Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Settembru 2010 - Emme vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-422/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Emme Holding SpA (Pescara, l-Italja) (rappreżentanti: G. Visconti, E. Vassallo di Castiglione, M. Siragusa, M. Beretta, P. Ferrari, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla jew tnaqqas il-multa imposta mill-Kummissjoni fuq Emme Holding permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 (Każ COMP/38344) - Azzar użat għall-prestressing;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata f'din il-kawża hija l-istess waħda inkwistjoni fil-Kawża T-385/10, Arcelormittal Wire France et vs Il-Kummissjoni.

B'mod partikolari r-rikorrenti ssostni:

li ma huwiex ġustifikat li hija tiġi attribwita r-responsabbiltà għal ksur uniku u kontinwat ikkostitwit mill-kollettività tal-akkordji Ewropej (il-club Europa) u nazzjonali/reġjonali (il-club Italia, il-club España u l-Ftehim tan-Nofsinhar). Fil-fatt, hija qatt ma pparteċipat (b'mod attiv jew passiv) fuq il-livell Ewropew tal-ksur allegat. Bl-istess mod, Trame ma kinitx taf bl-eżistenza eventwali ta' akkordji reġjonali jew nazzjonali f'pajjiżi oħra minbarra l-Italja.

li d-deċiżjoni tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kejbils b'7 wajers kif ukoll il-kejbils bi 2 jew 3 wajers. Ir-rikorrenti min-naħa l-oħra tenfasizza li l-kejbils bi 3 wajers qatt ma kienu s-suġġett ta' akkordju fl-ambitu tal-club Italia. Id-dħul mill-bejgħ iġġenerat minn dan il-prodott ma għandux għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-multa.

Ir-rikorrenti titlob ukoll tnaqqis tal-multa abbażi tal-parteċipazzjoni marġinali tagħha fil-ksur allegat kif ukoll abbażi tan-nuqqas ta' kapaċità kontributtiva tagħha.

____________