Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Frar 2012 - Sina Bank vs Il-Kunsill

(Kawża T-67/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Sina Bank (Teheran, l-Iran) (rappreżentanti: B. Mettetal u C. Wucher-North, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-punt 8 tat-Tabella B tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 kif emendat, kif stabbilit fl-Anness tar-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011 2 sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla l-punt 8 tat-Tabella B tal-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK kif emendata, kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK  sa fejn huwa relatat mar-rikorrenti;

tannulla l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 961/2010 kif implementat bir-Regolament Nru 1245/2011, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla l-Artikolu 19(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/783/PESK, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla l-ittra dwar deċiżjoni tal-5 ta' Diċembru 2011; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq li:

ir-rikorrenti ma għandhiex konnessjoni mal-interessi tad-"Daftar" u ma tikkontribwixxix għall-finanzjament tal-hekk imsejħa interessi strateġiċi "tar-reġim", jew tal-allegat programm nukeari tiegħu. Għalhekk, il-kriterji sostantivi tal-indikazzjoni taħt id-Deċiżjoni 2010/413/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/783/PESK u li permezz tagħha l-Kunsill iżomm isem ir-rikorrenti f'dawn il-listi, ma humiex osservati fir-rigward tar-rikorrenti, u għalhekk il-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni meta ddetermina jekk dawn il-kriterji kinux ġew sodisfatti jew le. Barra minn hekk, il-Kunsill ukoll naqas milli japplika korrettament it-test rilevanti;

It-tieni motiv, ibbażat fuq li:

l-indikazzjoni tar-rikorrenti fil-lista tikser il-prinċipju fundamentali ta' trattament ugwali;

It-tielet motiv, ibbażat fuq li:

billi żamm isem ir-rikorrenti fil-lista, il-Kunsill kiser ir-rekwiżiti proċedurali li jingħataw raġunijiet xierqa kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 2010/413/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni 783/2011/PESK u kif implementata bir-Regolament Nru 1245/2011, u li permezz tagħha r-rikorrenti tibqa' fil-lista, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva;

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq li:

l-indikazzjoni tar-rikorrenti tikser id-drittijiet ta' proprjetà tar-rikorrenti u l-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________

1 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta' Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11)

2 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta' Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 71).