Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta' Awwissu 2011 minn Carlo De Nicola mis-sentenza mogħtija fit-28 ta' Ġunju 2011 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-49/10, De Nicola vs BEI

(Kawża T-418/11 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Carlo De Nicola (Strassen, il-Lussemburgu) (rappreżentant: L. Isola, avukat)

Appellat: Il-Bank Ewropew tal-Investimenti

Talbiet

L-appellant jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tbiddel is-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-28 ta' Ġunju 2011 fil-Kawża F-49/10, dwar:

l-annullament tad-deċiżjoni li tinsab fil-messaġġ elettroniku tal-11 ta' Mejju 2010, sa fejn il-BEI ma ppermettix li titkompla l-proċedura amministrattiva u impedixxa l-konċiljazzjoni bonarja tal-kwistjoni, billi rrifjuta impliċitament li jirrimborsa l-ispejjeż mediċi fl-ammont ta' EUR 3000;

tikkundanna lill-BEI jħallas is-somma ta' EUR 3000 imħallsa mill-appellant għal trattament bil-laser li ġie preskritt lilu u li twettaq fl-Italja, bl-interessi u l-kumpens għad-deprezzament monetarju u l-ispejjeż tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tat-talbiet tiegħu, l-appellant jinvoka l-aggravji li ġejjin.

A)     Fuq il-fatti

L-appellant ilmenta li waħda mit-talbiet tiegħu kienet żnaturata u li, fuq it-talba l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ppronunċjax ruħu.

Huwa wkoll ilmenta l-pożizzjoni privileġġjata rriżervata għall-istituzzjoni li, għal darb'oħra, sempliċement affermat ċerti fatti, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mbagħad qies li kienu pprovati.

B)     Fuq it-talba għal annullament

L-appellant talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-11 Mejju 2010, ikkomunikata lilu bil-posta elettronika, sa fejn il-BEI rrifjuta li jaħtar it-tielet tabib, irrifjuta li jibda l-proċedura ta' konċiljazzjoni prevista fl-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal, u rrifjuta li jirrimborsa lilu s-somma ta' EUR 3000 mħallsa mill-appellant għal trattament bil-laser li ġie preskritt lilu u li twettaq fl-Italja.

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddikjara inammissibbli l-parti tat-talba dwar ir-rifjut li jinħatar it-tielet tabib, billi assuma li l-appellant kellu jikkontesta deċiżjoni ineżistenti tal-24 ta' Marzu 2008, mingħajr ma spjega r-rabta bejn id-deċiżjoni kkontestata u dak li hu jikkunsidra bħala li jikkawża preġudizzju u mingħajr ma speċifika skont liema regoli l-opinjoni attribwita lill-uffiċjal mediku tal-BEI saret deċiżjoni ta' rifjut mill-BEI.

L-appellant isostni li l-opinjoni inkwistjoni, peress li hija att intern fil-proċedura, ma taffettwax ħażin id-dritt u ma tistax tiġi kkontestata b'mod indipendenti.

It-Tribunal fl-ewwel istanza, madankollu, qaleb id-deċiżjonijiet ġurisprudenzjali preċedenti u qies xieraq li jintroduċi terminu ta' tliet xhur għall-preżentata ta' appell minn kull att intern fil-proċedura, billi stabbilixxa li t-terminu li fih titressaq azzjoni quddiem il-qorti jibda jiddekorri mill-istess data li fiha l-membru tal-persunal jippreżenta t-talba, indipendentement mill-adozzjoni ta' provvedimenti u mingħajr lanqas ikun jaf il-motivazzjoni.

L-appellant jikkontesta s-sistema sħiħa ta' regoli li, prevista għall-istituzzjonijiet pubbliċi, li t-Tribunal fl-ewwel istanza qed jassumi li japplikaw għall-BEI, li huwa organizzat bħala bank privat u li l-membri tal-persunal tiegħu għandhom kuntratti ta' xogħol li jaqgħu taħt id-dritt privat. Minn dan isegwi li l-atti li jirrigwardaw lill-membri tal-persunal ma humiex atti amministrattivi u ma jikkostitwixxux l-eżerċizzju tal-poter pubbliku, ma humiex awtorevoli u ma jgawdu l-ebda preżunzjoni ta' leġittimità. Għalhekk, ma teżisti ebda analoġija mal-uffiċjali pubbliċi, u lanqas ma huwa neċessarju li tiġi assenjata stabbiltà immedjata lill-atti organizzattivi adottati fl-istess kuntest ta' kwalunkwe bank privat.

Barra minn hekk, l-appellant jilmenta dwar l-illoġiċità tal-motivazzjoni tas-sentenza fil-parti tagħha fejn eskludiet żball skużabbli tiegħu u attribwixxiet l-għarfien tiegħu ta' att li kien ġie nnotifikat biss lill-avukat tiegħu.

Fl-aħħar nett huwa jilmenta li fi kwalunkwe sistema legali, l-att li jkun null jista' jiġi kkontestat fi kwalunkwe mument u mhux biss fiż-żmien qasir ipprovdut għal revoka tal-atti annullabbli.

Fir-rigward tal-proċedura ta' konċiljazzjoni prevista fl-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-appellant issostni li din ma hijiex kundizzjoni proċedurali, madankollu b'mod illeġittimu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qed jekwiparaha mar-rikors amministrattiv li għandu jiġi ppreżentat mill-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, rikors amministrattiv li huwa obbligatorju u li jiddefinixxi l-portata tal-konjizzjoni ulterjuri tal-qorti.

Fir-rigward tar-rifjut li tinbeda l-imsemmija proċedura ta' konċiljazzjoni, l-appellant isostni li d-deċiżjoni tat-Tribunal tas-Servizz Pubbliku hija illeġittima peress li l-bank qatt ma jista' jirrifjuta l-imsemmija proċedura.

Minn dan isegwi, minn naħa, li l-ebda motivazzjoni tista' leġittimament issostni dan ir-rifjut u, min-naħa l-oħra, li mat-talba li tintlaqa' tal-membru tal-persunal għandha twassal għar-responsabbiltà aggravata tal-bank u mingħajr ebda dubju l-kkundanna għall-ħlas tal-ispejjeż tal-kawża.

Fir-rigward tar-rifjut impliċitu li jirrimborsa l-ispejjeż tat-trattament bil-laser, De Nicola jsostni li nuqqas ta' motivazzjoni huwa sinjal ċar ta' abbuż ta' poter, peress li r-rimbors ma jistax leġittimament jiġi rrifjutat barra fi tliet każijiet biss, filwaqt li n-nuqqas ta' att formali li jikkostitwixxi nullità assoluta li, bħala tali, jista' jiġi kkontestat fi kwalunkwe mument.

Fl-aħħar nett, għandu ċertament titqies li hija illeġittima d-deċiżjoni li biha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas li jiddeċiedi, peress li assuma li ma kellux l-elementi neċessarji.

C)     Fuq it-talba għal kundanna

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li din it-talba hija inammissibbli minħabba lis pendens, fejn il-lis pendens ma hijiex prevista mir-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, huwa ma spjegax kif jista' jkun hemm identiċità fit-talbiet bejn kawża li pendenti fl-ewwel istanza u kawża li pendenti fl-appell, lanqas ma ċċara kif u min kien ipprova l-fatti li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni.

Fl-aħħar nett, l-appellant isostni li l-fatt li jintlaqa' l-appell u tinbidel is-sentenza kkontestata jwassal għal deċiżjoni ġdida dwar l-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-proċedura fl-ewwel istanza.

____________