Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Lulju 2015 – Trafilerie Meridionali vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-422/10) 1

(“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing – Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Ksur uniku, kumpless u kontinwu – Proporzjonalità – Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet – Ġurisdizzjoni sħiħa”)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Trafilerie Meridionali SpA, li kienet Emme Holding SpA (Pescara, l-Italja) (rappreżentanti: G. Visconti, E. Vassallo di Castiglione, M. Siragusa, M. Beretta u P. Ferrari, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment B. Gencarelli u V. Bottka, sussegwentement V. Bottka u R. Striani, u finalment V. Bottka u G. Conte, aġenti, assistiti minn P. Manzini, avukat)

Suġġett

Talba għall-annullament u għall-bidla tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011.

Dispożittiv

Il-punt 17 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011, hija annullata sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Trafilerie Meridionali SpA, li kienet Emme Holding SpA, fl-aspett pan-Ewropew tal-ksur inkwistjoni mill-4 ta’ Marzu 1997 sad-9 ta’ Ottubru 2000, qieset li din il-parteċipazzjoni kienet tikkonċerna l-istrands bi tliet fili mill-4 ta’ Marzu 1997 sat-28 ta’ Frar 2000, u kkonstatat din il-parteċipazzjoni fil-prattiki antikompetittivi fir-rigward tal-perijodu bejn it-30 ta’ Awwissu 2001 u l-10 ta’ Ġunju 2002.Il-punt 17 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C (2010) 4387 finali, kif emendata bid-Deċiżjoni C (2010) 6676 finali u bid-Deċiżjoni C (2011) 2269 finali, huwa annullat. L-ammont tal-mulsta imposta fuq Trame huwa ffissat għal EUR 3.2 miljuni.Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha fir-rigward tal-Kawża T-422/10.Trafilerie Meridionali għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Kawża T-422/10 R.

____________

1 ĠU C 317, 20.11.2010.