CB, Itas u ITC, li magħhom imbagħad ingħaqdu Tréfileurope (fit-3 ta’ April 1995), SLM (fl-10 ta’ Frar 1997), Trame (fl-4 ta’ Marzu 1997), Tycsa (fis-17 ta’ Diċembru 1996), DWK (fl-24 ta’ Frar 1997) u Austria Draht (fil-15 ta’ April 1997).

160    F’dan ir-rigward, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-5 ta’ Diċembru 1995, Redaelli, CB, Itas u ITC ikkonkludew ftehim dwar l-attribuzzjoni ta’ kwoti ta’ fili, ta’ strands bi tliet fili u ta’ strands b’seba’ fili fis-suq Taljan u fis-suq intern (premessa 409 tad-deċiżjoni kkontestata). Dan il-ftehim huwa rifless b’mod partikolari fit-tabella riprodotta fil-premessa 409 tad-deċiżjoni kkontestata, li tindika total ta’ 85 000 tunnellata (li minnhom 9 000 tunnellata ta’ fili, 13 000 tunnellata ta’ strands bi tliet fili u 63 000 tunnellata ta’ strands b’seba’ fili) għas-suq Taljan u total ta’ 45 000 tunnellata (li minnhom 16 000 tunnellata ta’ fili, 3 900 tunnellata ta’ strands bi tliet fili u 24 8000 tunnellata ta’ strands b’seba’ fili) għas-suq intern.

161    Kif ġie osservat ukoll mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, mill-ftehim iċċitat iktar ’il fuq jirriżulta b’mod ċar li Redaelli, CB, Itas u ITC iddeċidew flimkien li jaqsmu bejniethom il-kwantitajiet imsemmija fir-rigward tal-vireg magħmula minn fili, l-istrands bi tliet fili u l-istrands b’seba’ fili fl-Italja u fil-bqija tal-Unjoni u li dan il-ftehim kien ġie konkluż, peress li kien iffirmat bl-inizjali tal-partijiet ikkonċernati.

162    Matul il-laqgħa tat-18 ta’ Diċembru 1995, Redaelli, ITC, Itas u CB ikkonfermaw il-kwoti ta’ esportazzjoni ta’ APS tagħhom (vireg, tliet fili u seba’ fili) lejn il-bqija tal-Ewropa (premessa 410 u Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

163    Għaldaqstant, Trame ma għandhiex raġun meta tallega li l-club Italia, li kienet għadha ma tagħmilx parti minnu, kien jikkonċerna biss l-istrands b’seba’ fili, peress li Redaelli, CB, Itas u ITC kienu ftiehmu li jaqsmu bejniethom 100 % tal-kwantitajiet imsemmija fit-tabella riprodotta fil-premessa 409 tad-deċiżjoni kkontestata.

164    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li dan il-ftehim kien applikat sal-2002. Sabiex tistabbilixxi dan, il-Kummissjoni tindika b’mod partikolari, fil-premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-ftehim baqa’ jiġi applikat minn Redaelli, CB, Itas u ITC (li magħhom sussegwentement ingħaqdu Tréfileurope Italia, Trame, SLM u l-produtturi pan-Ewropej Tréfileurope, Tycsa, Austria Draht u DWK) sal-2002” u li “[b]ħala eżempju, il-85 000 u l-45 000 tunnellati, miftiehma fil-kuntest tal-ftehim Taljan [...], huma riprodotti f’tabella bid-data tat-3 ta’ Frar 1997 tal-ftehim tan-Nofsinhar”.

165    Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni tressaq biss prova waħda u din il-prova hija valida biss fir-rigward ta’ Redaelli, CB, Itas u ITC, li kienu ilhom jipparteċipaw fil-ftehim mill-5 ta’ Diċembru 1995. Għaldaqstant, huwa loġiku li dawn l-erba’ membri tal-club Italia jirreferu għall-ftehim tagħhom fil-kuntest tad-diskussjonijiet li nżammu fil-kuntest tal-ftehim tan-Nofsinhar (ara l-punt 62 iktar ’il fuq). Madankollu, f’dan il-każ ma hemm xejn li jippermetti li jiġi dedott li ma’ dan il-ftehim kienet ingħaqdet Trame, li barra minn hekk ma titqiesx fit-tqassim tal-85 000 u tal-45 000 tunnellati msemmija mill-Kummissjoni u ma kinitx tagħmel parti mill-ftehim tan-Nofsinhar.

166    Għalkemm il-provi msemmija mill-Kummissjoni huma rilevanti fir-rigward ta’ Redaelli, CB, Itas u ITC, li ffirmaw permezz tal-inizjali tagħhom il-ftehim ta’ Diċembru 1995, dawn il-provi madankollu ftit li xejn huma probatorji sabiex jiġi stabbilit li, b’effett mill-adeżjoni tagħha fil-club Italia, f’Marzu 1997, Trame kienet taf, jew ma setgħetx ma tkunx taf, li l-akkordju kien jikkonċerna kemm l-istrands b’seba’ fili u kemm l-istrands bi tliet fili, jekk mhux ukoll il-vireg magħmula minn fili. Fil-fatt, l-argumenti tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma jirreferu għall-ebda prova li tippermetti li Trame tiġi effettivament implikata fir-rigward tal-perijodu mit-3 ta’ Frar 1997, data ta’ tabella li tirreferi għall-kwoti deċiżi f’Diċembru 1995, mingħajr ma Trame ma kienet involuta f’din id-diskussjoni, sat-28 ta’ Frar 2000, id-data invokata minn Trame bħala dik li fiha nżammet l-ewwel diskussjoni dwar l-istrands bi tliet fili.

167    Meta saritilha mistoqsija f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tirreferi għal provi rilevanti dwar dan il-punt peress li l-provi invokati minnha jikkonċernaw żewġ laqgħat tal-club Italia, dawk tat-30 ta’ Settembru 1997 u tas-7 ta’ Ottubru 1997, li fir-rigward tagħhom ma huwiex irrapportat li Trame kienet preżenti (ara l-entrati dwar dawn il-laqgħat li jinsabu fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

168    Għaldaqstant, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi, b’mod konkret u effettiv, kif hija meħtieġa tagħmel (ara l-punt 88 iktar ’il fuq), li Trame kienet taf jew kellha tkun taf, għall-perijodu bejn Marzu 1997 u Frar 2000, li l-akkordju kien ikopri l-istrands bi tliet fili.

 b) Eżami tal-elementi dwar il-laqgħa tat-28 ta’ Frar 2000

169    Fit-tieni lok, mill-entrata dwar il-laqgħa tat-28 ta’ Frar 2000 li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul din il-laqgħa, li fiha pparteċipaw Redaelli, CB, Itas u ITC, iżda wkoll Tréfileurope, SLM u Trame, kienu indirizzati l-punti segwenti:

–        “[d]iskussjonijiet, b’reazzjoni għal proposta minn [rappreżentant ta’ Trame], dwar id-daqs tas-suq tal-istrands bi tliet fili (25 000 tunnellata minflok 35 000, ikkalkolati fuq il-bażi tal-bejgħ iddikjarat mill-produtturi)”;

–        “[e]valwazzjoni tal-possibbiltà li l-istrands bi tliet fili jiġu inklużi fil-ftehim kummerċjali fir-rigward tas-suq Taljan”;

–        “[d]iskussjoni ddettaljata barra minn hekk dwar il-prezzijiet, u ffissar tal-prezzijiet (inkluż is-suppliment) bejn Redaelli, CB, Itas, ITC, SLM u Trame”.

170    Din l-espożizzjoni tiffavorixxi t-teżi ta’ Trame, peress li mill-provi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri prinċipalment il-minuti miktubin bl-idejn ta’ din il-laqgħa kkomunikati minn ITC, jirriżulta li kien b’reazzjoni għal proposta magħmula minn Trame li nżammet diskussjoni dwar l-istrands bi tliet fili. Għaldaqstant, huwa raġonevoli li jitqies li, li kieku Trame kienet diġà taf li l-club Italia kien jikkonċerna dan il-prodott, hija ċertament ma kinitx tqis utli li tqajjem diskussjoni f’dan ir-rigward, li minnha barra minn hekk jirriżulta li kien hemm differenza sinjifikattiva bejn il-perċezzjoni tad-diversi parteċipanti.

171    Barra minn hekk, fl-Anness 1 tar-risposta, il-Kummissjoni ssemmi d-dikjarazzjoni ta’ CB tas-26 ta’ Diċembru 2002, li minnha jirriżulta li l-laqgħa tat-28 ta’ Frar 2000 kienet indirizzat l-evalwazzjoni tal-possibbiltà li l-istrands bi tliet fili jiġu inklużi fil-ftehim kummerċjali fir-rigward tas-suq Taljan (Valutazioni per l’inserimento del prodotto cd. ‘trescia’ nell’accordo commerciale per il mercato italiano). Din il-prova, li hija riprodotta fit-tieni inċiż tal-punt 169 iktar ’il fuq, tiffavorixxi wkoll it-teżi ta’ Trame fis-sens li ma ġiex stabbilit li hija kienet taf jew kellha tkun taf li d-diskussjonijiet li kienu nżammu fi ħdan il-club Italia qabel ma ngħaqdet miegħu f’Marzu 1997 kienu diġà koprew l-istrands bi tliet fili.

172    Madankollu, il-Kummissjoni tqis li mill-minuti miktubin bl-idejn ta’ ITC (Anness B.2 tar-risposta) jirriżulta li l-istrands bi tliet fili kienu diġà s-suġġett ta’ dan il-ftehim peress li d-diskussjoni kienet żvolġiet fid-dawl tal-informazzjoni fil-forma ta’ ċifri preċiżi li kienu jkopru kemm il-kwantità u kemm il-prezz ta’ dan il-prodott, li kien ikun diffiċli għall-impriżi li jiddiskutuhom li kieku ma kellhomx konoxxenza tagħhom minn qabel.

173    Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, l-interpretazzjoni tal-minuti miktubin bl-idejn ippreparati minn ITC ma hijiex ta’ natura li telimina l-eżistenza ta’ dubju f’għajnejn il-qorti. Fil-fatt, jirriżulta li l-kwantitajiet u l-prezzijiet inkwistjoni ġew esposti matul id-diskussjonijiet li żvolġew b’reazzjoni għall-proposta ta’ Trame li tiġi evalwata l-possibbiltà li l-istrands bi tliet fili jiġu inklużi fil-kuntest tal-club Italia, minn tal-inqas fir-rigward ta’ produtturi oħra għajr dawk li kienu ffirmaw il-ftehim ta’ Diċembru 1995. Għaldaqstant, id-diversi produtturi preżenti għal din il-laqgħa setgħu jipprovdu din l-informazzjoni, b’mod partikolari dwar il-prezzijiet applikati. Barra minn hekk, jirriżulta li l-kwantitajiet inkwistjoni huma kollha approssimattivi u mhux verament preċiżi. Dawn il-kwantitajiet huma ppreżentati b’unitajiet ta’ elf.

174    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li t-teżi ta’ Trame hija ssostanzjata mill-kontenut ta’ żewġ dikjarazzjonijiet ipprovduti fuq dan il-punt bħala bażi għall-argumenti tagħha fid-dawl ta’ dawk tal-Kummissjoni, jiġifieri dikjarazzjoni ta’ rappreżentant ta’ Tréfileurope (Anness 10 tar-rikors) u dikjarazzjoni ta’ rappreżentant ta’ ITC (Anness Z.1 tar-replika), imsemmija fost il-persuni li kienu preżenti għal-laqgħa tat-28 ta’ Frar 2000 (ara l-entrata li tikkorrispondi għal din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 152 iktar ’il fuq).

175    Bħala konklużjoni, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt li Trame kienet taf jew ma setgħetx ma tkunx taf li l-club Italia kien jikkonċerna kemm l-istrands b’seba’ fili u kemm l-istrands bi tliet fili qabel il-laqgħa tat-28 ta’ Frar 2000, li matulha Trame qajmet diskussjoni dwar dan il-punt, kif ġie rrapportat minn partijiet oħra li kienu preżenti għal din il-laqgħa, li juri li ma kinitx taf dwar dan qabel.

 c) Eżami tal-elementi dwar il-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 2000

176    Fit-tielet lok, Trame ssostni li, wara l-laqgħa tat-28 ta’ Frar 2000, ma teżisti ebda prova li l-club Italia kien effettivament inkluda l-istrands bi tliet fili fl-akkordju. Skont Trame, id-dokument dwar il-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 2000 (Anness 7 tar-rikors) ma jistax jiġi invokat f’dan ir-rigward peress li ma jikkonċernax it-tqassim a priori tal-ishma tas-suq jew tal-klijenti għall-futur, iżda jikkonċerna biss l-informazzjoni storika dwar il-“kunsinni mwettqa mill-produtturi fl-1999”. F’dan ir-rigward hija tinvoka d-dikjarazzjonijiet ta’ ITC lill-Kummissjoni (Anness 8 tar-rikors) u d-dikjarazzjoni ta’ rappreżentant ta’ din l-impriża (Anness Z.1 tar-replika), li jsostnu b’mod effettiv u espliċitu din it-teżi.

177    Madankollu, mill-entrata dwar il-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 2000 li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul din il-laqgħa li segwiet dik tat-28 ta’ Frar 2000 u li għaliha pparteċipaw Redaelli, Itas, ITC, Tréfileurope, SLM u Trame, ġew indirizzati l-punti segwenti:

–        “[i]l-minuti ta’ din il-laqgħa jinkludu lista ddettaljata ħafna bl-ismijiet ta’ 80 klijent (Taljani) li fir-rigward tagħhom il-kunsinna ta’ strands bi tliet fili hija maqsuma bejn Redaelli, ITC, CB, Itas, SLM, Trame u [Tréfileurope]”;

–        “[s]kont CB, din l-allokazzjoni tinkludi klijenti għall-istrands bi tliet fili u għall-istrands b’seba’ fili”.

178    L-informazzjoni fl-ewwel inċiż toriġina minn ITC, li kkomunikat il-minuti miktubin bl-idejn inkwistjoni, filwaqt li l-informazzjoni fit-tieni inċiż toriġina minn CB, li, fil-kuntest tat-talba għal klemenza tagħha, indikat x’kien il-kontenut ta’ din il-laqgħa, minkejja li l-preżenza tagħha għal din il-laqgħa ma hijiex irrapportata fil-minuti ta’ ITC.

179    Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Trame, ma jistax jitqies li l-kontenut ta’ dak li huwa rrapportat fil-minuti miktubin bl-idejn ta’ ITC ma jippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diskussjonijiet dwar l-istrands bi tliet fili fi ħdan il-club Italia.

180    Kif ġie espost mill-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, mill-imsemmija minuti jirriżulta b’mod ċar li, matul il-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 2000, li għaliha kienu preżenti żewġ rappreżentanti ta’ Trame, inżammet diskussjoni ddettaljata dwar il-kunsinni ta’ strands bi tliet fili minn tmien impriżi (Redaelli, ITC, CB, Itas, SLM, Trame, Tréfileurope u Tycsa) fir-rigward ta’ diversi għexieren ta’ klijenti Taljani.

181    L-espressjoni użata f’dan ir-rigward fil-minuti sabiex tiġi deskritta t-tabella dwar il-kunsinni hija “kwoti – lista ta’ klijenti” (Quote – elenco clienti). F’dan ir-rigward, il-kwistjoni ta’ jekk id-diskussjonijiet kinux dwar il-kunsinni mwettqa jew il-kunsinni li kellhom jitwettqu ma hijiex determinanti fiha nnifisha peress li minn dawn il-minuti jirriżulta, minn tal-inqas, li, anki jekk jitqies li l-informazzjoni inkwistjoni kienet ipprovduta fid-dawl tal-passat, jista’ jitqies li din l-informazzjoni kienet il-konsegwenza tad-diskussjonijiet mibdija fit-28 ta’ Frar 2000 bil-għan li titqies il-possibbiltà li jiġi konkluż ftehim dwar l-istrands bi tliet fili fir-rigward tat-tmien impriżi msemmija fil-punt 180 iktar ’il fuq fi ħdan il-club Italia.

182    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha raġun meta osservat li, skont it-tabella tal-5 ta’ Diċembru 1995 riprodotta fil-premessa 409 tad-deċiżjoni kkontestata, is-suq tal-istrands bi tliet fili fl-Italja, jew minn tal-inqas il-kwoti attribwiti lill-produtturi msemmija f’din it-tabella, kien jikkorrispondi għal madwar 13 000 tunnellata. Issa, fid-dawl tal-informazzjoni msemmija fil-minuti tal-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 2000, it-tunnellati diviżi bejn id-diversi produtturi msemmija huma ekwivalenti għal total ta’ madwar 12 000 tunnellata. Għaldaqstant, huwa verament possibbli li jitqies li l-prodott li kien is-suġġett tad-diskussjonijiet matul il-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 2000 kien effettivament l-istrands bi tliet fili, u mhux l-istrands bi tliet fili flimkien mal-istrands b’seba’ fili kif tiddikjara CB. Fl-ipoteżi l-oħra, in-numru ta’ tunnellati li kellhom jiġu diviżi bejn il-membri tal-club Italia kien ikun sinjifikattivament ogħla.

183    B’hekk, għandu jiġi segwit ir-raġunament tal-Kummissjoni meta ssostni li, minn tal-inqas b’effett mil-laqgħat tat-28 ta’ Frar u tas-6 ta’ Marzu 2000, li minnhom jirriżulta li kienet ġiet diskussa informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar l-istrands bi tliet fili, Trame u l-parteċipanti l-oħra f’dan iż-żewġ laqgħat jistgħu jiġu akkużati li kienu esprimew ir-rieda komuni tagħhom li jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom dwar dan il-prodott sabiex jissostitwixxu intenzjonalment ir-riskji tal-kompetizzjoni b’kooperazzjoni prattika bejniethom, bi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE.

 d) Eżami tal-elementi sussegwenti għal-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 2000

184    Fir-raba’ lok, il-partijiet ma humiex jaqblu dwar dak li jista’ jiġi dedott mill-provi sussegwenti għal-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 2000 fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk Trame kinitx taf li l-club Italia kien jikkonċerna wkoll l-istrands bi tliet fili.

185    Skont Trame, it-tentattiv li l-istrands bi tliet fili jiġu inklużi fi ħdan il-club Italia ma kienx irnexxa. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tar-rappreżentanti ta’ Tréfileurope u ta’ ITC u minn tabella sussegwenti, li tikkorrispondi għad-dokument 15905 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva (Anness 9 tar-rikors), li l-Kummissjoni kkwalifikat bħala “pjan għall-attribuzzjoni tal-kwoti tal-2001 u previżjonijiet għall-2002”, li minnha jirriżulta li l-volumi indikati jikkonċernaw esklużivament l-istrands b’seba’ fili, li jipprova li l-istrands bi tliet fili ma kinux is-suġġett ta’ akkordju bejn il-kompetituri.

186    Skont il-Kummissjoni, huwa evidenti li l-club Italia kien jikkonċerna l-istrands bi tliet fili, kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ CB tas-26 ta’ Novembru 2002 (Anness B.1 tar-risposta, p. 16942, 16945 u 16951 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva), li tindika li dan il-prodott issemma matul il-laqgħat tat-13 ta’ Marzu 2000, tal-10 ta’ April 2001 u tas-16 ta’ Settembru 2002, fl-istess ħin bħad-diskussjonijiet dwar l-istrands b’seba’ fili.

187    Għandu madankollu jiġi osservat li l-informazzjoni pprovduta minn CB fid-dikjarazzjoni tagħha tas-26 ta’ Novembru 2002 tikkonsisti biss f’affermazzjonijiet magħmula fi ftit kliem, li bħala tali ma għandhomx provi li jikkorroboraw il-kontenut tagħhom.

188    B’hekk, fir-rigward tal-laqgħat tat-13 ta’ Marzu 2000, tal-10 ta’ April 2001 u tas-16 ta’ Settembru 2002, CB indikat li dawn il-laqgħat kienu, fil-każ tal-ewwel waħda, li fir-rigward tagħha l-preżenza ta’ Trame ma hijiex irrapportata, “laqgħa kummerċjali: tqassim tal-klijenti ta’ strands b’seba’ fili u ta’ strands bi tliet fili” (riunione commerciale: ripartizione clienti trefolo e treccia), fil-każ tat-tieni waħda, li fir-rigward tagħha l-preżenza ta’ Trame hija rrapportata, laqgħa dwar is-“suq tal-istrands bi tliet fili: tqassim klijenti Italja” (mercato della treccia: ripartizione clienti trefolo Italia) u, fil-każ tat-tielet waħda, li fir-rigward tagħha l-preżenza ta’ Trame hija rrapportata, “laqgħa definittiva dwar it-tqassim tas-suq tal-prodotti strands b’seba’ fili u strands bi tliet fili” (riunione definitiva per ripartizione clienti quote del mercato prodotti trefolo et treccia).

189    Għal finijiet ta’ paragun, l-informazzjoni segwenti hija esposta mill-Kummissjoni fl-entrati dwar dawn il-laqgħat li jinsabu fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tagħhom kollha hija rrapportata l-preżenza ta’ Trame:

–        laqgħa tat-13 ta’ Marzu 2000: “[d]iskussjoni dwar klijenti ta’ strands b’seba’ fili (b’indikazzjoni tal-prezz u tat-tunnellati), u b’mod partikolari diskussjoni dwar klijenti li jsirulhom kunsinni minn Tycsa u DWK” u “[d]iskussjoni pendenti dwar is-sitwazzjoni fl-Isvizzera u fil-Pajjiżi l-Baxxi (Svizzera – NL)” (CB ma tissemmiex fost is-sorsi ċċitati mill-Kummissjoni sabiex tissostanzja l-kontenut ta’ din l-informazzjoni, li ssemmi biss lil ITC u lil SLM);

–        laqgħa tal-10 ta’ April 2001: “[d]iskussjoni dwar il-bejgħ, attribuzzjoni ta’ klijenti Taljani u definizzjoni tal-prezz. Tfakkir tar-regoli: Laqgħat, diretturi kull Tnejn ta’ qabel tal-aħħar Tnejn tax-xahar; bejjiegħa (‘kummerċjali’) kull tieni u l-aħħar Tnejn tax-xahar. Noti SLM dwar informazzjoni ta’ Tycsa”; “CB u Tréfileurope jikkonfermaw il-laqgħa” u “Skont CB, attribuzzjoni ta’ klijentela wkoll għall-Italja”;

–        laqgħa tas-16 ta’ Settembru 2002: “[l]aqgħa intiża sabiex jiġu allokati kwoti għall-istrands bi tliet fili u b’seba’ fili u sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet”; isir riferiment għal ittra elettronika interna li ssemmi b’mod partikolari ż-żieda fin-nefqa tal-materja prima u d-daħla ta’ kompetitur ġdid, u “CB u Tréfileurope jikkonfermaw il-laqgħa”.

190    B’hekk, jirriżulta li huwa biss fir-rigward tat-tielet waħda minn dawn il-laqgħat, dik tas-16 ta’ Settembru 2002, li l-Kummissjoni indikat kompletament il-kontenut ta’ dak li kien ġie indikat lilha minn CB, jiġifieri li d-diskussjonijiet kienu koprew kemm l-istrands b’seba’ fili u kemm l-istrands bi tliet fili. Għaldaqstant, l-assenza ta’ provi li jistgħu jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet ta’ CB ma tippermettix li dawn il-provi jitqiesu li huma suffiċjentement probatorji sabiex jiġi stabbilit li l-laqgħat imsemmija f’dawn id-dikjarazzjonijiet kienu kkonċernaw l-istrands bi tliet fili. Fil-fatt, jista’ jkun li, bħalma kienet għamlet dejjem, CB qieset li d-diskussjonijiet kollha kienu jikkonċernaw iż-żewġ tipi ta’ prodotti mingħajr ma pprovat verament tagħmel differenza, filwaqt li, għal Trame — pereżempju — id-diskussjonijiet kienu jikkonċernaw biss l-istrands b’seba’ fili sakemm ma kinitx iddiskutiet konkretament l-istrands bi tliet fili. Għal finijiet ta’ paragun, fit-talba għal klemenza ta’ ITC huwa indikat, fir-rigward tal-laqgħa tat-13 ta’ Marzu 2000, li “matul il-laqgħa, saru diskussjonijiet dwar il-klijenti tal-istrands b’seba’ fili” (durante la riunione si discute di clienti di trefolo).

191    Madankollu, mill-eżami tal-provi ppreżentati f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jirriżulta li, fil-minuti miktubin bl-idejn tal-laqgħa tal-10 ta’ April 2001, ikkomunikati minn ITC lill-Kummissjoni (Annessi E.25 u E.26 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura), jissemma l-isem ta’ diversi klijenti u, probabbilment, il-kwantitajiet mibjugħa għax-xhur ta’ Jannar, ta’ Frar u ta’ Marzu 2001. Issa, l-isem u l-kwantitajiet dwar minn tal-inqas wieħed minn dawn il-klijenti jikkoinċidu jew huma qrib l-informazzjoni korrispondenti li ssemmiet fil-minuti tal-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 2000. Bl-istess mod, l-ittra elettronika interna msemmija inkonnessjoni mal-laqgħa tas-16 ta’ Settembru 2002 (Anness E.30 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura) tirreferi għad-daħla fis-suq ta’ kompetitur ġdid, li fir-rigward tiegħu huwa ppreċiżat li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-settur tal-istrands bi tliet fili, u għall-fatt li saru diskussjonijiet dwar l-istrateġija li kellha tiġi adottata fil-konfront tiegħu.

192    Barra minn hekk, mill-provi disponibbli fir-rigward tal-laqgħa tat-30 ta’ Lulju 2002 (Annessi E.31 u E.32 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura) bejn Redaelli, CB, Itas, ITC, SLM u Trame jirriżulta li din il-laqgħa kienet ikkonċernat b’mod partikolari l-klijenti u l-prezzijiet minimi kif ukoll l-“analiżi tas-suq tal-istrands bi tliet fili fl-Italja” (ara l-entrati dwar din il-laqgħa li jinsabu fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm ċerti elementi ta’ informazzjoni msemmija fil-minuti miktubin bl-idejn ta’ din il-laqgħa kkomunikati minn ITC jikkonċernaw l-istrands b’seba’ fili, dawn l-indikazzjonijiet jinsabu fl-aħħar ta’ dan id-dokument u huma ppreċeduti bl-indikazzjoni “trefolo”, li jippermetti li wieħed jaħseb li l-informazzjoni kollha li tinsab qabel din l-indikazzjoni, dwar ċerti klijenti, tikkonċerna l-istrands bi tliet fili.

193    Fid-dawl ta’ dawn id-diversi provi, il-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tqis li, minn tal-inqas b’effett mil-laqgħat tat-28 ta’ Frar u tas-6 ta’ Marzu 2000, u sad-19 ta’ Settembru 2002, Trame pparteċipat fi ħdan il-club Italia għal laqgħat li s-suġġett tagħhom kien, prinċipalment jew inċidentalment, li tiġi kkoordinata l-azzjoni tad-diversi parteċipanti fir-rigward tal-istrands bi tliet fili fl-Italja.

 e) Konklużjoni

194    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm huwa stabbilit li l-erba’ membri inizjali tal-club Italia kellhom fil-mira tagħhom ksur li jkopri kemm l-istrands b’seba’ fili u kemm l-istrands bi tliet fili, ma huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti li Trame kienet taf jew kien imissha kienet taf li l-istrands bi tliet fili kienu wkoll is-suġġett tad-diskussjonijiet miżmuma fi ħdan il-club Italia qabel ma din il-kwistjoni tqajmet fil-kuntest tal-laqgħat tat-28 ta’ Frar u tas-6 ta’ Marzu 2000.

195    Mill-provi ċċitati mill-Kummissjoni, bla ħsara għall-eżitu tal-evalwazzjoni tal-argumenti ppreżentati fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju mill-10 ta’ April 2001 sas-16 ta’ Settembru 2002, jirriżulta wkoll, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li, sussegwentement għal-laqgħat tat-28 ta’ Frar u tas-6 ta’ Marzu 2000, u sas-16 ta’ Settembru 2002, inżammu diskussjonijiet fi ħdan il-club Italia fir-rigward tal-istrands bi tliet fili fil-preżenza ta’ jew sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni Trame.

196    Dawn il-provi jippermettu li jiġi stabbilit li d-diskussjonijiet dwar l-istrands bi tliet fili kienu minn tal-inqas dwar l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva, dwar il-kwantitajiet mibjugħa u dwar il-prezzijiet proposti bejn diversi produtturi li kienu jiltaqgħu fi ħdan il-club Italia, u dan jippermetti li jitqies li dawn id-diskussjonijiet kellhom suġġett antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

197    Bħala konklużjoni, l-evalwazzjoni esposta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Trame f’arranġamenti antikompetittivi li jirrigwardaw kemm l-istrands b’seba’ fili u kemm l-istrands bi tliet fili hija parzjalment żbaljata. Minn naħa, il-Kummissjoni żbaljat meta imputat lil Trame l-parteċipazzjoni, fi ħdan il-club Italia, mill-4 ta’ Marzu 1997 sat-28 ta’ Frar 2000, għal ksur li ma kienx ikopri biss l-istrands b’seba’ fili iżda wkoll l-istrands bi tliet fili, peress li ma huwiex stabbilit bi provi suffiċjenti li Trame kienet taf jew kien imissha kienet taf li l-istrands bi tliet fili kienu diġà s-suġġett ta’ ftehim bejn l-erba’ membri inizjali tal-club Italia. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod xieraq meta qieset li, mis-6 ta’ Marzu 2000 sad-19 ta’ Settembru 2002 (bla ħsara għall-eżitu tal-eżami tat-tielet motiv dwar l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju b’effett mill-10 ta’ April 2011), Trame pparteċipat f’arranġamenti antikompetittivi li kienu jirrigwardaw kemm l-istrands b’seba’ fili u kemm, fuq inizjattiva tagħha stess, l-istrands bi tliet fili.

198    Għalhekk, hemm ukoll lok li jiġi annullat il-punt 17 tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-ksur inkwistjoni kienet tikkonċerna l-istrands bi tliet fili mill-4 ta’ Marzu 1997 sat-28 ta’ Frar 2000. Il-konsegwenzi l-oħra tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti ser jiġu evalwati globalment sussegwentement wara li jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet.

 D – Fuq il-perijodu mill-10 ta’ April 2001 sas-16 ta’ Settembru 2002

 1. L-argumenti tal-partijiet

199    Trame tikkontesta li pparteċipat fl-akkordju fil-perijodu ta’ wara l-laqgħa tal-10 ta’ April 2001. Dokument ta’ ITC dwar il-laqgħa tat-30 ta’ Awwissu 2001 jippermetti fil-fatt li jiġi kkonstatat li “Trame volontarjament ma tagħmilx parti mill-akkordju”. Barra minn hekk, dikjarazzjoni ta’ rappreżentant ta’ Tréfileurope tindika li “mis-sena 2001 Trame definittivament tbiegħdet mill-club Italia, sa fejn iddikjarat espliċitament li ma riditx taċċetta l-proposti ta’ tqassim tal-ishma tas-suq tal-istrands tal-parteċipanti l-oħra” u li “dan it-tbegħid inftiehem perfettament mill-membri tal-club Italia”. Matul sena u ħames xhur, Trame ma pparteċipatx fl-akkordju, filwaqt li l-parteċipanti tiegħu kienu ltaqgħu 93 darba matul dan il-perijodu.

200    F’dan ir-rigward, Trame ssostni li l-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħa tas-16 ta’ Settembru 2002, fl-uffiċċji tal-Federazione imprese siderurgiche italiane (Federacciai, Federazjoni tal-impriżi metallurġiċi Taljani), ma tistax tiġi invokata fil-konfront tagħha. F’dik id-data, kien evidenti għall-membri kollha tal-club Italia li l-preżenza tagħha kienet nieqsa minn kull intenzjoni antikompetittiva peress li Trame kienet qiegħda tirrifjuta l-ishma tas-suq proposti. Trame ssostni wkoll li l-perijodu ta’ ksur sussegwenti għal-laqgħa tal-10 ta’ April 2001 ma jistax jiġi imputat lilha fuq il-bażi tal-fatt li s-sitwazzjoni tagħha kienet baqgħet tiġi diskussa mill-membri tal-club Italia. Diversi dokumenti ċċitati mill-Kummissjoni dwar dan il-punt ma fihom ebda informazzjoni kummerċjali li tikkonċerna lil Trame, iżda xi drabi l-isem tagħha biss. Anki fil-każ tad-dokumenti li jsemmu informazzjoni kummerċjali dwar Trame, din hija informazzjoni li hija faċilment disponibbli (ara p. 16166 u 16807 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva). F’dan ir-rigward, dikjarazzjoni ta’ rappreżentant ta’ ITC tindika li, “matul is-sena 2001, Trame definittivament tbiegħdet mill-club Italia, filwaqt li ddikjarat li ma kinitx interessata fil-proposta ta’ tqassim tas-suq tal-istrands mressqa mill-impriżi l-oħra”, li “[t]ali tbegħid kien inftiehem b’mod ċar kemm [mir-rappreżentant stess] u kemm mill-parteċipanti l-oħra tal-club Italia”, li “[j]ista’ jkun li — anki wara li Trame ddistakkat ruħha — matul il-laqgħat tal-club Italia, ċerti impriżi għamlu riferiment għal Trame”, iżda li “[d]awn kienu madankollu episodji marġinali u mhux rilevanti għall-finijiet tal-kontenut tal-akkordju kkonstatat fid-deċiżjoni” u li “Trame, fil-fatt, kienet f’dak l-istadju interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia u fil-fehma [tiegħu] ma kienx jidher li, direttament jew indirettament, din il-kumpannija kienet għaddiet informazzjoni sensittiva ta’ natura kummerċjali lill-membri tal-club Italia”.

201    Il-Kummissjoni tfakkar li kienet stabbilixxiet il-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-club Italia mill-4 ta’ Marzu 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002, inkluż fil-perijodu wara l-10 ta’ April 2001 (ara, b’mod partikolari, il-premessi 469 u 470 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, minbarra l-laqgħat tal-10 ta’ April 2001 u tas-16 ta’ Settembru 2002, li fir-rigward tagħhom Trame tammetti l-parteċipazzjoni tagħha, is-sitwazzjoni tagħha kienet ġiet diskussa f’okkażjonijiet oħra li matulhom saru riferimenti preċiżi għal Trame u għall-aġir tagħha fis-suq.

202    Fir-rigward ta’ wieħed mid-dokumenti ta’ ITC dwar il-laqgħa tat-30 ta’ Awwissu 2001, ma huwiex ċert li l-akkordju msemmi fih jikkonċerna l-akkordju pan-Ewropew jew il-club Italia. Barra minn hekk, tali indikazzjoni ma tikkostitwixxix att pubbliku ta’ tbegħid mill-akkordju min-naħa ta’ Trame. Barra minn hekk, l-espressjoni “l-kompetituri tagħna wkoll jafu bl-inizjattiva” tirreferi għall-espressjoni li tippreċedi l-indikazzjoni li “Trame volontarjament ma tagħmilx parti mill-akkordju”, jiġifieri l-espressjoni li “Trame: tinsisti li tittrasferixxi l-parti ta’ attività tal-istrands bi tliet fili u tal-istrands b’seba’ fili”. Din hija l-informazzjoni li kienet magħrufa mill-kompetituri kollha u mhux il-fatt li Trame ma kinitx qiegħda tipparteċipa fl-akkordju. Fir-rigward tad-dokument li jinsab fil-paġna 16166 tal-fajl, il-Kummissjoni tosserva li f’dan id-dokument tissemma informazzjoni dwar trimestru (it-tielet trimestru) u informazzjoni dwar l-“ewwel disa’ xhur”. Din l-informazzjoni hija ddettaljata u tikkonċerna seba’ impriżi (fosthom Trame). Tali informazzjoni setgħet toriġina biss mingħand Trame, fir-rigward tal-informazzjoni li tikkonċernaha. Fir-rigward tad-dokument li jinsab fil-paġna 16807 tal-fajl, dan jinkludi s-sors ta’ ċerta informazzjoni fil-qiegħ tal-paġna u huwa evidenti li din toriġina mill-impriżi involuti fl-akkordju.

 2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

203    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, Trame tikkontesta li kienet ipparteċipat fil-ksur uniku fil-perijodu kollu bejn l-10 ta’ April 2011, id-data tal-laqgħa tal-club Italia ta’ qabel tal-aħħar li fiha kienet ipparteċipat, u s-16 ta’ Settembru 2002, id-data tal-aħħar laqgħa tal-club Italia li fiha kienet ipparteċipat (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ sena u ħames xhur”).

 a) Elementi invokati sabiex il-ksur jiġi imputat lil Trame

204    Sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-ksur uniku fil-perijodu ta’ sena u ħames xhur, il-Kummissjoni invokat l-elementi segwenti fid-deċiżjoni kkontestata (ara wkoll il-punt 71 iktar ’il fuq).

205    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni indikat dan li ġej fil-premessa 470 tad-deċiżjoni kkontestata:

“[…] għall-kuntrarju tal-allegazzjoni ta’ Trame, il-Kummissjoni għandha provi li Trame kompliet tipparteċipa fl-akkordju, mhux biss matul il-laqgħat tal-10 ta’ April 2001 u tas-16 ta’ Settembru 2002 li fir-rigward tagħhom Trame stess tammetti l-parteċipazzjoni tagħha, iżda wkoll [fil-laqgħa tat-]30 ta’ Lulju 2002 u l-każ tagħha baqa’ jiġi diskuss sat-tmiem tal-ksur.”

206    Fir-rigward tal-provi invokati mill-Kummissjoni sabiex turi li l-“każ ta’ Trame baqa’ jiġi diskuss sat-tmiem tal-ksur”, nota ta’ qiegħ il-paġna marbuta mal-premessa 470 tad-deċiżjoni kkontestata tiċċita, b’mod partikolari, il-laqgħat segwenti:

“[...] il-laqgħat [...] tal-10 ta’ Ġunju 2001, tat-12 ta’ Lulju 2001, tat-30 ta’ Awwissu 2001, tal-1 ta’ Ottubru 2001, tat-23 ta’ Ottubru 2001, tal-11 ta’ Jannar 2002, tat-22 ta’ Jannar 2002, tal-1 ta’ Marzu 2002, tal-10 ta’ Ġunju 2002 imsemmija fl-Anness tad-deċiżjoni [kkontestata].”

207    Fit-tieni lok, bi tweġiba għal Trame li kienet qiegħda ssostni l-kontenut ta’ dokument ta’ ITC dwar il-laqgħa tat-30 ta’ Awwissu 2001 (Anness 11 tar-replika), il-Kummissjoni osservat dan li ġej fil-premessa 471 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Trame tirreferi wkoll għal-laqgħa tat-30 ta’ Awwissu 2001 li matulha [ġie allegatament iddikjarat li hija kienet] ‘għażlet li ma tkunx parti mill-akkordju’ sabiex issostni li hija ma kinitx għadha tipparteċipa fl-akkordju f’dak iż-żmien. Madankollu, il-Kummissjoni tikkonstata li ma huwiex ċert li l-‘akkordju’ li għalih isir riferiment f’din id-dikjarazzjoni kien l-akkordju APS jew il-club Italia. Fi kwalunkwe każ, Trame kompliet tkun preżenti b’mod attiv u l-każ tagħha kien baqa’ jiġi kkunsidrat u diskuss matul diversi laqgħat tal-club Italia dwar il-prezzijiet u t-tqassim tal-klijentela wara din id-data. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala tbegħid pubbliku mill-akkordju [...]”

208    Fit-tielet lok, sabiex tikkorrobora l-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju matul il-perijodu ta’ sena u ħames xhur, il-Kummissjoni osservat ukoll:

“Barra minn hekk, SLM tikkonferma wkoll il-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-laqgħat tal-club Italia u Tréfileurope tikkonferma l-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-club Italia, anki meta nħolqu tensjonijiet bejnha u l-membri l-oħra tal-grupp.” (il-parti tal-aħħar tal-premesa 472 tad-deċiżjoni kkontestata).

209    Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li l-“parteċipazzjoni [ta’ Trame] fil-club Italia bdiet [...] fl-4 ta’ Marzu 1997 u kompliet mingħajr interruzzjoni sad-19 ta’ Settembru 2002 [data tal-ispezzjonijiet].” (il-parti tal-aħħar tal-premessa 473 tad-deċiżjoni kkontestata).

 b) Analiżi

210    Sabiex tibbaża l-konstatazzjoni tagħha dwar il-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju matul il-perijodu ta’ sena u ħames xhur, il-Kummissjoni tgħaqqad żewġ gruppi ta’ provi: minn naħa, dawk li juru l-parteċipazzjoni ta’ Trame f’diversi laqgħat matul il-perijodu ta’ sena u ħames xhur u, min-naħa l-oħra, dawk li juru l-kontinwità tal-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-ksur minkejja li ma kinitx preżenti għal-laqgħat tal-club Italia.

 Elementi dwar il-parteċipazzjoni diretta ta’ Trame fil-laqgħat

211    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fir-rigward tal-perijodu ta’ sena u ħames xhur, Trame tirrikonoxxi biss il-parteċipazzjoni tagħha f’żewġ laqgħat li għalihom ipparteċipaw il-membri tal-club Italia, jiġifieri dik tal-10 ta’ April 2001 u dik tas-16 ta’ Settembru 2002, fil-bidu u fl-aħħar ta’ dan il-perijodu, filwaqt li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, issemmi laqgħa oħra, dik tat-30 ta’ Lulju 2002.

212    Bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li l-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-laqgħa tal-club Italia tat-30 ta’ Lulju 2002 tirriżulta mid-dikjarazzjoni magħmula minn CB fit-talba tagħha għal klemenza. Dan huwa l-uniku dokument li l-Kummissjoni tinvoka fir-rigward ta’ dan il-punt. Din id-dikjarazzjoni ssemmi lil Trame fost il-parteċipanti għal-laqgħa tat-30 ta’ Lulju 2002, li hija ddefinita bħala “laqgħa sabiex jiġi analizzat is-suq tal-istrands bi tliet fili fl-Italja” (Anness E.32 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura).

213    Madankollu, tali affermazzjoni, magħmula f’entrata li tinsab fit-tabella sintetika li tirriproduċi d-diversi laqgħat tal-club Italia, ma hijiex ikkorroborata minn elementi oħra li jippermettu li jikkonfermaw il-kontenut tagħha. Min-naħa tagħhom, il-minuti miktubin bl-idejn ta’ din il-laqgħa, ikkomunikati minn ITC fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza u ċċitati wkoll mill-Kummissjoni fl-entrata li tikkorrispondi għal-laqgħa tat-30 ta’ Lulju 2002 li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jagħmlu ebda riferiment għall-preżenza ta’ Trame f’din il-laqgħa u lanqas ma jsemmu informazzjoni dwar Trame (p. 16194 sa 16197 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva).

214    Għaldaqstant, l-uniċi elementi li jippermettu li tiġi stabbilita b’mod suffiċjenti fid-dritt il-parteċipazzjoni ta’ Trame f’laqgħat tal-club Italia li nżammu matul il-perijodu ta’ sena u ħames snin huma dawk li jissemmew fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-laqgħat tal-10 ta’ April 2001 u tas-16 ta’ Settembru 2002 fl-uffiċċju ta’ Federacciai.

 Elementi dwar ir-riferiment għas-sitwazzjoni ta’ Trame fl-assenza tagħha

215    Minbarra l-elementi msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju matul il-perijodu ta’ sena u ħames xhur tirriżulta wkoll mill-fatt li, anki fl-assenza tagħha, is-sitwazzjoni tagħha kienet ġiet diskussa mill-membri l-oħra tal-club Italia fl-okkażjoni ta’ diversi laqgħat. Skont il-Kummissjoni, tali diskussjonijiet setgħu jinżammu biss jekk Trame kompliet tinforma lill-membri l-oħra tal-club Italia dwar is-sitwazzjoni tagħha, u dan juri l-kontinwità tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-komponent tal-ksur.

 – Fuq id-dikjarazzjonijiet magħmula minn SLM u minn Tréfileurope

216    Preliminarjament, għandu jitfakkar li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-elementi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju minkejja l-assenza tagħha għal-laqgħat tal-club Italia li nżammu bejn l-10 ta’ April 2001 u s-16 ta’ Settembru 2002 huma kkonfermati mid-dikjarazzjonijiet magħmula minn SLM u minn Tréfileurope.

217    Bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni pproduċiet il-kontenut tal-ittra ta’ SLM lill-Kummissjoni, bid-data tal-25 ta’ Ottubru 2002 (Anness E.36 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura), li minnha jirriżulta li żewġ rappreżentanti ta’ SLM ipparteċipaw f’laqgħat mar-rappreżentanti ta’ produtturi Taljani oħra lejn l-aħħar tas-sena 1999 u matul is-snin 2000, 2001 u 2002.

218    L-impriżi ċċitati minn SLM f’dan ir-rigward huma: Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u Trame għal-laqgħat fil-livell tad-diretturi u Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope, Trame u Tycsa għal-laqgħat fil-livell tal-persuni responsabbli għall-bejgħ.

219    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li, bi tweġiba għall-osservazzjoni magħmula minn Trame, fis-sens li din id-dikjarazzjoni ta’ SLM ma ssemmix espliċitament id-data tal-laqgħat li għalihom attenda wieħed jew l-ieħor mir-rappreżentanti ta’ Trame msemmi minn SLM, il-Kummissjoni osservat li l-imsemmija dikjarazzjoni hija “kkompletata mid-dokumenti kontemporanji li jindikaw id-dati eżatti ta’ dawn il-laqgħat” (nota ta’ qiegħ il-paġna marbuta mal-premessa 472 tad-deċiżjoni kkontestata).

220    Bħala tali, kif tosserva barra minn hekk il-Kummissjoni, id-dikjarazzjoni ta’ SLM teħtieġ għalhekk provi oħra sabiex ikun jista’ jitqies li l-kontenut tagħha huwa kkorroborat. Barra minn hekk, dwar dan il-punt għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-informazzjoni pprovduta minn SLM matul il-proċedura amministrattiva ma kinitx tipprovdi valur miżjud sinjifikattiv fil-konfront tal-informazzjoni li kellha diġà. B’mod partikolari, il-Kummissjoni osservat b’mod partikolari li d-deskrizzjoni tal-laqgħat li nżammu fil-livell tad-diretturi u fil-livell tal-persuni responsabbli għall-bejgħ kienet vaga u kienet diġà tirriżulta minn provi diġà eżistenti (premessi 1126 sa 1129 tad-deċiżjoni kkontestata).

221    Fir-rigward tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn Tréfileurope, il-Kummissjoni indikat, bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti iktar dettalji dwar it-tensjonijiet bejn Trame u l-membri tal-club Italia msemmija minn din l-impriża peress li l-Kummissjoni kienet taf b’dawn it-tensjonijiet biss permezz tal-affermazzjonijiet ta’ Tréfileurope. Mill-proċess jirriżulta wkoll li għalkemm din l-impriża tagħmel riferiment għal Trame għall-perijodu bejn l-1997 sal-bidu tal-2001, ir-riferimenti magħmula sussegwentement għat-“Taljani”, b’mod partikolari fir-rigward tal-perijodu sussegwenti ta’ integrazzjoni tal-impriżi Taljani fi ħdan il-club Europe, ma jsemmux lil Trame speċifikament. Barra minn hekk, din tal-aħħar ma tinsabx fost l-impriżi li r-rappreżentant ta’ Tréfileurope jiftakar li ltaqa’ magħhom matul l-ewwel laqgħat iddedikati għal din l-integrazzjoni f’Mejju u f’Ottubru 2000 (Anness F.5 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri istruttorji).

222    F’dan il-każ ukoll, sabiex id-dikjarazzjonijiet magħmula minn Tréfileurope fil-kuntest tat-talba tagħha għal klemenza jittieħdu inkunsiderazzjoni huwa meħtieġ li jkunu kkorroborati minn elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li, għall-perijodu ta’ sena u ħames xhur, jista’ jitqies b’mod suffiċjenti fid-dritt li Trame pparteċipat fl-akkordju minkejja li l-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-parteċipazzjoni diretta tagħha fil-laqgħat tal-club Italia li nżammu bejn l-10 ta’ April 2001 u d-19 ta’ Settembru 2002. Is-sempliċi riferiment għall-fatt li Trame hija produttur Taljan jew għall-fatt li hija pparteċipat minn Marzu 1997 sa April 2001 flimkien mat-“Taljani” fid-dimensjoni interna tal-club Italia ma jistgħux ikunu biżżejjed f’dan ir-rigward mingħajr element probatorju li jippermetti li tiġi stabbilita l-kontinwità ta’ din il-parteċipazzjoni sa Settembru 2002.

 – Fuq il-laqgħa tal-10 ta’ Ġunju 2001

223    L-ewwel laqgħa ċċitata mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi li, wara l-laqgħa tal-10 ta’ April 2001, Trame baqgħet tipparteċipa fil-club Italia, hija l-laqgħa li nżammet xahrejn wara, fl-10 ta’ Ġunju 2001. Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li għal din il-laqgħa kienu rrappreżentati: Redaelli, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM, kif ukoll persuna li taħdem għal CB u għal Austria Draht.

224    F’din l-entrata, il-Kummissjoni ppreżentat kif ġej il-kontenut tal-laqgħa tal-10 ta’ Ġunju 2001: “[t]abella li turi s-sehem tas-suq f’tunnellati u f’perċentwali ta’ [Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM], minn naħa (jiġifieri 89 % tas-suq jew 106 800 tunnellata) u ta’ Trame, TY, DWK, Austria, min-naħa l-oħra, jiġifieri 13 200 tunnellata jew 11% tas-suq)”.

225    Din l-informazzjoni toriġina minn dokument issekwestrat mingħand ITC matul l-ispezzjoni (Anness E.37 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura).

226    L-imsemmija tabella tagħmel distinzjoni bejn żewġ kategoriji, kif tosserva barra minn hekk il-Kummissjoni: minn naħa, il-membri prinċipali tal-club Italia, jiġifieri l-erba’ membri inizjali (Redaelli, CB, Itas u ITC), Tréfileurope, li kienet tikkoordina l-club Italia u l-club Europe, kif ukoll SLM, li f’dak iż-żmien kienet tesporta wkoll barra mill-Italja, u, min-naħa l-oħra, l-impriżi l-oħra li kienu jbigħu fl-Italja, jiġifieri Trame, Tycsa, DWK u Austria Draht.

227    Jirriżulta wkoll li din it-tabella fiha tliet kolonni minbarra l-ismijiet tal-impriżi: l-ewwel kolonna fiha l-kwantitajiet u taqsam 120 000 tunnellata bejn iż-żewġ kategoriji ċċitati iktar ’il fuq; it-tieni kolonna tidentifika s-sehem f’perċentwali rrappreżentat minn dawn il-kwantitajiet fi ħdan dawn iż-żewġ kategoriji (jiġifieri, b’kollox, 89 % għall-produtturi tal-ewwel kategorija u 11 % għall-operaturi tat-tieni kategoriji); it-tielet kolonna fiha żewġ tipi ta’ valuri, perċentwali kkalkolati mill-ġdid għall-produtturi tal-ewwel kategorija (dawn il-perċentwali jirriżultaw mit-tqassim bejn il-produtturi tal-ewwel kategorija tal-kwantitajiet mibjugħa minn dawn is-sitt produtturi biss u mhux mill-produtturi kollha) u kwantitajiet ġodda arrotonditi għall-produtturi tat-tieni kategorija (dawn il-kwantitajiet saru 14 000 tunnellata minflok 13 200 tunnellata).

228    Fir-rigward ta’ Trame, din it-tabella tipproduċi l-informazzjoni segwenti: 4 920 tunnellata (l-ewwel kolonna), 4.10 % (it-tieni kolonna) u 5 500 tunnellata (it-tielet kolonna). Għall-finijiet ta’ paragun, l-informazzjoni dwar ITC hija 22 500 tunnellata (l-ewwel kolonna), 18.75 % (it-tieni kolonna, jiġifieri s-sehem ta’ ITC minn total ta’ 120 000 tunnellata) u 21.07 % (it-tielet kolonna, jiġifieri s-sehem ta’ ITC meta jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-bejgħ tas-sitt produtturi li jaqgħu fl-ewwel kategorija).

229    Il-kontenut ta’ din il-laqgħa, irrapportat b’dan il-mod, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq kienet toriġina mingħand Trame.

230    Fil-fatt, id-diskussjoni inkwistjoni nżammet bejn ir-rappreżentanti tas-sitt produtturi li jaqgħu fl-ewwel kategorija u wieħed jista’ jaħseb li dawn stmaw il-kwantitajiet mibjugħa mill-operaturi tat-tieni kategorija fis-suq Taljan. Tali stimi setgħu jkunu preċiżi, kif huwa l-każ tal-informazzjoni li tinsab fl-ewwel kolonna, iżda dan jista’ jkun dovut għall-konoxxenza tas-suq u tal-atturi tiegħu. F’eżerċizzju intiż li jiġu ddeterminati l-ishma tas-suq, ma jistax ikun sorprendenti li l-ewwel sitt produtturi, li bejniethom jirrappreżentaw kważi 90 % tal-kwantitajiet mibjugħa, ikunu f’pożizzjoni li jevalwaw il-kwantitajiet mibjugħa mill-erba’ produtturi l-oħra preżenti f’dan is-suq. Tali spjegazzjoni hija minn tal-inqas daqstant koerenti u verosimili daqs dik proposta mill-Kummissjoni li tqis li Trame biss setgħet tkun is-sors tal-informazzjoni li tikkonċernaha riprodotta fit-tabella diskussa fl-okkażjoni ta’ laqgħa bejn is-sitt produtturi prinċipali Taljani.

 – Fuq il-laqgħa tat-12 ta’ Lulju 2001

231    It-tieni laqgħa ċċitata mill-Kummissjoni hija l-laqgħa tat-12 ta’ Lulju 2001. Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li għal din il-laqgħa kienu rrappreżentati: Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM, kif ukoll DWK, WDI u Nedri.

232    F’din l-entrata, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari li l-laqgħa tat-12 ta’ Lulju 2001 kienet ikkonċernat is-suq Ewropew u, b’mod partikolari, it-talba tal-produtturi Taljani sabiex jiksbu 60 000 tunnellata. Il-Kummissjoni indikat espliċitament li mill-minuti miktubin bl-idejn dwar din il-laqgħa kkomunikati minn ITC jirriżulta li l-parteċipanti f’din il-laqgħa kienu “ddiskutew, b’mod iktar speċifiku, l-esportazzjonijiet minn Itas, minn CB, minn ITC u minn SLM, bl-esklużjoni ta’ dawk ta’ Trame u ta’ Redaelli għall-perijodu bejn Ġunju 2000 u Ġunju 2001”. Skont in-noti, “il-volum totali tal-esportazzjonijiet ta’ strands b’seba’ fili ta’ dawn l-erba’ impriżi kien ta’ 32 872 tunnellati, esportati lejn 14-il pajjiż u maqsuma kif ġej: ‘Itas 2 889 tunnellata; CB 12 427 tunnellata; ITC 12861 tunnellata; SLM 2685 tunnellata; AFT: -; Redaelli 17 000 tunnellata (+ 4 000 tunnellati ta’ strands bi 3 fili u 5 000 tunnellati ta’ vireg magħmula minn fili); Trame 1000 tunnellata (bħal ITC)’”. In-noti jsemmu wkoll “30 862 ftehim MT + 10 % suppliment (maqsum bejn it-Taljani kollha)”. Huwa speċifikat ukoll li min-noti ta’ Nedri u ta’ SLM jirriżulta li l-pajjiżi esportaturi prinċipali jissemmew fir-rigward ta’ CB, Itas, ITC u SLM.

233    Din l-informazzjoni toriġina min-noti preparatorji u mill-minuti miktubin bl-idejn tal-laqgħa ppreparati minn Nedri, minn dokumenti ssekwestrati mingħand ITC, SLM u Itas, minn informazzjoni trażmessa minn CB, SLM u Tréfileurope fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħhom mal-Kummissjoni u minn minuti miktubin bl-idejn tal-laqgħa ppreparati minn ITC (Anness E.38 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni għandha diversi provi sabiex tistabbilixxi l-kontenut tal-laqgħa tat-12 ta’ Lulju 2001. Dan huwa iktar u iktar notevoli fid-dawl tal-fatt li dawn il-provi joriġinaw minn membri taż-żewġ clubs preżenti għal din il-laqgħa, il-club Europe u l-club Italia.

234    Il-kontenut tal-laqgħa tat-12 ta’ Lulju 2001, iddokumentat b’dan il-mod, ma jistax, bħala tali, jistabbilixxi li, minkejja l-assenza tagħha għal din il-laqgħa, Trame kienet baqgħet tipparteċipa fil-club Italia.

235    Fil-fatt, diversi dokumenti jirreferu għal kwantità ta’ 1 000 tunnellata li tikkorrispondi għall-“kunsinni mill-Italja barra mill-pajjiż” magħmula minn Trame. Madankollu, tali informazzjoni tidher biss b’mod inċidentali fid-diskussjonijiet. Barra minn hekk, huwa ferm probabbli li dan il-bejgħ jikkorrispondi għall-bejgħ imwettaq minn Trame fir-Renju Unit, li ma kienx wieħed mill-Istati kkonċernati mill-akkordju skont id-deċiżjoni kkontestata. F’diskussjoni bejn il-membri tal-club Italia u l-membri tal-club Europe dwar is-suq Ewropew, inklużi r-Renju Unit u l-Irlanda, huwa iktar verosimili li wieħed jaħseb li l-informazzjoni dwar Trame ngħatat minn impriża preżenti matul il-laqgħa, fuq inizjattiva tagħha stess, u mhux, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, fuq talba minn Trame li xtaqet b’hekk tikseb parti mill-kwoti tal-esportazzjonijiet mogħtija lit-Taljani mill-club Europe fir-rigward tat-territorji kkonċernati minn dan il-club. Mid-dokumenti ppreżentati fir-rigward ta’ din il-laqgħa jirriżulta wkoll li d-diskussjonijiet kienu kkonċernaw prinċipalment l-esportazzjonijiet magħmula minn CB, Itas, ITC u SLM, li fir-rigward tagħhom tissemma informazzjoni preċiża, li ma huwiex il-każ għal Redaelli u għal Trame.

236    Diversi dokumenti għandhom valur partikolarment probatorju f’dan ir-rigward. Dawn jinkludu, l-ewwel nett, dokument mibgħut minn SLM lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Ottubru 2002 (paġna 16807 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva), li jikkonċerna l-laqgħa tat-12 ta’ Lulju 2001. Fi “preżentazzjoni tal-kunsinni mill-Italja barra mill-pajjiż”, dan id-dokument isemmi effettivament “kunsinni Trame 1 000 tunnellata”. Madankollu, f’din il-preżentazzjoni, l-imsemmi dokument jagħmel ukoll żewġ indikazzjonijiet oħra, jiġifieri, minn naħa, il-“kunsinni tal-grupp 30 872 tunnellata” u, min-naħa l-oħra, il-“kunsinni Redaelli 17 000 tunnellata (+ 4 000 tunnellata ta’ strands bi 3 fili u 5 000 tunnellati vireg magħmula minn fili)”. Minn parti oħra ta’ dan id-dokument jirriżulta wkoll li l-kunsinni tal-grupp huma maqsuma kif ġej: “Itas 2889; CB 12 427 tunnellata; ITC 12861 tunnellata; SLM 2685 tunnellata; AFT : -; total 30 872” u li l-“pajjiżi importanti għat-Taljani” huma “Itas: il-Ġermanja; CB: il-Ġermanja u Franza; ITC: Franza, SLM: il-Ġermanja u Franza”. Għaldaqstant, dan id-dokument jagħmel distinzjoni ċara bejn il-“grupp” u Trame, li ma tissemmiex bħala membru tal-imsemmi grupp.

237    Għaldaqstant, l-indikazzjoni “30 862 ftehim MT + 10 % suppliment (maqsum bejn it-Taljani kollha)” li tinsab f’dokument ta’ Nedri (paġna 30850 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva) jew f’dokument ta’ ITC (paġna 5022 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva) ma tkoprix lil Trame “mingħajr l-iċken dubju”, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, peress li mid-dokumenti ċċitati iktar ’il fuq jirriżulta, b’mod espliċitu fil-każ tad-dokumenti ta’ SLM u ta’ Nedri u b’mod impliċitu fil-każ ta’ ITC, li l-espressjoni “Taljani” tirreferi għal “Itas, CB, ITC u SLM”, u mhux għal Trame.

 – Fuq l-ittra elettronika ta’ SLM lil ITC tat-13 ta’ Lulju 2001

238    Fit-tweġibiet tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni fakkret li, permezz ta’ ittra elettronika ssekwestrata matul l-ispezzjoni, SLM bagħtet lil ITC, fit-13 ta’ Lulju 2001 (paġna 5272 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva), tabella intitolata “Strands b’seba’ fili 2001” li kienet tinkludi informazzjoni dwar il-kwantitajiet mibjugħa minn għaxar impriżi, Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope, SLM, Trame, Tycsa, DWK u Austria Draht, fl-2001, fir-rigward ta’ diversi klijenti (ara l-entrata dwar dan id-dokument li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn l-imsemmija tabella jsir riferiment għaliha bħala anness bl-isem “trefolo pulito”). Barra minn hekk, din hija l-istess tabella bħal dik mehmuża ma’ ittra elettronika mibgħuta minn SLM lil ITC fl-4 ta’ Frar 2002 (paġna 5281 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva), li f’dan il-każ sar riferiment għaliha bl-isem “ipotesis mercato trefolo 2002”.

239    Skont il-Kummissjoni, minn din l-informazzjoni, b’mod partikolari mill-fatt li din it-tabella tinkludi n-numru eżatt ta’ tunnellati għal kull klijent u l-perċentwali ta’ kwoti supplimentari għal kull impriża, jirriżulta li tali informazzjoni f’ebda każ ma hija informazzjoni ġenerali li tista’ tinkiseb faċilment mingħand il-klijenti jew mingħand produtturi oħra, kif issostni Trame.

240    Minn eżami jirriżulta, effettivament, li, fir-rigward ta’ 400 klijent Taljani, tingħata informazzjoni preċiża (arrotondita ġeneralment għal unitajiet ta’ 10 jew ta’ 5) fir-rigward tal-kwantitajiet mibjugħa mill-għaxar impriżi msemmija iktar ’il fuq. Madankollu, b’differenza minn dak li ssostni l-Kummissjoni u kif osservat Trame, għandu jiġi osservat li din it-tabella tinkludi, għal darba oħra, distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ operaturi. Fil-fatt, mir-rikapitolazzjoni finali li tqassam bejn l-għaxar impriżi l-kwantitajiet ta’ strands b’seba’ fili mibjugħa fis-suq Taljan (jiġifieri 119 200 tunnellata fl-2001), jirriżulta li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM, li fir-rigward tagħhom hija indikata wkoll informazzjoni dwar il-bejgħ imwettaq u dwar il-bejgħ provviżorju (“percentuali spettanti” / “percentuali provvis.” / “quote spettenti” / “quote provvisorie” / “differenze”), u, min-naħa l-oħra, l-operaturi l-oħra, Trame, Tycsa, DWK u Austria Draht, li fir-rigward tagħhom tidher biss l-informazzjoni dwar il-kwantitajiet mibjugħa fl-2001, u l-perċentwali korrispondenti (jiġifieri, għal Trame, l-informazzjoni segwenti “6 960 tunnellata”, jiġifieri “5.84 %” mill-119 200 tunnellata mibjugħa fl-2001; Trame tissemma wkoll bħala fornitur fir-rigward ta’ 20 klijent imsemmija f’din it-tabella).

241    Għaldaqstant, fid-dawl ta’ din id-distinzjoni, ma huwiex possibbli li tiġi eskluża a priori, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, l-eventwalità li l-informazzjoni ppreżentata f’din it-tabella fir-rigward ta’ Trame, Tycsa, DWK u Austria Draht (din l-aħħar impriża kienet f’sitwazzjoni partikolari sa fejn l-aġent kummerċjali tagħha fl-Italja kien jaħdem ukoll għal CB) tikkonsisti fi stimi magħmula minn Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM fid-dawl tal-informazzjoni li huma kellhom bejniethom jew fid-dawl tal-kuntatti li huma seta’ kellhom mal-klijenti tagħhom.

242    Għandu jiġi osservat ukoll li ċerti indikazzjonijiet li jinsabu fit-tabella mibgħuta minn SLM lil ITC permezz ta’ ittra elettronika fit-13 ta’ Lulju 2001 jirriżultaw li huma ipoteżijiet, kif jirriżulta, pereżempju, mill-indikazzjonijiet “???”, “??? TM” jew “??? TYS” li jinsabu f’kolonna “noti” fil-ġenb tal-informazzjoni dwar l-għaxar produtturi.

243    Barra minn hekk, għandu jingħad li l-imsemmija tabella ma hijiex xi ħaġa ġdida iżda tagħmel parti mill-kuntest ta’ sforz kontinwu magħmul fi ħdan il-club Italia sa mill-1995 sabiex jiġu identifikati l-klijenti u l-volumi kkunsinnati fir-rigward tal-istrands b’seba’ fili (premessi 441 et seq tad-deċiżjoni kkontestata). Numru kbir ħafna ta’ provi dwar dan ġew issekwestrati mill-Kummissjoni matul l-ispezzjonijiet jew ġew ikkomunikati fil-kuntest tat-talbiet għal klemenza, provi dawn li minnhom jirriżulta li, f’diversi okkażjonijiet, ġew ippreparati listi ta’ klijenti sabiex jiġu speċifikati u stmati l-kwantitajiet mibjugħa mill-membri tal-club Italia u minn produtturi oħra preżenti fl-Italja. Pereżempju, f’dan il-kuntest teżisti tabella intitolata “mercato italiano trefolo CAP anno 98” li telenka 383 klijent b’indikazzjonijiet għal Redaelli, CB, Itas, ITC u Tréfileurope u b’kolonni vojta għal SLM, Trame, DWK u Austria Draht (ara l-entrata dwar is-sena 1998 li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata) (p. 29639 sa 29646 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva). Tabelli oħra jirreferu għar-“ripartizione spedizione trefolo italia anno 1998 in ton”, b’paragun fir-rigward tas-sena 1999, jew għar-“ripartizione spedizione trefolo italia anno 1999 in ton” għal numru kbir ħafna ta’ klijenti fir-rigward ta’ Redaelli, CB, Itas, ITC u Tréfileurope (p. 29655 sa 29670 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva). Jeżistu tabelli oħra b’informazzjoni dwar Trame, SLM, Austria Draht, DWK u Tycsa flimkien ma’ referenzi għal Redaelli, CB, Itas, ITC u Tréfileurope (p. 5640 sa 5643, 29671 sa 29689 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva).

 – Fuq il-laqgħa tat-30 ta’ Awwissu 2001

244    It-tielet laqgħa ċċitata mill-Kummissjoni hija dik tat-30 ta’ Awwissu 2001. Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari li, matul din il-laqgħa bejn Itas, ITC u SLM, inżammet diskussjoni dwar “allokazzjoni ddettaljata ta’ klijenti, inkluż fir-rigward ta’ SLM, Redaelli, CB, Trame, u [persuna li kienet taħdem għal CB u għal Austria Draht]” u li “Trame xtaqet tbiegħ il-fabbriki tagħha” u “għażlet li ma tkunx parti mill-akkordju”.

245    Din l-informazzjoni toriġina minn żewġ dokumenti dwar il-laqgħa tat-30 ta’ Awwissu 2001, li wieħed minnhom huwa minuti miktubin bl-idejn ta’ ITC ippreżentati fil-kuntest tat-talba għal klemenza (iktar ’il quddiem l-“ewwel dokument”, paġna 16158 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva) u l-ieħor huwa minuti ttajpjati ssekwestrati mingħand ITC matul l-ispezzjoni (iktar ’il quddiem it-“tieni dokument”, paġna 4989 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva) (Anness E.39 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura).

246    Kif indikat mill-Kummissjoni, mill-ewwel dokument jirriżulta li dan jinkludi indikazzjonijiet preċiżi, intitolati “Richieste Trame” (talbiet Trame), fir-rigward ta’ 23 klijent marbuta ma’ Trame.

247    Indikazzjonijiet oħra dwar klijenti jinsabu wkoll, f’forma inqas preċiża, fir-rigward ta’ SLM, Redaelli u CB. Fil-fatt, mill-ewwel dokument jirriżulta b’mod ċar li, għal kull wieħed mit-23 klijent imsemmija fir-rigward ta’ Trame, hija indikata kwantità f’tunnellati. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ ħmistax minn dawn il-klijenti, huwa indikat “×” fil-ġenb għal “OK”, filwaqt li fir-rigward tad-disgħa l-oħra, l-indikazzjoni hija “–” għal “no”. Ħdejn tliet klijenti hemm ukoll is-simbolu ta’ mistoqsija, u ħdejn erba’ klijenti oħra hemm ukoll l-indikazzjoni “exl”, li probabbilment tfisser klijent esklużiv. B’kollox, il-kwantitajiet indikati għat-23 klijent ta’ Trame jammontaw għal 6 520 tunnellata. Għalkemm xi drabi dawn il-kwantitajiet jikkorrispondu għal dawk indikati fl-ittra elettronika tat-13 ta’ Lulju 2001, dan ma huwiex dejjem il-każ.

248    F’dan il-każ, ir-riferiment magħmul għall-kelma “talba”, il-livell ta’ preċiżjoni tal-informazzjoni ċċitata iktar ’il fuq kif ukoll it-trattament ta’ din l-informazzjoni min-naħa ta’ Itas, ta’ ITC u ta’ SLM jippermettu li jitqies, kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, li Trame kienet probabbilment l-oriġini tat-“talbiet” dwar il-klijenti tagħha diskussi matul il-laqgħa tat-30 ta’ Awwissu 2001. B’hekk, dawn l-indikazzjonijiet jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kuntatti bejn il-membri tal-club Italia u Trame fir-rigward tal-“allokazzjoni ddettaljata ta’ klijenti” kif indikat fid-deċiżjoni kkontestata.

249    Barra minn hekk, jirriżulta li, fit-tieni dokument, ITC tirreferi għall-għażla manifesta minn Trame li ma tkunx parti mill-akkordju (paġna 4989 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva). It-test tad-dokument huwa dan li ġej:

“5.      Trame: tinsisti li tittrasferixxi l-qasam tal-attività tal-istrands bi 3 fili u tal-istrands b’7 fili. Attwalment hija tipproduċi 6 000 tunnellati ta’ strands b’7 fili u 9 000 tunnellati ta’ strands bi 3 fili; l-installazzjonijiet tagħha huma antikwati. Volontarjament, hija ma tagħmilx parti mill-akkordju. Il-kompetituri tagħna wkoll jafu b’din l-inizjattiva.”

250    Il-kontenut tat-tieni dokument, irrapportat b’dan il-mod, ma jippermettix ċertament li tiġi dedotta l-parteċipazzjoni indiretta ta’ Trame fil-club Italia. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, din l-affermazzjoni ma tistax raġonevolment tiġi interpretata bħala li tirreferi għall-club Europe, peress li l-kwantitajiet iċċitati fir-rigward ta’ Trame jikkonċernaw l-Italja.

251    Madankollu, l-eżami tal-kontenut tat-tieni dokument kollu jippermetti li jiġi kkonstatat li ftit huwa verosimili li dan jikkonċerna l-istess laqgħa bħal dik li għaliha Itas, ITC u SLM ipparteċipaw fit-30 ta’ Awwissu 2001. Fil-fatt, minkejja li t-tieni dokument huwa intitolat “minuti” u jsemmi d-data tat-30 ta’ Awwissu 2001, dan id-dokument jirriproduċi l-kontenut tal-punti li kienu ġew diskussi dakinhar minn “bord tad-diretturi”. Dawn il-minuti jirreferu b’mod partikolari, fil-punt 1, għal proġett ta’ kollaborazzjoni ma’ università Taljana, li ma jissemmiex bħala wieħed mis-suġġetti tad-diskussjoni tal-laqgħa tal-club Italia.

252    Għaldaqstant, jista’ jitqies li d-diskussjoni dwar il-punt 5 tat-tieni dokument, riprodott fil-punt 249 iktar ’il fuq, saret biss fi ħdan il-bord tad-diretturi ta’ ITC u mhux fi ħdan il-club Italia.

253    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni dokument u r-riferiment magħmul fih għan-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju ma jippermettux, bħala tali, li jiġi eskluż dak li huwa possibbli li jiġi dedott b’mod konkret mill-kontenut tal-ewwel dokument, jiġifieri li fit-30 ta’ Awwissu 2001, tliet membri tal-club Italia ddiskutew “talbiet” dwar 23 klijent ta’ Trame, liema talbiet taw lok għal deċiżjonijiet negattivi jew pożittivi min-naħa ta’ Itas, ITC u SLM.

254    Minkejja li ITC u probabbilment operaturi oħra kienu jafu bl-intenzjoni ta’ Trame li toħroġ mis-settur tal-APS, l-istess bħalma kienu jafu li Trame ma kellhiex titqies li huwa wieħed mill-membri prinċipali tal-club Italia, dan bl-ebda mod ma jeskludi li Trame pprovat tibbenefika minn ċerti aspetti tal-club Italia, b’mod partikolari fir-rigward tal-aspett intern tiegħu, kif jirriżulta mill-ewwel dokument.

 – Fuq il-laqgħa tal-1 ta’ Ottubru 2001

255    Ir-raba’ laqgħa ċċitata mill-Kummissjoni hija dik tal-1 ta’ Ottubru 2001. Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li għal din il-laqgħa kienu rrappreżentati: Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM.

256    F’din l-entrata, il-Kummissjoni ppreżentat kif ġej il-kontenut tal-laqgħa tal-1 ta’ Ottubru 2001: “ITC: diskussjoni dwar l-attribuzzjoni ta’ klijentela u l-importazzjonijiet. [...] ‘Spanja ma tosservax il-ftehimiet, [...] qabżu diġà l-4 000 u jinsabu diġà 6 000’. Proposta Trame-Emesa sabiex tittrasferixxi kollox jew parti (APS biss). Huwa osservat li Trame tixtieq kwota ta’ 8.7” u “Noti ta’ Redaelli: qsim tal-kwota esterna”.

257    Din l-informazzjoni toriġina minn dokumenti ssekwestrati mingħand ITC u Redaelli matul l-ispezzjoni u mit-talba għal klemenza ta’ ITC (Anness E.40 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura).

258    Minn eżami tal-provi ppreżentati f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni, mill-minuti dwar il-laqgħa tal-1 ta’ Ottubru 2001 ippreparati minn ITC jirriżulta effettivament li f’dawn il-minuti ssir l-indikazzjoni segwenti: “Trame – strands bi tliet fili 23/25 000 [parti totali tas-suq] mixtieqa 8.7 – strands b’seba’ fili 6 000”.

259    Meta saritilha mistoqsija dwar dan il-punt fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, Trame indikat li l-kwota ta’ 8.7 kienet tikkorrispondi għall-valur li kien ġie propost lilha sabiex jintlaħaq ftehim ukoll dwar l-istrands bi tliet fili u li dan it-tentattiv ta’ estensjoni tal-ftehim għall-istrands bi tliet fili ma kienx irnexxa, u “[g]ħal finijiet biss ta’ kompletezza” fakkret li hija ma kinitx ipparteċipat għal din il-laqgħa.

260    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ma huwiex ikkontestat li Trame ma pparteċipatx għal din il-laqgħa, mill-minuti ppreparati minn ITC fil-mument tal-fatti jirriżulta madankollu li d-diskussjonijiet li saru matul il-laqgħa tal-1 ta’ Ottubru 2001 kienu indirizzaw talba, attribwita lil Trame mill-impriżi preżenti, sabiex tinkiseb kwantità speċifika ta’ strands bi tliet fili. Fid-dawl tal-kontenut ta’ dan id-dokument, fid-dawl tal-livell ta’ preċiżjoni tal-kwantitajiet mitluba (8 700 tunnellata) u fid-dawl tal-fatt li dokument ieħor dwar laqgħa sussegwenti jikkorrobora din l-indikazzjoni, huwa iktar verosimili li wieħed jaħseb, kif issuġġerixxiet il-Kummissjoni, li Trame hija l-awtur ta’ din it-talba, milli li wieħed iqis, kif issostni Trame, li kienu l-membri tal-club Italia li pproponewlha din il-kwantità.

 – Fuq il-laqgħa tat-23 ta’ Ottubru 2001

261    Il-ħames laqgħa ċċitata mill-Kummissjoni hija dik tat-23 ta’ Ottubru 2001. Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li għal din il-laqgħa kienu rrappreżentati b’mod partikolari: Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM.

262    F’din l-entrata, il-Kummissjoni ppreżentat kif ġej il-kontenut tal-laqgħa tat-23 ta’ Ottubru 2001: “[k]woti ta’ bejgħ stabbiliti għall-produtturi Taljani [u p]aragun mal-bejgħ reali fit-30 ta’ Settembru 2001 (jiġifieri 74 814 tunnellata b’kollox)”. Il-Kummissjoni osservat ukoll li kien hemm dubju fir-rigward tal-informazzjoni dwar “Trame, Spagna, Austria u DWK”.

263    Din l-informazzjoni toriġina minn dokument issekwestrat mingħand ITC matul l-ispezzjoni (Anness E.41 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura).

264    Minn dan id-dokument, li jqabbel, fid-data tat-30 ta’ Settembru 2001, il-bejgħ imwettaq fir-rigward tal-bejgħ previst, jirriżulta effettivament li r-riferiment magħmul għal Trame huwa immedjatament segwit bl-indikazzjoni “?!”, kif isir ukoll fil-każ ta’ Spagna, Austria u DWK. Bl-istess mod, l-eżami ta’ dan id-dokument juri għal darba oħra (ara l-punti 226 u 240 iktar ’il fuq) li l-informazzjoni dwar it-tqabbil tal-bejgħ tingħata biss fir-rigward ta’ Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM, li fir-rigward tagħhom hija indikata l-parti rispettiva minn 100 % tal-kwantitajiet mibjugħa minnhom, mingħajr ma huma kkunsidrati, f’dan il-każ, l-erba’ produtturi l-oħra li kienu jbigħu fl-Italja.

265    Għaldaqstant, l-imsemmi dokument ma jistax jiġi invokat b’mod utli sabiex jiġi stabbilit li Trame kienet qiegħda tipparteċipa, f’dak il-mument u fl-assenza tagħha, għal-laqgħat dwar l-istrands b’seba’ fili fi ħdan il-club Italia.

 – Fuq il-laqgħa tal-11 ta’ Jannar 2002

266    Is-sitt laqgħa ċċitata mill-Kummissjoni hija dik tal-11 ta’ Jannar 2002. Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li għal din il-laqgħa kienu rrappreżentati b’mod partikolari: Redaelli, CB, Itas, ITC Tréfileurope u SLM.

267    F’din l-entrata, il-Kummissjoni ppreżentat kif ġej il-kontenut tal-laqgħa tal-11 ta’ Jannar 2002 :

–        “[d]iskussjonijiet dwar klijenti”;

–        “[s]kambju ta’ informazzjoni ddettaljata dwar il-volumi mibjugħa mill-produtturi (produtturi Taljani: [Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM] u barranin: Austria, DKW u Tycsa) fl-Italja fl-2001”;

–        “[d]iskussjoni dwar Trame”;

–        “[f]ir-rigward tal-produtturi, volumi previsti u reali u differenzi bejn it-tnejn għal [Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM]”;

–        “[l]aqgħa li jmiss fit-22 ta’ Jannar, proposti konkreti: jitnaqqas kemm jista’ jkun possibbli n-numru ta’ klijenti diviżi”.

268    Din l-informazzjoni toriġina minn minuti miktubin bl-idejn dwar din il-laqgħa ppreżentati minn ITC u minn SLM matul il-proċedura amministrattiva (Anness E.42 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura).

269    Minn eżami ta’ dawn id-dokumenti jirriżulta li d-diskussjoni dwar il-klijenti ma tirreferix għal informazzjoni dwar Trame. L-isem ta’ din l-impriża jissemma fil-minuti ta’ ITC b’żewġ linji ta’ kliem li t-tifsira tagħhom ma ġietx ipprovduta u li ma tidhirx b’mod ċar. Din hija probabbilment il-parti dwar id-“diskussjoni dwar Trame” li tissemma fid-deċiżjoni kkontestata.

270    Mill-bqija, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, meta jissemmew il-volumi mibjugħa mill-għaxar produtturi msemmija fiż-żewġ minuti, l-isem ta’ Trame bl-indikazzjoni “7 000” minn volum totali ta’ 112 524 jew ta’ 112 742 tunnellati skont il-minuti huwa segwit immedjatament minn simbolu ta’ mistoqsija, li ma huwiex il-każ fir-rigward tal-informazzjoni preċiża dwar Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM. L-informazzjoni dwar Trame, Tycsa, Austria Draht u DKW tidher barra minn hekk li kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet, sa fejn fil-minuti ta’ ITC hemm diversi taħżiżiet f’dan ir-rigward. Id-diskussjoni dwar Trame varjat bejn 7 000 u 6 000 tunnellati u l-istima li tħalliet kienet dik ta’ 7 000, filwaqt li l-istima inizjali għal Tycsa kienet sussegwentement miżjuda bl-indikazzjoni “OK” u tqiegħdet wara l-informazzjoni dwar il-produtturi prinċipali.

271    Bl-istess mod, fil-każ tad-diskussjoni dwar il-volumi previsti u reali fir-rigward tal-2001 u fil-każ tal-informazzjoni dwar is-snin 1999, 2000 u 2001, jissemmew biss il-produtturi segwenti: Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM. Trame ma tissemmiex f’din il-parti tad-diskussjonijiet.

272    Għaldaqstant, dawn id-dokumenti ma jistgħux jiġu invokati b’mod utli sabiex jiġi stabbilit li Trame kienet qiegħda tipparteċipa, f’dak il-mument u fl-assenza tagħha, fil-laqgħat dwar l-istrands b’seba’ fili fi ħdan il-club Italia.

 – Fuq il-laqgħa tat-22 ta’ Jannar 2002

273    Is-seba’ laqgħa ċċitata mill-Kummissjoni hija dik tat-22 ta’ Jannar 2002. Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li għal din il-laqgħa kienu rrappreżentati b’mod partikolari: Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM.

274    F’din l-entrata, il-Kummissjoni ppreżentat kif ġej il-kontenut tal-laqgħa tat-22 ta’ Jannar 2002:

–        “[d]iskussjonijiet dwar klijenti, skambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet”;

–        “Trame tixtieq 8 700 tunnellata” u “Proposta lil Trame għall-2002 (speċjalment lista ta’ klijenti probabbli) u ftehim għall-futur: kuntatt inizjali bejn [rappreżentant ta’ Tréfileurope u rappreżentant ta’ Trame], u mbagħad diskussjoni u konferma minn kulħadd”;

–        “[i]n-noti jindikaw ukoll: irkupru ta’ klijenti speċifiċi u skambju f’każ ta’ bżonn”.

275    Din l-informazzjoni toriġina minn minuti miktubin bl-idejn dwar din il-laqgħa ppreżentati minn ITC u minn SLM matul il-proċedura amministrattiva (Anness E.43 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura).

276    L-eżami ta’ dawn id-dokumenti jikkonferma li l-laqgħa kkonċernat is-sitwazzjoni ta’ Trame. Barra minn hekk, din hija indirizzata fl-ewwel wieħed mit-tliet punti msemmija fil-minuti ta’ ITC u ta’ SLM. Mill-minuti ta’ ITC jirriżulta wkoll li l-parteċipanti f’din il-laqgħa kienu jafu li mis-27 000 tunnellata li kien jirrappreżenta s-suq tal-istrands bi tliet fili fl-2001, “Trame [xtaqet] 8 700 tunnellata”. Iż-żewġ minuti jirreferu wkoll għal ftehim bejn il-parteċipanti ta’ din il-laqgħa sabiex jagħmlu proposta lil Trame, filwaqt li l-minuti ta’ ITC jippreċiżaw li din kienet proposta għall-2002.

277     L-informazzjoni preċedenti tagħmel b’mod ċar parti mit-tkomplija ta’ dak li jirriżulta mill-minuti ta’ ITC dwar il-laqgħa tal-1 ta’ Ottubru 2001 (ara l-punti 255 et seq iktar ’il fuq). Meta kkunsidrata flimkien, din l-informazzjoni turi l-isforzi persistenti ta’ Trame sabiex tilħaq ftehim mal-membri tal-club Italia fir-rigward tal-istrands bi tliet fili.

278    F’dan il-kuntest, wieħed jista’ jqis li, b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2001, Trame esprimiet ir-rieda tagħha li terġa’ tingħaqad mal-club Italia billi tindika l-kundizzjonijiet marbuta mar-ritorn tagħha, li kienu magħrufa mill-membri tal-club Italia. Tali manifestazzjoni ta’ rieda min-naħa ta’ Trame, magħrufa mill-membri tal-club Italia b’effett minn dik id-data, tat lok għal teħid ta’ pożizzjoni min-naħa tagħhom fit-22 ta’ Jannar 2002. Din hija l-proposta li tissemma fir-rigward ta’ din il-laqgħa li, sabiex tiġi kkonfermata, kellha tkun suġġetta għal żewġ stadji oħra: l-ewwel nett kuntatt bejn rappreżentant tal-club Italia (li kellu jkun ir-rappreżentant ta’ Tréfileurope) u rappreżentant ta’ Trame, u mbagħad diskussjoni u konferma mill-membri kollha tal-club.

279    Fi kwalunkwe każ, mid-dokumenti ċċitati iktar ’il fuq jirriżulta li l-kliem “proposta” u “lista ta’ klijenti probabbli” juru li, fit-22 ta’ Jannar 2002, Trame kienet għadha ma hijiex ipperċepita bħala membru sħiħ tal-club Italia.

 – Fuq il-laqgħa tal-1 ta’ Marzu 2002

280    It-tmien laqgħa ċċitata mill-Kummissjoni hija l-laqgħa tal-1 ta’ Marzu 2002. Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li għal din il-laqgħa kienu rrappreżentati: Redaelli, CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM.

281    F’din l-entrata, il-Kummissjoni indikat li saret diskussjoni dwar il-bejgħ fir-rigward tal-klijenti Taljani. Huwa indikat ukoll li rappreżentant ta’ Tréfileurope ltaqa’ ma’ rappreżentant ta’ Trame, kif jirriżulta mill-minuti ta’ ITC dwar din il-laqgħa ssekwestrati matul l-ispezzjoni (Anness E.44 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura).

282    Għalhekk, din il-laqgħa tagħmel parti mill-kuntest ta’ dak li kien ġie indikat matul il-laqgħa tat-22 ta’ Jannar 2002, peress li tippermetti li jiġi stabbilit li l-kuntatt ippjanat kien sar.

 – Fuq il-laqgħa tal-10 ta’ Ġunju 2002

283    Id-disa’ laqgħa ċċitata mill-Kummissjoni hija l-laqgħa tal-10 ta’ Ġunju 2002. Fl-entrata dwar din il-laqgħa li tinsab fl-Anness 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li għal din il-laqgħa kienu rrappreżentati: CB, Itas, ITC, Tréfileurope u SLM.

284    F’din l-entrata, il-Kummissjoni indikat li nżammet diskussjoni dwar il-kwoti tal-bejgħ fl-Italja u dwar attribuzzjoni ta’ klijentela għall-2002. Huwa indikat ukoll li: “Trame interessata ħafna fi ftehim dwar il-klijenti”, kif jirriżulta mill-minuti ta’ ITC dwar din il-laqgħa kkomunikati fil-kuntest tat-talba għal klemenza (Anness E.45 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura).

285    Fil-fatt, jirriżulta li f’dawn il-minuti (paġna 16191 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva) ITC tirreferi għal diversi indikazzjonijiet fir-rigward ta’ Trame. L-ewwel nett, huwa indikat li Trame għandha ftehim ma’ klijent. It-tieni nett, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tas-suq tal-istrands bi tliet fili fl-Italja (total ta’ 24 375 tunnellata), is-sehem tas-suq ta’ Trame huwa stmat għal 7 700 tunnellata (jiġifieri 31.59 %). It-tielet nett, fir-rigward ta’ klijent, huwa indikat li: “nħallu kollux lil Trame”, u dan fil-kuntest ta’ diskussjoni dwar diversi klijenti fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu “sabiex kulħadd ikun kuntent”. Ir-raba’ nett, l-indikazzjoni “Trame: interessata ħafna fil-ftehim dwar l-istrands bi tliet fili” tinsab f’dawn il-minuti.

286    F’dan il-każ, kif issostni l-Kummissjoni, għandu jitqies li huwa stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li, minkejja li Trame ma kinitx preżenti għal-laqgħa, is-sitwazzjoni tagħha ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-membri tal-club Italia, li aġġustaw l-aġir tagħhom skont ix-xewqat ta’ Trame. Bl-istess mod bħalma huwa possibbli li tintlaħaq tali konklużjoni fir-rigward tal-laqgħa tat-30 ta’ Awwissu 2001, minħabba b’mod partikolari l-preżenza tal-kliem “talbiet Trame” f’minuti ta’ din il-laqgħa, ir-riferiment magħmul għad-deċiżjoni li “nħallu kollox lil Trame” fil-kuntest ta’ diskussjoni intiża “sabiex kulħadd ikun kuntent”, filwaqt li huwa speċifikat li Trame hija interessata ħafna fi ftehim dwar l-istrands bi tliet fili, juri li kien għad hemm kuntatti bejn il-membri tal-club Italia u Trame u li huwa possibbli li jitqies li tal-ewwel kienu qegħdin jaġixxu fid-dawl tat-talbiet imressqa minn tat-tieni.

 – Fuq il-laqgħa tas-16 ta’ Settembru 2002

287    Fl-aħħar lok, għandu jiġi osservat li l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ Trame fi ħdan il-club Italia hija pprovata permezz tal-preżenza tagħha għal-laqgħa tal-club Italia tas-16 ta’ Settembru 2002, flimkien ma’ Redaelli, CB, Itas, Tréfileurope u SLM, laqgħa li matulha nżammu diskussjonijiet intiżi sabiex jiġu allokati kwoti għall-istrands bi tliet fili u b’seba’ fili u sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet.

 c) Konklużjoni

288    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tqis b’mod suffiċjenti fid-dritt li, sussegwentement għal-laqgħa tal-club Italia tal-10 ta’ April 2001, li għaliha Trame kienet preżenti, is-sitwazzjoni ta’ Trame kienet ġiet diskussa u ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-membri tal-club Italia fl-okkażjoni tal-laqgħa tal-club Italia tat-30 ta’ Awwissu 2001 (ara l-punti 244 et seq iktar ’il fuq).

289    Sussegwentement, jirriżulta li, fir-rigward ta’ ċertu perijodu, il-Kummissjoni ma tibqax f’pożizzjoni li tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt li, fl-assenza stess ta’ Trame fil-laqgħat tal-club Italia, jista’ jibqa’ jitqies li din l-impriża pparteċipat fl-arranġamenti konklużi fi ħdan dan il-club.

290    L-eżami tal-provi ppreżentati f’dan ir-rigward jippermetti madankollu li jitqies li, b’effett mil-laqgħa tal-club Italia tal-1 ta’ Ottubru 2001, data li fiha tissemma għall-ewwel darba x-xewqa ta’ Trame li terġa’ tibda tagħmel parti mill-club Italia jekk tingħata kwota ta’ 8 700 tunnellata ta’ strands bi tliet fili (ara l-punti 255 et seq iktar ’il fuq), inbeda proċess sabiex tkun possibbli l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ Trame fi ħdan il-club Italia.

291    Ir-ritorn ta’ Trame kien ikkunsidrat mill-ġdid mill-membri tal-club Italia fit-22 ta’ Jannar 2002 (ara l-punti 273 et seq iktar ’il fuq) u kien ikkonkretizzat għall-ewwel darba fl-10 ta’ Ġunju 2002 (ara l-punti 283 et seq iktar ’il fuq), data li fiha jista’ jitqies li l-membri tal-club Italia aġġustaw mill-ġdid l-aġir tagħhom sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ Trame billi ddeċidew li jħallulha klijent “sabiex kulħadd ikun kuntent”.

292    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fis-16 ta’ Settembru 2002, ir-ritorn ta’ Trame kien iktar u iktar effettiv peress li wieħed mir-rappreżentanti tagħha pparteċipa mill-ġdid fil-laqgħat tal-club Italia (ara l-punti 287 et seq iktar ’il fuq).

293    Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ elementi li jippermettu li jitqies li Trame pparteċipat fi prattiki antikompetittivi imputabbli lill-membri tal-club Italia biss fir-rigward tal-perijodu bejn it-30 ta’ Awwissu 2001 u l-10 ta’ Ġunju 2002, jiġifieri perijodu ta’ madwar disa’ xhur.

294    Matul dan il-perijodu ta’ disa’ xhur, ma hemm għalhekk ebda element fil-proċess li jippermetti li tiġi ssostanzjata l-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-arranġamenti antikompetittivi konklużi fi ħdan il-club Italia jew saħansitra l-perċezzjoni mill-membri ta’ tali parteċipazzjoni, peress li dawn il-membri ma kinux kapaċi, pereżempju, jevalwaw il-kwantitajiet mibjugħa minn Trame fis-suq Taljan (ara l-punti 261 et seq iktar ’il fuq).

295    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza dwar it-tbegħid fil-każ ta’ parteċipazzjoni f’laqgħa (ara l-punt 97 iktar ’il fuq) teħtieġ, sabiex tkun applikabbli, li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata kienet ipparteċipat f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehimiet ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma kienet oġġezzjonat manifestament għalihom waqt dawn il-laqgħat, sabiex tistabbilixxi b’mod suffiċjenti l-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju.

296    Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li Trame pparteċipat, kemm direttament u kemm indirettament, f’laqgħa tal-club Italia bejn it-30 ta’ Awwissu 2001 u l-10 ta’ Ġunju 2002. Diversi elementi jippermettu wkoll li jiġi indikat li, matul dan il-perijodu, il-membri l-oħra tal-club Italia ma kellhomx idea preċiża tal-aġir ta’ Trame fis-suq. Għalhekk, huma kellhom jagħmlu stimi, jistħarrġu l-aġir probabbli jew jiddikjaraw li ma kinux jafu bl-użu ta’ simbolu ta’ mistoqsija fil-minuti tal-laqgħat inkwistjoni.

297    Għalhekk, għandu jiġi annullat ukoll il-punt 17 tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat li Trame kienet ipparteċipat fil-prattiki antikompetittivi għall-perijodu bejn it-30 ta’ Awwissu 2001 u l-10 ta’ Ġunju 2002. Il-konsegwenzi l-oħra tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti ser jiġu evalwati globalment sussegwentement wara li jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet.

 E – Fuq ir-rwol marġinali fi ħdan l-akkordju

 1. L-argumenti tal-partijiet

298    Trame ssostni li kellha biss rwol marġinali fl-akkordju. Hija ssostni li kienet saritilha pressjoni sabiex tipparteċipa fih minn impriżi integrati vertikalment u li, bħala fornituri ta’ materja prima, setgħu jagħmlu pressjoni fuqha. Trame għalhekk ipparteċipat biss f’numru limitat ta’ laqgħat mifruxa fuq perijodu ta’ żmien twil (18 minn 234 bejn l-1997 u l-2002). Ir-rwol marġinali tagħha jirriżulta, b’mod partikolari, mid-dikjarazzjonijiet magħmula fil-kuntest tat-talbiet għal klemenza. Redaelli ssemmi lil Trame biss f’silta waħda, fejn tenfasizza li din l-impriża kienet tipparteċipa biss okkażjonalment fil-laqgħat bejn kompetituri. Id-dikjarazzjonijiet ta’ ITC u ta’ DWK ma jinkludux affermazzjoni inkriminanti fir-rigward ta’ Trame. Fid-dikjarazzjoni ta’ Tréfileurope, Trame ma tissemmiex iktar minn darbtejn jew tliet darbiet, b’mod inċidentali u mingħajr riferiment għar-rwol tagħha fl-akkordju. Bl-istess mod, fid-dikjarazzjoni tiegħu, rappreżentant ta’ ITC jindika li “matul il-ftit laqgħat li għalihom ipparteċipat Trame, ir-rappreżentanti tagħha dejjem kellhom rwol marġinali u kompletament passiv”, li “l-produtturi Taljani l-oħra ta’ APS preżenti għal-laqgħat tal-club Italia kienu jqisu lil Trame bħala operatur indipendenti, awtonoma mis-suq u ftit prevedibbli fir-rigward tal-għażliet ta’ produzzjoni u kummerċjali tagħha” jew li, “ħafna drabi, Trame ma kinitx tipprovdi l-informazzjoni li kienu jitolbuha l-membri l-oħra tal-club Italia”. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li Trame ma kinitx tesporta l-produzzjoni tagħha, filwaqt li parti mid-diskussjonijiet fi ħdan il-club Italia kienu jikkonċernaw l-esportazzjonijiet, u li l-essenzjal tad-dħul mill-bejgħ tagħha kien iġġenerat mill-bejgħ ta’ strands bi tliet fili u ta’ vireg magħmula minn fili.

299    Barra minn hekk, Trame qatt ma applikat l-allegati ftehimiet u kienet dejjem ipprovat tevita li twieġeb għat-talbiet għal informazzjoni. Il-minuti ta’ ITC dwar il-laqgħa tal-20 ta’ Lulju 1999, li jipprovdu li “Trame tinsab kullimkien” (paġna 16056 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva), u d-dikjarazzjoni ta’ Tréfileurope, fis-sens li Trame qajmet ħafna drabi tensjonijiet mal-membri l-oħra tal-club Italia (paġna 34619 tal-fajl tal-proċedura amministrattiva), jikkonfermaw, skont Trame, din l-indipendenza kummerċjali. Bl-istess mod, il-volumi ta’ bejgħ ta’ Trame dejjem żdiedu, bil-produzzjoni tagħha ta’ strands b’seba’ fili tiżdied minn 1 700 tunnellata għal 7 410 tunnellata mill-1997 sal-2002. Is-sehem tas-suq tagħha kien żdied għad-detriment tal-kompetituri. Tali riżultati ma humiex kompatibbli ma’ eventwali proġetti ta’ qsim tas-suq. Anki li kieku kienu effettivament tfasslu tali proġetti, Trame ma kinitx applikathom u l-aġir kummerċjali tagħha kien saħansitra fixkel kunsiderevolment l-effikaċità tagħhom.

300    Bħala konklużjoni, il-karatteristiċi partikolari tal-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju kien imisshom wasslu lill-Kummissjoni sabiex tapplikalha tnaqqis tal-multa iktar sostanzjali minn 5 %, li huwa żbaljat, sproporzjonat u irraġonevoli.

301    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija tfakkar li l-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju hija kkonfermata minn diversi dokumenti u dikjarazzjonijiet. Huwa wkoll żbaljat li jingħad li din il-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-club Italia kienet limitata u mifruxa fuq perijodu twil ta’ żmien, peress li s-sitwazzjoni ta’ Trame kienet tissemma anki fl-assenza tagħha. Trame ma tistabbilixxix li hija ma kinitx involviet ruħha fl-attivitajiet li kienu s-suġġett tal-club Italia jew li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kummerċjali skambjata mal-kompetituri tagħha. Fir-rigward tal-allegazzjoni li l-ftehimiet ma kinux jiġu applikati, il-qerq okkażjonali fir-rigward tal-prezzijiet iffissati jew fir-rigward tal-klijenti allokati ma jistabbilixxix, fih innifsu, l-assenza ta’ implementazzjoni tal-akkordju (ara l-premessa 1018 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-każ, it-tnaqqis ta’ 5 % tal-ammont bażiku mogħti lil Trame skont il-Linji gwida tal-2006 jieħu debitament inkunsiderazzjoni kemm il-fatt li l-ksur li fih ipparteċipat Trame kien jagħmel parti mill-iktar ksur gravi tad-dritt tal-kompetizzjoni u kemm tal-fatt li Trame pparteċipat b’mod limitat fil-ksur.

 2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

302    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, Trame tinvoka, minn naħa, il-parteċipazzjoni marġinali tagħha fil-ksur kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ effetti ta’ din il-parteċipazzjoni. B’mod iktar ġenerali, Trame ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju meta ddeċidiet li tagħtiha tnaqqis tal-multa ta’ 5 % sabiex tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol żgħir jew limitat tagħha fil-ksur uniku.

 a) Elementi invokati sabiex tiġi kkaratterizzata ċirkustanza attenwanti

303    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ilmenti invokati minn Trame fil-kuntest ta’ dan il-motiv ġew eżaminati minn żewġ aspetti fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, fil-kuntest tal-eżami tal-argumenti intiżi sabiex tiġi kkaratterizzata ċirkustanza attenwanti marbuta mar-“rwol żgħir u/jew passiv” (taqsima 19.2.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata) u, it-tieni nett, fil-kuntest tal-eżami tal-argumenti intiżi sabiex tiġi kkaratterizzata ċirkustanza attenwanti marbuta mar-“rinunzja għall-applikazzjoni/rwol sostanzjalment limitat” (taqsima 19.2.25 tad-deċiżjoni kkontestata) (ara l-punt 86 iktar ’il fuq).

304    L-ewwel nett, fir-rigward tar-rwol żgħir jew passiv, il-Kummissjoni osservat li, għalkemm il-Linji gwida tal-1998 jammettu li l-ammont tal-multa jista’ jitnaqqas jekk l-impriża kellha “rwol esklussivament passiv jew emulattiv fil-ksur”, il-Linji gwida tal-2006, li huma applikabbli għall-każ ineżami, ma baqgħux jinkludu dan il-kunċett bħala ċirkustanza attenwanti. Fil-fehma tal-Kummissjoni, anki jekk impriża tadotta biss rwol passiv jew emulattiv, hija xorta waħda tkun qiegħda tipparteċipa fl-akkordju billi tislet minnu vantaġġ kummerċjali u billi tinkoraġġixxi lill-parteċipanti l-oħra sabiex jimplementaw il-ftehimiet. Għaldaqstant, rwol passiv jew emulattiv ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti. Għall-kuntrarju, il-Linji gwida tal-2006 jpattu implikazzjoni fil-ksur li tkun “sostanzjalment limitata” jekk l-impriża kkonċernata “tkun effettivament irrinunzjat milli tapplika [l-ftehimiet] billi tadotta aġir kompetittiv fis-suq”. Madankollu, ebda wieħed mid-destinatarji tad-deċiżjoni ma rnexxielu jipprova dan b’mod suffiċjenti (premessa 983 tad-deċiżjoni kkontestata).

305    Inċidentalment, il-Kummissjoni xorta waħda eżaminat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eventwali applikazzjoni tal-Linji gwida tal-1998, għal ksur li ntemm fid-19 ta’ Settembru 2002. B’mod ġenerali, il-Kummissjoni speċifikat li, “[f]i kwalunkwe każ, taħt il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-1998, ebda waħda mill-partijiet ma kien jistħoqqilha tnaqqis tal-multa minħabba rwol passiv”. Tali sitwazzjoni teħtieġ “profil baxx, jiġifieri assenza ta’ parteċipazzjoni attiva fit-tħejjija tal-ftehim jew tal-ftehimiet antikompettitvi”, jiġifieri “rwol esklużivament passiv” jew “passività totali” (premessa 984 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata huwa indikat ukoll li, “[g]ħall-kuntrarju [tas-sitwazzjoni ta’ Socitrel, Companhia Previdente, Fapricela, Redaelli, SLM u Itas], il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-rwol ta’ Proderac u Trame kien sostanzjalment iktar limitat minn dak tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li tnaqqis tal-multa għandu għaldaqstant jingħata lill dawn l-azjendi” (premessa 992 tad-deċiżjoni kkontestata).

306    It-tieni nett, fir-rigward tal-allegazzjonijiet fis-sens li Trame ma kinitx implementat il-ftehimiet, li hija kienet ukoll fixklet l-akkordju u kienet adottat aġir kompetittiv fis-suq, il-Kummissjoni osservat li, konformement mat-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, id-dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-akkordju jeżiġi li ċ-ċirkustanzi jistabbilixxu li, matul il-perijodu li matulu impriża kienet parti fil-ftehimiet antikompetittivi, din tkun effettivament astjeniet milli tapplika l-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur billi tadotta aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-inqas, li hija tkun b’mod ċar u kunsiderevoli kisret l-obbligi intiżi li jiġi implementat l-akkordju, b’mod tali li tkun fixklet il-funzjonament stess ta’ dan l-akkordju. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li Trame, bħad-destinatarji l-oħra kollha ta’ din id-deċiżjoni, kienet ipparteċipat b’mod regolari f’laqgħat li matulhom ġew diskussi u kkontrollati l-prezzijiet, il-kwoti u l-klijenti. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li, minħabba n-natura tiegħu stess, l-implementazzjoni tal-akkordju inkwistjoni kienet toħloq distorsjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni qieset li l-impatt reali fis-suq ta’ dan l-akkordju kien impossibbli li jitkejjel f’dan il-każ u għalhekk ma kinitx ħaditu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont bażiku. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, ebda impriża ma stabbilixxiet li kienet effettivament astjeniet milli tapplika l-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur billi adottat aġir kompetittiv fis-suq jew, minn tal-inqas, li kienet b’mod ċar u kunsiderevoli kisret l-obbligi intiżi li jiġi implementat l-akkordju, b’mod tali li fixklet il-funzjonament stess ta’ dan l-akkordju. Minn dan isegwi li ebda ċirkustanza attenwanti ma setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni fuq il-bażi ta’ rinunzja għall-applikazzjoni jew ta’ rwol sostanzjalment limitat (premessi 1013 sa 1026 tad-deċiżjoni kkontestata).

307    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tat lil Trame (u lil Proderac) tnaqqis ta’ 5 % tal-ammont bażiku (premessa 1026 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-raġunament tagħha kien is-segwenti:

“(1023)  Madankollu, il-Kummissjoni hija lesta taċċetta li l-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ Proderac u Trame kienet limitata. Dan huwa dovut għall-fatt li dawn il-parteċipanti operaw fil-periferija tal-akkordju, kellhom numru iktar limitat ta’ kuntatti ma’ parteċipanti oħra fl-akkordju u ħadu sehem fil-ksur b’mod limitat biss.

[…]

(1025)  Trame attendiet biss għal madwar tmintax-il laqgħa tal-akkordju bejn l-4 ta’ Marzu 1997 u d-19 ta’ Settembru 2002, filwaqt li l-każ tagħha kien diskuss fl-assenza tagħha f’diversi okkażjonijiet oħra [...]. Kif tikkonferma Tréfileurope, Trame kienet attur marġinali fi ħdan il-club Italia, u kienet toħloq tensjonijiet mal-parteċipanti l-oħra tal-club Italia. Dan huwa kkonfermat minn diversi dokumenti ta’ dak iż-żmien. Pereżempju, il-minuti tal-laqgħa tal-20 ta’ Lulju 1999 jindikaw li Trame kienet tmur fid-direzzjonijiet kollha; fl-4 ta’ Settembru 2000 inżammet diskussjoni dwar il-problema ‘Trame’; fit-30 ta’ Awwissu 2001 intqal li Trame kienet għażlet li ma tibqax parti fl-akkordju u fil-11 ta’ Jannar inżammet diskussjoni li s-suġġett tagħha kienet ‘Trame’.”

 b) Analiżi

308    Fit-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti, hija tista’ tnaqqas l-ammont bażiku tal-multa “meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija sostanzjalment limitata u turi għaldaqstant li, matul il-perijodu li matulu aderixxiet mal-ftehimiet li jikkostitwixxu ksur, hija kienet effettivament naqset milli tapplikahom billi tadotta aġir kompetittiv fis-suq; is-sempliċi fatt li impriża tkun ipparteċipat fi ksur matul perijodu iqsar mill-oħrajn ma huwiex ser jitqies li huwa ċirkustanza attenwanti, peress li din iċ-ċirkustanza hija diġà rifless fl-ammont bażiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

309    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tat lil Trame (u lil Proderac) tnaqqis ta’ 5 % tal-multa li kellha tiġi imposta fuqha minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur b’konsegwenza tar-raġunament espost fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għal din iċ-ċirkustanza attenwanti. B’mod pjuttost ambigwu, il-Kummissjoni kkonkludiet f’dan ir-rigward, minn naħa, li ċ-ċirkustanza attenwanti msemmija fit-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 ma kinitx issodisfatta f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, li l-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-ksur uniku kienet xorta waħda limitata, u dan kien jiġġustifika tnaqqis ta’ 5 % tal-ammont tal-multa li altrimenti kellha tiġi imposta fuqha (premessi 1022, 1023 u 1026 tad-deċiżjoni kkontestata).

310    Bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li hija qieset li kien hemm differenza bejn ir-rwol “sostanzjalment limitat”, imsemmi fil-Linji gwida tal-2006, u r-rwol “limitat” irrikonoxxut lil Trame fid-deċiżjoni kkontestata.

311    Il-Kummissjoni speċifikat ukoll li, meta l-kriterju ddefinit minnha fil-Linji gwida tal-2006 ma jkunx issodisfatt, kif huwa l-każ hawnhekk fl-assenza tal-prova meħtieġa minn Trame sabiex tkun tista’ tibbenefika minn tali ċirkustanza attenwanti, hija xorta waħda tqis li huwa ġust li ssir differenza fil-livell ta’ parteċipazzjoni tal-impriżi.

312    Il-Kummissjoni kkonkludiet billi indikat li t-tnaqqis ta’ 5 % ma kienx ibbażat għalhekk fuq iċ-ċirkustanza attenwanti msemmija fit-tielet inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 iżda ngħata fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex jiġi rifless ir-rwol ta’ Trame, billi tingħata tnaqqis skont il-livell ta’ parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

313    Għandu jiġi osservat li, kif issostni l-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-lista ta’ ċirkustanzi attenwanti msemmija fil-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006 ma hijiex eżawrjenti kif jirriżulta b’mod ċar mill-fatt li din il-lista hija introdotta bl-espressjoni “bħalma huma” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Aragonesas Industrias y Energía vs Il-Kummissjoni, T‑348/08, Ġabra, EU:T:2011:621, punti 279 u 280).

314    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll (ara l-punti 96 u 98 sa 103 iktar ’il fuq) li l-Kummissjoni hija meħtieġa, meta tiddetermina l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq impriża sabiex tissanzjona l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur uniku, tindividwalizza din is-sanzjoni fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fil-ksur. Tali individwalizzazzjoni tas-sanzjoni hija iktar u iktar neċessarja meta jkun involut, bħal f’dan il-każ, ksur kumpless li jiġbor fih diversi clubs li l-interessi kummerċjali tagħhom huma kunfliġġenti fuq perijodu twil ħafna u meta l-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fl-akkordjku jkollha diversi karatteristiċi partikolari meta mqabbla mal-parteċipazzjonijiet tal-atturi prinċipali li jagħmlu parti mill-akkordju.

315    Għaldaqstant, għalkemm il-Kummissjoni hija ħielsa li tagħżel f’liema stadju tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa jidhrilha li huwa xieraq li tindividwalizza s-sanzjoni fir-rigward tal-metodoloġija ġenerali esposta fil-Linji gwida tal-2006 — fejn tali individwalizzazzjoni saret, pereżempju, fl-istadju tad-“determinazzjoni tal-ammont bażiku” fil-każ ta’ Proderac, Socitrel u Fapricela; fl-istadju taċ-“ċirkustanzi attenwanti” fil-każ ta’ Proderac u Trame; jew sussegwentement fl-istadju “finali” fil-każ ta’ ArcelorMittal, li l-multa tagħha tnaqqset minn EUR 276.5 miljun għal EUR 45.7 miljun b’konsegwenza taż-żewġ deċiżjonijiet ta’ emenda — xorta waħda jibqa’ l-fatt li, jekk tali individwalizzazzjoni ma ssirx billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, ikun allura l-kompitu tal-Qorti Ġenerali, kif hija mitluba tagħmel, li tiddeċiedi dwar l-ammont adegwat sabiex jiġi ssanzjonat l-aġir tal-impriża kkonċernata.

316    F’dan il-każ, sabiex tirrikonoxxi u sabiex tiffissa għal 5 % l-ammont tat-tnaqqis mogħti lil Trame bl-iskop li jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol limitat tagħha fil-ksur uniku, il-Kummissjoni qieset l-elementi segwenti.

317    B’mod ġenerali, il-Kummissjoni indikat li Trame operat fil-periferija tal-akkordju, li ħadet sehem f’numru limitat ta’ kuntatti mal-membri l-oħra tal-akkordju u li pparteċipat fl-akkordju b’mod limitat biss. Il-Kummissjoni osservat ukoll li Trame “attendiet biss għal madwar tmintax-il laqgħa tal-akkordju bejn l-4 ta’ Marzu 1997 u d-19 ta’ Settembru 2002”, filwaqt li enfasizzat fl-istess ħin li “l-każ tagħha kien diskuss fl-assenza tagħha f’diversi okkażjonijiet oħra”. Hija rrikonoxxiet ukoll li, kif ikkonfermat minn Tréfileurope u minn tliet dokumenti ċċitati bħala eżempju dwar, rispettivament, il-laqgħat tal-20 ta’ Lulju 1999, tal-4 ta’ Settembru 2000 u tal-11 ta’ Jannar 2002, Trame “kienet attur marġinali fi ħdan il-club Italia, u kienet toħloq tensjonijiet mal-parteċipanti l-oħra tal-club Italia” (premessi 1023 u 1025 tad-deċiżjoni kkontestata).

318    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi msemmija mill-Kummissjoni, il-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju għandha ċerti karatteristiċi partikolari li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa. Għalkemm tali ċirkustanzi jistabbilixxu diġà r-rwol limitat ta’ Trame fi ħdan l-akkordju, kif barra minn hekk tirrikonoxxi l-Kummissjoni, minn dawn iċ-ċirkustanzi jirriżulta madankollu li l-livell ta’ tnaqqis mogħti (5 %) ma ġiex iffissat f’livell adegwat fid-dawl tan-natura u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju.

319    Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-fatt li Trame operat fil-periferija tal-akkordju, tali ċirkustanza ma hijiex mingħajr sinjifikat. B’hekk, mill-proċess jirriżulta li, mill-arranġamenti kollha li kienu jikkomponu l-ksur uniku, Trame pparteċipat biss fil-club Italia. Għaldaqstant, Trame ma tistax tiġi ttrattata bħal impriża implikata fil-ksur uniku kollu kkonstatat mill-Kummissjoni fir-rigward tal-perijodu bejn l-1997 u l-2002.

320    Bl-istess mod, il-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju, li kienet diġà limitata bħala tali, kienet ukoll limitata fi ħdan il-club Italia fejn Trame ma pparteċipatx fl-aspett estern tiegħu. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li Trame ma kinitx tesporta lejn l-Ewropa kontinentali bejn l-1997 u l-2002 (premessa 651 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda ma tiħux dan inkunsiderazzjoni meta tevalwa r-rwol limitat ta’ Trame. Fl-assenza ta’ esportazzjonijiet, Trame ma setgħetx tipparteċipa fil-prattiki li ma kinux jikkonċernaw lill-Italja. Huwa minnu li, anki fl-assenza ta’ bejgħ barra mill-Italja, il-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-club Italia kienet tippermettilha xorta waħda tipproteġi l-pożizzjonijiet tagħha fis-suq nazzjonali tagħha u għalhekk tevita l-flussi normali tal-kompetizzjoni. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li r-rwol ta’ Trame fir-rigward tas-swieq esterni għall-Italja kien ineżistenti jew limitat ħafna.

321    Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordji dwar l-istrands b’seba’ fili ma kinitx tal-istess natura bħal dik tal-atturi prinċipali ta’ dan il-club, kif jirriżulta minn diversi provi li jagħmlu distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ operaturi fi ħdan il-club Italia. Barra minn hekk, għal żmien twil Trame la kienet taf dwar id-dimensjoni pan-Ewropea tal-ksur u lanqas dwar il-fatt li dan il-ksur kien jikkonċerna wkoll l-istrands bi tliet fili fi ħdan il-club Italia.

322    Għaldaqstant, hemm differenzi kunsiderevoli li jiddistingwu l-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-ksur uniku minn dik ta’ impriża li, bħal Tréfileurope, ipparteċipat fl-aspetti kollha tal-akkordju.

323    It-tieni nett, għalkemm il-Kummissjoni tirrikonoxxi li Trame pparteċipat f’numru limitat ta’ laqgħat, hija tosserva wkoll li, f’okkażjonijiet oħra, is-sitwazzjoni tagħha kienet issemmiet ukoll fl-assenza tagħha. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li l-okkażjonijiet fejn is-sitwazzjoni tagħha realment ittieħdet inkunsiderazzjoni għal finijiet antikompetittivi mill-membri tal-club Italia huma inqas numerużi minn dawk imsemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara, fir-rigward tal-laqgħa tat-30 ta’ Awwissu 2001, il-punti 244 et seq iktar ’il fuq, u, fir-rigward tal-laqgħa tal-10 ta’ Ġunju 2002, il-punti 283 et seq iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ċerti elementi jippermettu li jitqies li Trame kienet ħafna drabi ammessa fit-tieni parti tal-laqgħa jew li kienet titlaq lejn l-aħħar ta’ laqgħat organizzati fil-kuntest istituzzjonali ta’ assoċjazzjoni professjonali (ara d-dikjarazzjoni ta’ rappreżentant ta’ Tréfileurope kkomunikata minn Trame jew, fir-rigward tal-laqgħa tad-9 ta’ Ottubru 2000, il-punti 124 et seq iktar ’il fuq).

324    It-tielet nett, huwa stabbilit b’mod ċar mill-Kummissjoni stess li l-parteċipanti fil-ksur kienu jafu bis-sitwazzjoni partikolari ta’ Trame. B’hekk, mid-dokumenti u mid-dikjarazzjonijiet invokati dwar dan il-punt minn Trame, li wħud minnhom huma barra minn hekk riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li Trame kienet ipperċepita bħala parteċipant marġinali u ftit affidabbli fil-club Italia.

325    Madankollu, Trame ma tistax tingħata raġun meta ssostni li hija “qatt” ma kienet applikat l-“allegati” ftehimiet li għalihom kienet ipparteċipat. Irrispettivament minn kemm kienet limitata l-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju, mill-proċess jirriżulta madankollu li din il-parteċipazzjoni kienet stabbilita mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

326    Tali konklużjoni ma tfissirx li l-informazzjoni kkomunikata minn Trame dwar l-aġir kummerċjali tagħha ma għandha l-ebda interess. Fil-fatt, tali informazzjoni tissuġġerixxi li Trame ma pparteċipatx kompletament fl-akkordju. Fid-dawl tal-informazzjoni kkomunikata dwar dan il-punt minn Trame, dak li l-Kummissjoni tqis bħala sempliċi “qerq” fid-deċiżjoni kkontestata jista’ jitqies ukoll li huwa aġir kummerċjali aggressiv dwar l-istrands b’seba’ fili fl-Italja. Trame kienet fil-fatt investiet f’magni sabiex timmodernizza l-produzzjoni tagħha u d-dħul mill-bejgħ tagħha (li żdied minn EUR 5.6 miljun fl-1997 għal iktar minn EUR 9 miljun fl-2002 għall-istrands b’seba’ fili) kif ukoll il-kwantitajiet prodotti (li żdiedu minn 1 700 tunnellata ta’ strands b’seba’ fili fl-1997 għal 7 410 tunnellati fl-2002) kien dejjem jiżdied.

327    Dawn ir-riżultati jippermettu li jiġi spjegat in-nuqqas ta’ fiduċja espress diversi drabi minn membri tal-akkordju fil-konfront ta’ Trame. Trame, li kienet daħlet fis-suq tal-istrands b’seba’ fili wara l-oħrajn u li s-sehem tas-suq tagħha kien qiegħed dejjem jikber, meta wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-akkordju kien li jiġu stabbilizzati l-ishma tas-suq permezz tat-tqassim tal-klijenti, kienet tispikka minħabba l-aġir kummerċjali tagħha, li kien differenti minn dak tal-operaturi l-oħra tal-club Italia, li kienu pjuttost impenjati li jfittxu opportunitajiet barra mill-Italja minflok ma jikkompetu bejniethom fl-Italja.

 c) Konklużjoni

328    Għalkemm il-Kummissjoni għandha tingħata raġun sa fejn tqis li l-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju kienet effettivament limitata, li jiġġustifika li dan jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti, għandu jitqies ukoll li l-livell tat-tnaqqis tal-multa applikat f’dan ir-rigward, jiġifieri tnaqqis ta’ 5 % biss, ma jiħux suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-sitwazzjoni ta’ Trame fi ħdan l-akkordju.

329    F’dan il-kuntest, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tikkunsidra hija stess, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li hija mitluba tagħmel f’din il-kawża, b’liema mod għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol limitat ta’ Trame fi ħdan l-akkordju għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

 F – Fuq l-assenza ta’ natura intenzjonali tal-aġir ikkritikat

 1. L-argumenti tal-partijiet

330    Trame ssostni li hija impriża żgħira li l-bejgħ ta’ APS tagħha jitwettaq fl-Italja. Bejn l-1997 u l-2002, is-sehem tas-suq tagħha fis-settur globali tal-istrands b’seba’ fili u tal-istrands bi tliet fili kien ivarja bejn 6.5 u 10 %. Jekk jitqiesu l-istrands b’seba’ fili biss, is-sehem tas-suq ta’ Trame fl-Italja varja bejn 1.7 % u 5.1 %. Hija ma għandhiex servizz legali intern u qatt ma kellha taffaċċja kwistjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia kienet sporadika, seħħet essenzjalment fil-kuntest ta’ assoċjazzjoni professjonali u hija żammet aġir kompetittiv fis-suq. Trame ma kellha ebda interess konkret li tipparteċipa fil-laqgħat tal-akkordju u, fi kwalunkwe każ, bl-ebda mod ma kellha l-intenzjoni tadotta l-aġir li seta’ jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-istess bħalma lanqas ma setgħet timmaġina li rwol daqstant marġinali bħalma kellha hija seta’ jwassal għal effetti antikompetittivi. Fi kliem ieħor, il-ksur li qiegħed jiġi imputat lilha ma setax jitqies li kien intenzjonat peress li kien il-konsegwenza ta’ sempliċi negliġenza, waħda miċ-ċirkustanzi attenwanti msemmija fil-Linji gwida tal-2006. L-ammont tal-multa imposta għandu għalhekk jitnaqqas sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza totali ta’ natura intenzjonali tal-aġir ikkritikat.

331    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 2. Il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali

332    Essenzjalment, Trame ssostni li l-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ksur li qiegħda tiġi akkużata bih ma twettaqx b’mod maħsub, intenzjonalment, iżda minħabba sempliċi negliġenza.

333    B’mod ġenerali, ma jkunx hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE jekk ma jkunx stabbilit li l-impriżi inkwistjoni kellhom l-intenzjoni li jipparteċipaw fi prattika antikompetittiva. B’hekk, il-“ftehimiet” jew il-“prattiki miftiehma” pprojbiti mill-Artikolu 101(1) TFUE jeħtieġu, b’xi forma jew oħra, manifestazzjoni tar-rieda tal-impriżi li jilħqu ftehim dwar l-għan jew l-effett tal-akkordju, li huwa “l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern”. Din il-manifestazzjoni tar-rieda tista’ tirriżulta minn azzjoni pożittiva, bħalma huwa l-iffirmar ta’ ftehim jew il-parteċipazzjoni fi prattika miftiehma, iżda wkoll minn nuqqas ta’ prudenza jew minn sempliċi negliġenza.

334    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-“Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża [...] meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza: [...] jiksru l-Artikolu [101 TFUE]”.

335    Fit-tieni inċiż tal-punt 29 tal-Linji gwida tal-2006, li-Kummissjoni ppreċiżat li, fil-kuntest taċ-ċirkustanzi attenwanti, hija tista’ tnaqqas l-ammont bażiku tal-multa “meta l-impriża kkonċernata tipproduċi l-prova li l-ksur twettaq b’negliġenza”.

336    F’dan il-każ, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti ta’ Trame intiżi sabiex tallega li fil-konfront tagħha kellha tiġi rrikonoxxuta ċirkustanza attenwanti, sa fejn kienet wettqet il-ksur b’negliġenza, ma humiex issostanzjati permezz ta’ fatti. Mill-proċess effettivament jirriżulta, kif issostni l-Kummissjoni, li l-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-club Italia ma tistax tkun konsegwenza ta’ negliġenza iżda hija r-riżultat ta’ azzjoni intenzjonata min-naħa tagħha, kif jixhdu, pereżempju, l-indikazzjonijiet mogħtija mill-membri l-oħra tal-club Italia, matul il-laqgħa tal-4 ta’ Marzu 1997, li minnhom jirriżulta li Trame xtaqet tingħaqad magħhom, kif għamlet ftit tal-jiem wara fil-laqgħa tal-10 ta’ Marzu 1997 u diversi drabi wara dan sal-laqgħa tad-19 ta’ Settembru 2002.

337    Ebda waħda mir-raġunijiet invokati minn Trame sabiex tistabbilixxi n-negliġenza tagħha, jiġifieri n-natura ta’ impriża familjari żgħira tagħha, li tbigħ biss fl-Italja u li ma tesportax, id-daqs żgħir tas-sehem tas-suq tagħha, ta’ inqas minn 10 % (strands bi tliet fili u strands b’seba’ fili) u saħansitra inqas minn 5 % (strands b’seba’ fili), il-fatt li ma għandhiex servizz legali intern u l-allegata injoranza tagħha tal-prinċipji li jirregolaw id-dritt tal-kompetizzjoni, jew inkella l-karatteristiċi partikolari tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, ma hija ta’ natura li turi li ma kienx b’mod intenzjonat li hija daħlet, imbagħad ħarġet u mbagħad reġgħet daħlet fil-club Italia matul il-perijodu bejn Marzu 1997 u Settembru 2002.

338    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 G – Fuq il-motivi addizzjonali dwar ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

 1. L-argumenti tal-partijiet

339    Sussegwentement għat-tieni deċiżjoni ta’ emenda, Trame aġġustat il-motivi tagħha sabiex tinvoka ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa minħabba t-trattament mogħti lil ArcelorMittal u lil Ori Martin meta mqabbel ma’ dak li setgħet tibbenefika minnu. Hija tosserva li, fit-tieni deċiżjoni ta’ emenda, il-Kummissjoni qieset li l-multa imposta fuq ArcelorMittal, ekwivalenti għal 0.5 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ din l-impriża, kienet eċċessiva, u għalhekk naqqsitha għal 0.1 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha. L-istess soluzzjoni tgħodd għat-tnaqqis mogħti lil Ori Martin u lil SLM. Issa, għal finijiet ta’ paragun, il-Kummissjoni ffissat l-ammont tal-multa ta’ Trame fil-massimu awtorizzat, jiġifieri 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ din l-impriża, ammont dan li fil-każ tagħha jimplika riskju ta’ falliment. Fil-fehma tagħha dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

340    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

 2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

341    Is-sitwazzjonijiet meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuq ArcelorMittal u fuq is-sussidjarji tagħha kif ukoll fuq Ori Martin u fuq is-sussidjarja SLM tagħha huma b’mod ċar differenti mis-sitwazzjoni ta’ Trame.

342    Fir-rigward ta’ Trame, il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur hija imputabbli direttament lilha filwaqt li, fil-każ ta’ ArcelorMittal u ta’ Ori Martin, din il-parteċipazzjoni fil-ksur hija bbażata fuq il-preżunzjoni li, minħabba l-importanza tal-holding ta’ kapital miżmum fis-sussidjarja jew fis-sussidjarji ta’ dawn il-kumpanniji li pparteċipaw direttament fil-ksur, il-Kummissjoni tista’ teżiġi li dawn il-kumpanniji jinżammu responsabbli in solidum fir-rigward tal-ħlas tal-multi imposti.

343    Għaldaqstant, f’din il-kawża, meta l-multa li ġiet imposta fuq Trame tiġi evalwata fid-dawl tat-trattament li setgħu bbenefikaw minnu l-impriżi destinatarji tat-tieni deċiżjoni ta’ emenda, la kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u lanqas tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

344    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motivi addizzjonali għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 H – Fuq l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas

 1. Il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

345    Tlieta u għoxrin entità ġuridika invokaw l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas tagħhom quddiem il-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva inizjali, fosthom Trame (premessa 1133 tad-deċiżjoni kkontestata).

346    Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, l-ewwel nett, il-Kummissjoni sostniet li, meta impriża tallega li l-multa li tkun qiegħda tiġi kkunsidrata jkollha impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha mingħajr ma tressaq prova kredibbli li turi l-inkapaċità tagħha li tħallas il-multa prevista, hija ma hijiex obbligata tiegħu inkunsiderazzjoni tali sitwazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi li jkunu l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (premessa 1134 tad-deċiżjoni kkontestata).

347    It-tieni nett, il-Kummissjoni indikat li kienet wettqet l-eżami tagħha fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni eżaminat is-sitwazzjoni finanzjarja individwali ta’ dawn l-impriżi, ir-rendikonti finanzjarji tagħhom għas-snin 2004 sa 2009 kif ukoll il-proġezzjonijiet magħmula mill-2010 sal-2012. Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja mondjali fuq is-settur tal-azzar u l-konsegwenzi mistennija għall-impriżi kkonċernati f’termini ta’ tnaqqis tad-domanda u ta’ tnaqqis tal-prezzijiet jew ta’ aċċess għall-finanzjament. B’mod partikolari, minħabba l-kriżi ekonomika, kien ser ikun diffiċli għall-impriżi fis-settur li jżommu l-faċilitajiet ta’ kreditu tagħhom mal-banek u li jiksbu kapital suffiċjenti (premessi 1135 sa 1137 tad-deċiżjoni kkontestata).

348    It-tielet nett, il-Kummissjoni enfasizzat li l-fatt li impriża tkun f’likwidazzjoni ma jfissirx neċessarjament li ser ikun hemm dejjem telf totali fil-valur tal-assi tagħha, u dan, għalhekk, ma jiġġustifikax fih innifsu tnaqqis tal-ammont tal-multa li altrimenti kienet tiġi imposta. Fil-fatt, xi drabi l-likwidazzjonijiet jitwettqu b’mod organizzat u volontarju, fil-kuntest ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni li fil-kuntest tiegħu proprjetarji jew diretturi ġodda jkomplu jiżviluppaw l-impriża u l-assi tagħha. B’hekk, kull entità ġuridika li invokat l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas għandha turi li ma teżistix soluzzjoni alternattiva valida u vijabbli. Jekk ma jkunx hemm indikazzjoni kredibbli ta’ soluzzjonijiet alternattivi disponibbli fi żmien raġonevolment qasir li jippermettu ż-żamma tal-impriża, il-Kummissjoni f’tali każ qieset li jeżisti riskju suffiċjentement għoli li l-assi tal-impriża jistgħu jitilfu parti sinjifikattiva tal-valur tagħhom meta l-impriżi jitqiegħdu taħt likwidazzjoni sussegwentement għall-impożizzjoni ta’ multa (premessa 1138 tad-deċiżjoni kkontestata).

349    Meta l-kundizzjonijiet iddefiniti fil-punt 35 tal-Linji gwida tal-2006 kienu ssodisfatti, il-Kummissjoni ddefinixxiet it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq kull waħda mill-impriżi kkonċernati billi ħadet inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ din l-impriża li tħallas l-ammont finali tal-multa imposta kif ukoll l-effett li dan il-ħlas seta’ jkollu fuq il-vijabbiltà tagħha (premessa 1139 tad-deċiżjoni kkontestata).

350    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ Trame billi indikat li l-bilanċ f’kontijiet bankarji u l-fondi disponibbli fl-aħħar tal-2009 kienu jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor darbtejn l-ammont tal-multa, filwaqt li l-kontijiet bankarji previsti u l-fondi disponibbli fl-2010 u fl-2011 kienu jirrappreżentaw iktar minn darbtejn u nofs l-ammont tal-multa. Dawn iż-żewġ elementi huma biżżejjed sabiex tiġi miċħuda t-talba li tinvoka l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas. Żewġ elementi oħra jikkonfermaw din iċ-ċaħda: ħruġ kunsiderevoli ta’ likwidità f’Marzu 2009, meta Trame silfet EUR 1.46 miljun lil Sunset SpA, kumpannija ta’ proprjetà immobbli miżmuma mill-istess azzjonisti, u ipoteka kkostitwita minn Trame fir-rigward tad-dejn tagħha fuq perijodu twil li l-ammont tagħha huwa ħafna iktar għoli mill-ammont li għadu ma tħallasx tas-self iggarantit, fejn din id-differenza sostanzjali tista’ tiffaċilita l-għoti ta’ kreditu supplimentari (premessi 1162 u 1163 tad-deċiżjoni kkontestata).

 2. L-argumenti tal-partijiet

351    Trame tikkontesta r-raġunijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata sabiex titwarrab it-talba tagħha sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas tagħha. L-ewwel nett, mill-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Mejju 2010 jirriżulta li l-ħlas ta’ multa ta’ EUR 3.2 miljun kien ser ikollu impatt sinjifikattiv fuq pożizzjoni finanzjarja diġà prekarja. Fl-assenza ta’ likwidità, Trame kellha żżid id-dejn tagħha sabiex tħallas il-multa u kien hemm għalhekk ir-riskju li l-korpi finanzjarji jirrevokaw il-krediti mogħtija. It-tieni nett, is-self mogħti lil Sunset kien self mogħti b’mod regolari lil kumpannija ta’ proprjetà immobbli miżmuma mill-istess azzjonisti li kien ittieħed inkunsiderazzjoni debitament fl-eżerċizzji ta’ kontabbiltà. Dan is-self ma jibdilx l-effetti tal-ħlas tal-multa fuq Trame. It-tielet nett, fir-rigward tal-ipoteka, Trame tosserva li d-differenza bejn is-somma msellfa u l-ammont iggarantit mill-ipoteka ma tikkostitwixxix prova tal-possibbiltà li jinkiseb self bankarju supplimentari, iżda tistabbilixxi biss l-istat ta’ insolvabbiltà ta’ Trame, li kienet meħtieġa tipprovdi garanzija ipotekarja b’valur ogħla mill-pretensjonijiet eventwali tal-kreditur. B’hekk, finanzjamenti supplimentari jistgħu jkunu ggarantiti biss permezz ta’ ipoteka fi grad sekondarju.

352    Barra minn hekk, Trame ssostni li l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 35 tal-Linji gwida tal-2006 huma ssodisfatti. Fid-dawl ta’ dan id-dejn għoli, multa li taggrava b’50 % l-pożizzjoni finanzjarja netta tal-grupp li diġà għandu defiċit tqiegħed, b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat, il-vijabbiltà ekonomika tagħha f’perikolu u ċċaħħad l-assi tagħha minn kull valur.

353    Trame ssostni wkoll ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi tqabbel it-trattament tas-sitwazzjoni tagħha ma’ dak mogħti lil CB u lil Itas, li kellhom rwol iktar importanti fl-akkordju. Fil-fatt, Trame, impriża ta’ daqs modest li kienet ikkonstatata l-parteċipazzjoni limitata tagħha fl-akkordju, kienet ikkundannata għal multa ogħla (EUR 3.2 miljun) minn CB (EUR 2.5 miljun) u Itas (EUR 0.8 miljun).

354    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u tirreferi essenzjalment għall-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

 3. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 a) Kunsiderazzjonijiet preliminari

 Punt 35 tal-Linji gwida tal-2006

355    Il-punt 35 tal-Linji gwida tal-2006 jikkonċerna l-impatt li l-kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża ssanzjonata għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE jista’ jkollha fuq il-kalkolu tal-multa li tista’ tiġi imposta fuqha. Dan il-punt huwa fformulat hekk:

“F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. Ebda tnaqqis tal-multa ma huwa ser jingħata f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni fuq is-sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew ta’ defiċit. Tnaqqis jista’ jingħata biss fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa, fil-kundizzjonijiet iffissati f’dawn il-Linji gwida, ser tqiegħed, b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat, il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata f’perikolu u ser twassal sabiex iċċaħħad l-assi tagħha minn kull valur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

356    Skont ġurisprudenza stabbilita, meta tadotta regoli ta’ kondotta bħalma huma linji gwida u meta tħabbar permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li ser tapplikahom minn dak il-mument għall-każijiet ikkonċernati minn dawn ir-regoli, il-Kummissjoni tkun qiegħda tirregola lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax titbiegħed minn dawn ir-regoli għaliex inkella tista’ tiġi ssanzjonata minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra, EU:C:2005:408, punt 211, u tat-12 ta’ Diċembru 2012, Ecka Granulate et non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, T‑400/09, EU:T:2012:675, punt 40).

357    Għandu jiġi osservat qabel kollox li tnaqqis tal-multa jista’ jingħata skont il-punt 35 ta-Linji gwida tal-2006 biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u fil-kundizzjonijiet li huma ddefiniti f’dawn il-linji gwida. B’hekk, minn naħa, għandu jintwera li l-multa imposta “ser tqiegħed, b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat, il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata f’perikolu u ser twassal sabiex iċċaħħad l-assi tagħha minn kull valur”. Min-naħa l-oħra, għandha tiġi stabbilita wkoll l-eżistenza ta’ “kuntest ekonomiku u soċjali partikolari”. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li dawn iż-żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet kienu ġew żviluppati minn qabel mill-qrati tal-Unjoni.

358    Fir-rigward tal-ewwel sett ta’ kundizzjonijiet, ġie deċiż li l-Kummissjoni, bħala prinċipju, ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ defiċit ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jkun ifisser li jkun qiegħed jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi li jkunu l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 356 iktar ’il fuq, EU:C:2005:408, punt 327, u Ecka Granulate et non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 356 iktar ’il fuq, EU:T:2012:675, punt 94).

359    Fil-fatt, jekk dan ikun il-każ, dawn l-impriżi jkunu qegħdin jiġu ffavorizzati għad-detriment ta’ impriżi oħra li jkunu iktar effikaċi u li jkunu mmexxija b’mod aħjar. Għalhekk, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew ta’ defiċit tal-impriża kkonċernata ma tistax tkun biżżejjed sabiex isservi ta’ bażi għal talba sabiex il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza tal-kapaċità ta’ ħlas tagħha bil-għan li tagħti tnaqqis tal-multa.

360    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li miżura meħuda minn awtorità tal-Unjoni tipprovoka l-falliment jew il-likwidazzjoni ta’ impriża ma huwiex ipprojbit, bħala tali, mid-dritt tal-Unjoni. Għalkemm tali operazzjoni tista’ tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-proprjetarji jew tal-azzjonisti, dan madankollu ma jfissirx li l-elementi personali, materjali u immaterjali rrappreżentati mill-impriża ser jitilfu huma wkoll il-valur tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra, EU:T:2004:118, punt 372, u Ecka Granulate et non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 356 iktar ’il fuq, EU:T:2012:675, punt 50).

361    Minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li s-sempliċi ipoteżi ta’ telf tal-valur tal-elementi personali, materjali u immaterjali rrappreżentati minn impriża, fi kliem ieħor tal-assi tagħha, tista’ tiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni, fl-iffissar tal-ammont tal-multa, tal-eventwalità tal-falliment jew tal-likwidazzjoni tagħha, sussegwentement għall-impożizzjoni ta’ din il-multa (sentenza Ecka Granulate et non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 356 iktar ’il fuq, EU:T:2012:675, punt 51).

362    Fil-fatt, il-likwidazzjoni ta’ kumpannija ma timplikax neċessarjament ix-xoljiment tal-impriża inkwistjoni. Din l-impriża tista’ tibqa’ teżisti bħala tali, jew fil-każ ta’ kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-kumpannija, jew fil-każ li l-elementi tal-assi tagħhom jgħaddu globalment taħt entità oħra. Dan it-tieni każ jista’ jseħħ jew b’xiri volontarju jew b’bejgħ forzat tal-assi tal-kumpannija bi tkomplija tal-operat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ecka Granulate et non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 356 iktar ’il fuq, EU:T:2012:675, punt 97).

363    Għaldaqstant, ir-riferiment magħmul fil-punt 35 tal-Linji gwida tal-2006 għall-fatt li l-assi tal-impriża kkonċernata jiġu mċaħħda minn kull valur għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għas-sitwazzjoni fejn it-trasferiment tal-impriża fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 362 iktar ’il fuq ikun jidher improbabbli, jekk mhux ukoll impossibbli. F’tali ipoteżi, l-elementi tal-assi ta’ din l-impriża jiġu offerti għall-bejgħ b’mod separat u jkun probabbli li ħafna minnhom ma jsibu ebda xerrej jew, l-iktar l-iktar, jinbiegħu bi prezz kunsiderevolment imnaqqas (sentenza Ecka Granulate et non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 356 iktar ’il fuq, EU:T:2012:675, punt 98).

364    Fir-rigward tat-tieni sett ta’ kundizzjonijiet, dwar l-eżistenza ta’ kuntest ekonomiku u soċjali partikolari, dan jirreferi, skont il-ġurisprudenza, għall-konsegwenzi li l-ħlas tal-multa jista’ jkollu, b’mod partikolari f’termini ta’ żieda fil-qgħad jew ta’ deterjorament tas-setturi ekonomiċi li jinsabu fi stadju preċedenti jew sussegwenti għall-impriża kkonċernata (sentenzi SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 102 iktar ’il fuq, EU:C:2006:433, punt 106, u Ecka Granulate et non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 356 iktar ’il fuq, EU:T:2012:675, punt 99).

365    Għalhekk, jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi msemmija preċedentement ikunu ssodisfatti, l-impożizzjoni ta’ multa li tirriskja li tikkawża x-xoljiment ta’ impriża tirriżulta kuntrarja għall-għan segwit mill-punt 35 tal-Linji gwida tal-2006. L-applikazzjoni tal-imsemmi punt għall-impriżi kkonċernati tikkostitwixxi, b’hekk, applikazzjoni konkreta tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-qasam ta’ sanzjonijiet ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ecka Granulate et non ferrum Metallpulver vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 356 iktar ’il fuq, EU:T:2012:675, punt 100).

366    Fl-aħħar nett, kif fakkret ġustament il-Kummissjoni quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorju kif ukoll, diversi drabi, fil-kuntest tal-proċeduri bil-miktub u orali quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li l-applikazzjoni tal-punt 35 tal-Linji gwida tal-2006 tikkostitwixxi l-aħħar element meħud inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tal-impriżi ssanzjonati taqa’ fil-ġurisdizzjoni sħiħa prevista fl-Artikolu 261 TFUE u fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

367    Fir-rigward tal-portata ta’ din il-ġurisdizzjoni, għandu jitfakkar li din tikkostitwixxi modalità ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni attwalment irrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u li jikkorrispondi, fid-dritt tal-Unjoni, għall-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra, EU:C:2011:815, punt 51; tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, Ġabra, EU:C:2012:684, punt 47, u tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, Ġabra, EU:C:2013:522, punt 36).

368    Skont il-ġurisprudenza, fil-fatt, l-osservanza tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma jeskludix li, fi proċedura ta’ natura amministrattiva, il-“piena” tiġi imposta l-ewwel minn awtorità amministrattiva. Madankollu, tali osservanza hija bbażata fuq il-preżunzjoni li d-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li ma tkunx tissodisfa hija stess il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB tkun suġġetta għal stħarriġ sussegwenti minn korp ġudizzjarju li jkollu ġurisdizzjoni sħiħa. Fost il-karatteristiċi ta’ korp ġudizzjarju li jkollu ġurisdizzjoni sħiħa, tinsab is-setgħa li jibdel fir-rigward tal-punti kollha, kemm fil-fatt u kemm fil-liġi, tad-deċiżjoni meħuda. Tali korp għandu b’mod partikolari jkollu ġurisdizzjoni sabiex jindirizza l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jkunu rilevanti għat-tilwima li jkollu quddiemu (sentenza Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 367 iktar ’il fuq, EU:C:2013:522, punt 35; ara s-sentenzi tal-Qorti EDB, Menarini Diagnostics vs L-Italja, n° 43509/08, § 59, 27 ta’ Settembru 2011, u Segame vs Franza, n° 4837/06, § 55, 7 ta’ Ġunju 2012, u l-ġurisprudenza ċċitata).

369    Barra minn hekk, l-assenza ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju ma huwiex indispensabbli li l-Qorti Ġenerali, għalkemm hija obbligata li twieġeb għall-motivi mqajma u li teżerċita stħarriġ kemm fid-dritt u kemm fil-fatt, tkun meħtieġa twettaq ex officio istruttorja ġdida sħiħa tal-proċess (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 367 iktar ’il fuq, EU:C:2011:815, punti 51 u 66).

370    B’hekk, bla ħsara għall-motivi ta’ ordni pubbliku li għandha teżamina u, jekk ikun il-każ, tqajjem ex officio, il-qorti tal-Unjoni għandha twettaq l-istħarriġ tagħha fuq il-bażi tal-elementi mressqa mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati u ma tistax tibbaża ruħha fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi sabiex tirrinunzja milli teżerċita stħarriġ fil-fond kemm fid-dritt u kemm fil-fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 367 iktar ’il fuq, EU:C:2011:815, punt 62).

371    Fl-aħħar nett, il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni sħiħa għandha, bħala prinċipju u bla ħsara għall-eżami tal-elementi li jkunu ppreżentati quddiemha mill-partijiet, tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni legali u fattwali li teżisti fid-data li fiha tagħti d-deċiżjoni tagħha meta tqis li huwa ġġustifikat li teżerċita s-setgħa tagħha li tibdel deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra, EU:C:1974:18, punti 51 u 52; tal-14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni, T‑275/94, Ġabra, EU:T:1995:141, punt 61; tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, Ġabra, EU:T:2011:560, punti 282 sa 285, u tas-27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il-Kummissjoni, T‑91/11, Ġabra, EU:T:2014:92, punt 157).

372    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali u fid-dawl tal-motivi ta’ fatt u ta’ liġi ppreżentati mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali li għandu jiġi evalwat ir-raġunament magħmul fid-deċiżjoni kkontestata.

 Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament

373    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa adegwat u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel l-inqas waħda oneruża, u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti (sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra, EU:C:1990:391, punt 13; tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra, EU:C:1998:192, punt 96, u Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 371 iktar ‘il fuq, EU:T:2011:560, punt 104).

374    Fil-kuntest tal-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni sabiex jiġi ssanzjonat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju timplika li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti, jiġifieri meta mqabbla mal-osservanza ta’ dawn ir-regoli, u li l-ammont tal-multa imposta fuq impriża minħabba ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni għandha tkun proporzjonata mal-ksur, evalwat fl-intier tiegħu, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu. B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l-Kummissjoni għandha tiffissa l-ammont tal-multa b’mod proporzjonat mal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u li l-Kummissjoni għandha, f’dan ir-rigward, tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenza Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 371 iktar ’il fuq, EU:T:2011:560, punt 105).

375    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 371 iktar ’il fuq, EU:T:2011:560, punt 102).

376    Dawn il-prinċipji japplikaw għall-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni evalwatx korrettament l-argumenti invokati insostenn ta’ talba sabiex, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas. F’dan il-każ, l-implementazzjoni ta’ dawn il-prinċipji hija ffaċilitata mill-fatt li ċ-ċirkustanzi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas huma identiċi minn impriża għal oħra, anki jekk is-sitwazzjonijiet finanzjarji tagħhom huma distinti (ara l-punt 345 sa 350 iktar ’il fuq). Dan japplika għall-elementi dwar is-solvenza u dwar il-likwidità ta’ impriża, dwar l-istruttura tal-bilanċ tagħha u dwar in-natura tal-azzjonisti tagħha.

 b) Analiżi

377    Fil-premessi 1162 u 1163 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 350 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ċaħdet it-talba ta’ Trame sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-allegata assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multa billi osservat li Trame kellha biżżejjed fondi sabiex tħallas multa li l-ammont tagħha kien ta’ EUR 3.2 miljun, fid-dawl b’mod partikolari tar-riżorsi disponibbli fi ħdan l-impriża jew tal-possibbiltajiet li tingħata kreditu supplimentari mill-banek.

378    Bl-istess mod, permezz tad-digriet tat-12 ta’ Lulju 2011, Emme vs Il-Kummissjoni (T‑422/10 R, EU:T:2011:349), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din id-deċiżjoni kienet immotivata min-nuqqas ta’ urġenza tat-talba għal miżuri provviżorji (ara l-punti 43 u 48 iktar ’il fuq).

379    Barra minn hekk, fit-tweġiba tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, Trame indikat, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra, li, fit-18 ta’ Novembru 2013, hija kienet ressqet quddiem il-Kummissjoni talba ġdida sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas tagħha minħabba s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha. Din it-talba kienet allegatament ikkompletata fl-20 u fl-24 ta’ Jannar 2014.

380    Matul is-seduta, il-partijiet indikaw li din it-talba kienet fl-aħħar mill-aħħar ġiet miċħuda mingħajr ma pprovdew informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja attwali tal-impriża. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li t-tweġiba tagħha kienet tikkonferma l-evalwazzjoni magħmula preċedentement fid-deċiżjoni kkontestata.

381    Fid-dawl tal-evalwazzjoni esposta fid-deċiżjoni kkontestata u fid-dawl tad-diversi argumenti u elementi ppreżentati mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li Trame ma stabbilixxietx li kienet tinsab f’sitwazzjoni fejn turi li ma hijiex f’pożizzjoni li tħallas multa ta’ EUR 3.2 miljun minħabba l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas tagħha.

382    Fil-fatt, kif indikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha minn Trame, fil-mument li fih il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni dwar l-ammont tal-multa, Trame kienet f’sitwazzjoni fejn setgħet tħallas l-ammont ta’ din il-multa.

383    Fl-ewwel lok, u inċidentalment, għandu jiġi osservat li, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti ta’ Trame fis-sens li l-pożizzjoni finanzjarja netta tagħha kienet fil-verità f’defiċit minħabba d-dejn kummerċjali u d-dejn finanzjarju fuq perijodu qasir, tirriżulta xorta waħda preċiża l-konstatazzjoni li l-bilanċ f’kontijiet bankarji u l-fondi disponibbli fi ħdan din l-impriża kienu pożittivi. Dan juri li Trame kienet dejjem f’pożizzjoni li tiġġenera dħul minħabba l-attività operazzjonali tagħha.

384    Fit-tieni lok, u prinċipalment, il-Kummissjoni ġustament qieset li Trame setgħet raġonevolment tikseb riżorsi supplimentari mingħand il-banek tagħha jew minn kumpannija oħra.

385    B’hekk, fir-rigward tal-kuntratt ta’ self b’ipoteka tal-11 ta’ Ottubru 2007 ma’ żewġ banek Taljani, li fir-rigward tiegħu dawn il-banek għandhom ipoteka għal ammont ta’ EUR 17.6 miljun, Trame ma tikkontestax li parti mis-self inizjali ta’ ammont inizjali ta’ EUR 8.8 miljun kienet diġà tħallset lura.

386    Fit-tweġibiet tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni tindika f’dan ir-rigward li, fil-31 ta’ Jannar 2011, Trame kienet ħallset lura somma ta’ EUR 2.5 miljun fir-rigward ta’ dan is-self b’ipoteka fuq perijodu ta’ 15-il sena li l-għan tiegħu kien li jsostni l-likwidità tal-impriża.

387    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni setgħet tqis li, minħabba din ir-relazzjoni kummerċjali bejn Trame u l-banek tagħha u fid-dawl tal-fatt li l-attività ta’ Trame kienet għadha tiġġenera dħul, anki f’sitwazzjoni ta’ kriżi, u fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija banek kellhom garanzija li tirrappreżenta d-doppju tas-somma mislufa, wieħed jew l-ieħor minn dawn il-banek kien ser jaċċetta li jipprovdi r-riżorsi neċessarji, kompletament jew parzjalment, lil Trame sabiex tħallas l-ammont tal-multa.

388    Meta l-partijiet sarulhom mistoqsijiet dwar in-natura effettiva ta’ tali ipoteżi ta’ riżerva ta’ finanzjament disponibbli, il-Kummissjoni indikat li tali ipoteżi kienet ikkonfermata mill-fatti peress li, fil-31 ta’ Jannar 2011, Trame kienet f’pożizzjoni li tikseb kreditu mingħajr garanzija ta’ EUR 2.5 miljun min-naħa ta’ wieħed miż-żewġ banek li kienu tawha s-self b’ipoteka. Min-naħa tagħha, Trame ma ressqet ebda argument ta’ natura tali li jikkontesta l-fondatezza ta’ tali ipoteżi.

389    Bl-istess mod, anki jekk jitqies li l-likwidità disponibbli ma tippermettix lil Trame tħallas il-multa, kien ukoll ġustament li l-Kummissjoni osservat, fid-deċiżjoni kkontestata, li Trame setgħet issib riżorsi supplimentari billi titlob li titħallsilha lura s-somma ta’ EUR 1.46 miljun li hija kienet silfet f’Marzu 2009 lil kumpannija ta’ proprjetà immobbli miżmuma mill-istess azzjonisti bħal Trame.

390    L-osservazzjonijiet ippreżentati minn Trame f’dan ir-rigward ma jippermettux, fil-fatt, li titwarrab kull possibbiltà għaliha li tirkupra din is-somma jew li tużaha sabiex tikseb finanzjament neċessarju sabiex tħallas il-multa. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tirriżultax li hija sproporzjonata iżda, għall-kuntrarju, hija konformi mal-informazzjoni ineżami.

391    Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta mqabbel mat-trattament mogħti lil CB u lil Itas, għandu jiġi osservat li s-sitwazzjoni ta’ kull waħda minn dawn l-impriżi mill-aspett finanzjarju hija differenti u li kien fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, u mhux fid-dawl tal-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni ta’ dawn l-impriżi fil-ksur, li l-Kummissjoni qieset li kien xieraq li jitnaqqas parzjalment l-ammont tal-multa inkwistjoni, ikkalkolat b’mod li tittieħed inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas ta’ kull waħda minn dawn l-impriżi.

392    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tqis, kif għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, li hija setgħet tiċħad it-talba ta’ Trame sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-allegata assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multa.

 c) Konklużjoni

393    Għaldaqstant, il-motiv dwar l-assenza ta’ kapaċità ta’ ħlas għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 I – Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn timponi multa jew għat-tnaqqis tal-ammont ta’ din il-multa, l-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u d-determinazzjoni tal-ammont tal-multa

394    Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija, skont l-Artikolu 261 TFUE, lill-Qorti Ġenerali permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tawtorizza lil din tal-aħħar, lil hinn minn sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li jippermetti biss li jiġi miċħud ir-rikors għal annullament jew li jiġi annullat l-att ikkontestat, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha u, b’hekk, tibdel l-att ikkontestat, anki jekk ma tannullahx, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha, billi tibdel b’mod partikolari l-multa imposta meta l-kwistjoni tal-ammont tagħha tkun suġġetta għall-evalwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra, EU:C:2007:88, punti 61 u 62, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra, EU:C:2009:505, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

395    Fit-talbiet tagħha, Trame titlob lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn timponilha multa jew tnaqqas l-ammont ta’ din il-multa.

396    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta diġà li l-punt 17 tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-aspett pan-Ewropew tal-ksur inkwistjoni mill-4 ta’ Marzu 1997 sad-9 ta’ Ottubru 2000, qieset li din il-parteċipazzjoni kienet tikkonċerna l-istrands bi tliet fili mill-4 ta’ Marzu 1997 sat-28 ta’ Frar 2000, u kkonstatat il-parteċipazzjoni tagħha fil-prattiki antikompetittivi għall-perijodu bejn it-30 ta’ Awwissu 2001 u l-10 ta’ Ġunju 2002. Għaldaqstant, hemm ukoll lok li l-Qorti Ġenerali tannulla l-punt 17 tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jimponi fuq Trame multa sproporzjonata sabiex tiġi ssanzjonata l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku mill-4 ta’ Marzu 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002; dan sa fejn din il-multa hija ddefinita fid-dawl tal-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-ksur previst fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

397    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha tiddetermina l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Trame fid-dawl tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur uniku.

398    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, min-natura tiegħu, l-iffissar ta’ multa mill-Qorti Ġenerali ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta mill-kalkoli tal-Kummissjoni u lanqas mil-Linji gwida tagħha meta tiddeċiedi bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iżda għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, Ġabra, EU:T:2011:560, punt 266 u l-ġurisprudenza ċċitata).

399    F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa maħsuba sabiex tiġi ssanzjonata l-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-ksur uniku, mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li, minbarra l-gravità tal-ksur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tiegħu, u mill-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni jirriżulta li s-sanzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ kull impriża responsabbli għall-ksur fir-rigward ta’ dan il-ksur. Dan għandu jkun b’mod partikolari l-każ meta jkun hemm ksur kumpless u li jkun dam ħafna tat-tip bħal dak iddefinit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li huwa kkaratterizzat min-natura eteroġenea tal-parteċipanti.

400    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa f’loku li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi segwenti.

401    Fl-ewwel lok, mill-proċess jirriżulta b’mod suffiċjenti għall-finijiet ta’ prova li Trame pparteċipat f’diversi laqgħat tal-club Italia, li rrigwardaw l-attribuzzjoni ta’ kwoti u l-iffissar ta’ prezzijiet fis-suq Taljan. Tali arranġamenti huma, minħabba n-natura tagħhom stess, fost l-iktar restrizzjonijiet gravi tal-kompetizzjoni. Il-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-club Italia mill-4 ta’ Marzu 1997 sad-19 ta’ Settembru 2002 hija element essenzjali għall-evalwazzjoni tas-sanzjoni. F’dan ir-rigward, għandu madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, għal perijodu ta’ madwar disa’ xhur, mit-30 ta’ Awwissu 2001 sal-10 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt li Trame kienet effettivament ipparteċipat fil-prattiki antikompetittivi tal-club Italia (ara l-punti 288 sa 296 iktar ’il fuq).

402    Fit-tieni lok, jista’ jitqies li, b’effett mit-28 ta’ Frar 2000, Trame pparteċipat fi ħdan il-club Italia fi prattiki antikompetittivi li ma kinux jikkonċernaw biss l-istrands b’seba’ fili, iżda wkoll, minn tal-inqas, l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar l-istrands bi tliet fili. Madankollu, ma huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti li, qabel din id-data, Trame kienet taf jew kien imissha kienet taf li l-istrands bi tliet fili kienu wkoll is-suġġett ta’ diskussjonijiet fi ħdan il-club Italia (ara l-punti 194 sa 197 iktar ’il fuq).

403    Fit-tielet lok, jista’ jitqies li, b’effett mid-9 ta’ Ottubru 2000, Trame kienet taf jew kien imissha kienet taf li, bil-parteċipazzjoni tagħha fil-club Italia, hija kienet qiegħda tieħu sehem f’sistema iktar globali li kienet tinkludi diversi livelli u li l-għan tagħha kien li jiġi stabbilizzat is-suq tal-APS fil-livell pan-Ewropew sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-prezzijiet (ara l-punti 144 u 145 iktar ’il fuq). Għalhekk, kien biss fi stadju tardiv, jew fi kwalunkwe każ fi stadju iktar avvanzat milli fil-każ tal-impriżi l-oħra, li Trame saret taf bil-ksur uniku li qiegħda takkużaha bih il-Kummissjoni.

404    Fl-istess ħin, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li Trame kienet ipparteċipat fil-ftehim tan-Nofsinhar, fil-club España jew fil-koordinazzjoni dwar il-klijent Addtek, li jikkostitwixxu aspetti essenzjali tal-ksur uniku, bħalma lanqas ma pparteċipat fl-aspett estern tal-club Italia, li fih Trame ma setgħetx tipparteċipa peress li ma kinitx tesporta barra mill-Italja lejn it-territorju ta’ Stat wieħed jew iktar ikkonċernati mill-ksur uniku.

405    Fir-raba’ lok, miċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami jirriżulta li l-parteċipazzjoni ta’ Trame fl-akkordju tippreżenta ċerti karatteristiċi partikolari li jiddistingwuha minn dik ta’ impriżi oħra, bħalma huma l-atturi prinċipali tal-club Italia, jew l-operaturi tal-club Europe, li kienu jintervjenu fil-livelli kollha u fit-territorji kollha. B’hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod speċjali l-fatt li Trame operat fil-periferija tal-akkordju u li l-parteċipazzjoni tagħha kienet limitata bħala tali, kemm fi ħdan il-club Italia u kemm barra mill-Italja, fatt dan li kien magħruf mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju (ara l-punti 318 sa 324 iktar ’il fuq).

406    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li multa ta’ ammont ta’ EUR 5 miljun tippermetti li l-aġir illegali ta’ Trame jiġi ssanzjonat b’mod effikaċi u b’mod li ma huwiex negliġibbli u li jibqa’ suffiċjentement dissważiv. Kull multa ikbar minn dan l-ammont tkun sproporzjonata fid-dawl tal-ksur li hija akkużata bih, evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-parteċipazzjoni ta’ Trame fil-ksur uniku.

407    Madankollu, minħabba l-limitu massimu legali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont finali tal-multa imposta fuq Trame fil-punt preċedenti ma jistax ikun ta’ iktar minn EUR 3.249 miljun.

408    Għaldaqstant, l-ammont tal-multa imposta fuq Trame għandu jkun iffissat għal EUR 3.249 miljun.

409    Barra minn hekk, ma hemmx lok għall-Qorti Ġenerali li twieġeb għat-talba għat-taħrika u għall-eżami ta’ rappreżentant ta’ Tréfileurope Italia matul l-akkordju, peress li din il-miżura ma tidhirx li hija neċessarja għall-eżitu tal-kawża fir-rigward tal-kontenut tad-dikjarazzjoni ppreżentata f’dan ir-rigward minn Trame quddiem il-Qorti Ġenerali, tal-osservazzjonijiet tal-partijiet u tal-provi inklużi fil-proċess.

410    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

411    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

412    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, għandu jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha fir-rigward tal-Kawża T‑422/10. Trame għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Kawża T‑422/10 R.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 17 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011, hija annullata sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Trafilerie Meridionali SpA, li kienet Emme Holding SpA, fl-aspett pan-Ewropew tal-ksur inkwistjoni mill-4 ta’ Marzu 1997 sad-9 ta’ Ottubru 2000, qieset li din il-parteċipazzjoni kienet tikkonċerna l-istrands bi tliet fili mill-4 ta’ Marzu 1997 sat-28 ta’ Frar 2000, u kkonstatat din il-parteċipazzjoni fil-prattiki antikompetittivi fir-rigward tal-perijodu bejn it-30 ta’ Awwissu 2001 u l-10 ta’ Ġunju 2002.

2)      Il-punt 17 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C (2010) 4387 finali, kif emendata bid-Deċiżjoni C (2010) 6676 finali u bid-Deċiżjoni C (2011) 2269 finali, huwa annullat.

3)      L-ammont tal-multa imposta fuq Trame huwa ffissat għal EUR 3.249 miljun.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha fir-rigward tal-Kawża T‑422/10.

6)      Trafilerie Meridionali għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Kawża T‑422/10 R.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.