Language of document : ECLI:EU:T:2014:348





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2014 – Sina Bank vs Il-Kunsill

(Kawża T‑67/12)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Rikors għal annullament – Atti li ma jistgħux jiġu kkontestati – Inammissibbiltà – Drittijiet tad-difiża”

1.                     Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità – Portata – Artikoli 19 (1)(b) u 20(1)(b), tad-Deċiżjoni 2010/413 – Esklużjoni (Artikolu 275 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, Artikoli 19(1)(b) u 20(1)(b))(ara l-punti 38-40, 47-49)

2.                     Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Regolamenti tal-Kunsill adottati fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni u li jipprevedu miżuri restrittivi kontra l-Iran – Atti li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Assenza ta’ interess dirett u individwali – Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010, Artikolu 16(2))(ara l-punti 41-43)

3.                     Dritt tal-Unjoni Ewropea – Drittijiet fundamentali – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Persuni ġuridiċi li jikkostitwixxu organizzazzjonijiet governattivi jew organi Statali – Inklużjoni (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unoni Ewropea) (ara l-punti 58, 60-62)

4.                     Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi – Drittijiet tad-difiża – Komunikazzjoni tal-provi kontra – Deċiżjoni sussegwenti li żammet l-isem tar-rikorrent fil-lista tal-persuni previsti minn dawn il-miżuri – Bażi ta’ din id-deċiżjoni fuq elementi ġodda li ma dehrux fid-deċiżjoni inizjali – Ksur tad-dritt ta’ smigħ (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a)); Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 1245/2011)(ara l-punti 66-78)

Suġġett

Talba għall-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 71), sa fejn din żammet, wara eżami mill-ġdid, l-iskrizzjoni tal-isem tar-rikorrenti fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/CFSP, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010 (ĠU L 281, p. 81), kif ukoll mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11) sa fejn din żammet, wara eżami mill-ġdid, l-iskrizzjoni tal-isem tar-rikorrenti fl-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), u, it-tieni nett, tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 kif ukoll tal-Artikolu 19(1)(b) u tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw lir-rikorrenti.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala li ġie ippreżentat quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu, sa fejn intiż għall-annullament tal-Artikolu 19(1)(b) u tal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK, u bħala inammissibbli, sa fejn intiż għall-annullament tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007.

2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, sa fejn dawn l-atti żammew, wara eżami mill-ġdid, l-iskrizzjoni tal-isem ta’ Sina Bank fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK, u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, rispettivament, huma annullati.

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati erba’ minn ħames partijiet tal-ispejjeż tiegħu stess u tal-ispejjeż ta’ Sina Bank.

4)

Sina Bank għandha tbati parti waħda minn ħames partijiet tal-ispejjeż tagħha stess u tal-ispejjeż tal-Kunsill.