Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Frar 2012 - Meskarian vs Il-Kunsill

(Kawża T-71/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Mohammed Reza Meskarian (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: S. Zaiwalla, P. Reddy u F. Zaiwalla, Solicitors, D. Wyatt, QC (Queen's Counsel), u R. Blakeley, Barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla rispettivament il-punti 13 tat-Tabella A tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK2 u tat-Tabella A tal-Anness għar-Regolament tal-Kunsill Nru 1245/20114, sa fejn dawn japplikaw għalih;

tiddikjara li l-Artikoli 19(1)(b) u 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK kif ukoll l-Artikolu 16(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 ma japplikawx għalih;

tiddikjara li l-annullament tal-atti kkontestati jieħu effett b'mod immedjat, indipendentement mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

Fil-kuntest tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma huwiex kompetenti sabiex jimponi l-iffriżar ta' fondi u projbizzjoni ta' safar abbażi tal-politika esterna u ta' sigurtà komuni (PESK) f'sitwazzjoni interna għall-Unjoni Ewropea.

Fil-kuntest tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-kriterji ta' inklużjoni stabbiliti mid-Deċiżjoni 2010/413/PESK u mir-Regolament Nru 961/2010, ma humiex sodisfatti f'dan il-każ.

Fil-kuntest tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi kontrih tmur manifestament kontra d-drittijiet fundamentali tiegħu u d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità.

Fil-kuntest tar-raba' motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-miżuri restrittivi adottati kontrih jiksru l-obbligi proċedurali imposti fuq il-konvenut kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent.

Fil-kuntest tal-ħames motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Qorti Ġenerali għandha tannulla l-inklużjoni tiegħu fil-każ fejn din tilqa' lil wieħed jew lill-ieħor mir-rikorsi ppreżentati mill-Persia International Bank jew mill-Bank Mellat intiżi għall-annullament tal-inklużjoni tagħhom stess.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta' Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 71)

2 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta' Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11)

3 - Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta' Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39).

4 - Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta' Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1).