Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2016 – Sharif University of Technology vs Il-Kunsill

(Kawża T-52/15) 1

(“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi diretti kontra l-Iran bil-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Appoġġ lill-Gvern Iranjan – Attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku fil-qasam militari jew f’oqsma marbuta miegħu – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Żball ta’ liġi u żball ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità – Użu ħażin ta’ poter – Talba għad-danni”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Sharif University of Technology (Tehran, l-Iran) (rappreżentant: M. Happold, barrister)

Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Piessevaux u M. Bishop, aġenti)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/776/PESK, tas-7 ta’ Novembru 2014, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 325, p. 19), sa fejn din inkludiet l-isem tar-rikorrenti fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1202/2014, tas-7 ta’ Novembru 2014, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 325, p. 3), sa fejn dan inkluda l-isem tar-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni bl-interessi.

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud.

Sharif University of Technology għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

____________

1 ĠU C 138, 27.4.2015.