Language of document : ECLI:EU:T:2016:254

Kawża T‑52/15

Sharif University of Technology

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi diretti kontra l-Iran bil-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Appoġġ lill-Gvern Iranjan – Attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku fil-qasam militari jew f’oqsma marbuta miegħu – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Żball ta’ liġi u żball ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità – Użu ħażin ta’ poter – Talba għad-danni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tat-28 ta’ April 2016

1.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Appoġġ lill-Gvern Iranjan – Kunċett – Neċessità ta’ rabta kawżali bejn l-aġir li jikkostitwixxi appoġġ lill-Gvern Iranjan u t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari – Assenza

[Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK, Artikolu 20(1)(b) u (c), u 2012/35/PESK, premessa 13; Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, Artikolu 23(2)(a) u (d)]

2.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Appoġġ lill-Gvern Iranjan – Kunċett – Attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp teknoloġiku fil-qasam militari u fl-oqsma marbuta miegħu – Inklużjoni – Kundizzjoni

[Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK, Artikolu 1(1)(c) u 20(1)(c); Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, Artikolu 5(1)(a) u 23(2)(d)]

3.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Restrizzjoni tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u ta’ informazzjoni – Restrizzjoni tad-dritt għall-edukazzjoni – Restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 11, 14, 17(1) u 52(1); Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2014/776/PESK ; Regolamenti tal-Kunsill Nru 267/2012 u Nru 1202/2014)

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(Artikolu 340, it-tieni paragrafu, TFUE)

1.      Fir-rigward tal-miżuri restrittivi adottati kontra l-Iran, bħall-iffriżar tal-fondi tal-entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern Iranjan, il-kriterju marbut mal-provvista ta’ appoġġ lill-imsemmi Gvern ma jimplikax li għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn it-tmexxija kostituttiva ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan u t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari.

Ċertament, l-imsemmi kriterju msemmi ma jirrigwardax il-forom kollha ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan, iżda l-forom ta’ appoġġ li, permezz tad-daqs kwantitattiv jew kwalitattiv tagħhom, jikkontribwixxu għat-tkomplija tal-attivitajiet nukleari Iranjani. B’hekk, interpretat, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, fid-dawl tal-għan li jikkonsisti f’li ssir pressjoni fuq il-Gvern Iranjan sabiex jiġi mġiegħel itemm l-attivitajiet tiegħu li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni nukleari, il-kriterju ta’ appoġġ lill-Gvern jiddefinixxi b’mod oġġettiv lil kategorija ddefinita ta’ persuni u ta’ entitajiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi.

Fil-fatt, fid-dawl tal-finalità tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, jirriżulta b’mod inekwivoku mill-kriterju ċċitat iktar ’il fuq li dan jirrigwarda b’mod immirat u selettiv attivitajiet proprji tal-persuna jew tal-entità kkonċernata u li, anki jekk dawn ma jkollhomx, bħala tali, rabta diretta jew indiretta mal-proliferazzjoni nukleari, huma madankollu jistgħu jiffavorixxuha, billi jipprovdu lill-Gvern Iranjan riżorsi jew faċilitajiet b’mod partikolari ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika li jippermettulu jwettaq l-attivitajiet ta’ proliferazzjoni.

Madankollu, il-kunċett ta’ “appoġġ lill-Gvern Iranjan” ma jimplikax il-prova ta’ rabta bejn dan l-appoġġ u l-attivitajiet nukleari tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ma għandux jitfixkel, minn naħa, il-kriterju marbut mal-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan, stabbilit fl-Artikolu 20(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2010/413 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u, min-naħa l-oħra, il-kriterju marbut mal-provvista ta’ “appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni tal-Iran jew għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari”, stabbilit fl-Artikolu 20(1)(b) ta’ din id-deċiżjoni u fl-Artikolu 23(2)(a) ta’ dan ir-regolament. Issa, l-applikazzjoni tal-ewwel kriterju ma timplikax l-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ rabta anki indiretta mal-attivitajiet nukleari tal-Iran, rikjesta għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni kriterju msemmi iktar ’il fuq, marbut mal-provvista ta’ appoġġ għall-attivitajiet nukleari tal-Iran.

Fil-fatt, fir-rigward tal-kriterju marbut mal-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan, jirriżulta b’mod espliċitu mill-premessa 13 tad-Deċiżjoni 2012/35 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK, li introduċiet dan il-kriterju fl-Artikolu 20(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2010/413, li l-Kunsill, filwaqt li kkunsidra li l-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan setgħet tiffavorixxi t-twettiq ta’ attivitajiet nukleari li jippreżenta riskju ta’ proliferazzjoni jew ta’ żvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari, kellu l-iskop li jwessa’ l-kriterji ta’ inklużjoni fil-listi billi jestendi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi għall-persuni u entitajiet li jappoġġjaw lill-imsemmi Gvern, mingħajr ma jirrikjedi li dan l-appoġġ ikun marbut direttament jew indirettament ma’ tali attivitajiet.

B’hekk, l-eżistenza ta’ rabta bejn il-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan u t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari hija stabbilita espressament mil-leġiżlazzjoni applikabbli. F’dan il-kuntest, il-kriterju marbut mal-provvista ta’ appoġġ lil-Gvern Iranjan għandu jinftiehem fis-sens li jirrigwarda kull appoġġ li, għalkemm ma għandu l-ebda rabta mal-iżvilupp tal-proliferazzjoni nukleari, jista’ madankollu, bil-portata kwantitattiva jew kwalitattiva tiegħu, jiffavorixxi tali żvilupp, billi jipprovdi lill-Gvern Iranjan riżorsi jew faċilitajiet b’mod partikolari ta’ natura materjali, finanzjarja jew loġistika. Għaldaqstant, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta bejn it-tmexxija kostituttiva ta’ appoġġ u l-faċilitazzjoni tal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari, peress li tali rabta hija stabbilta mir-regoli ġenerali applikabbli.

(ara l-punti 49-54)

2.      Mid-Deċiżjoni 2010/413 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u mir-Regolament Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, jirriżulta li jistgħu jiġu adottati miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni jew entitajiet li jikkontribwixxu għall-akkwist mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran, fil-qasam militari jew fl-oqsma marbuta miegħu, ta’ oġġetti u ta’ teknoloġiji pprojbiti jew li jipprovdu assistenza teknika inkonnessjoni ma’ dawn l-oġġetti u dawn it-teknoloġiji. Fil-fatt, ir-rabta bejn dawn tal-aħħar u l-proliferazzjoni nukleari hija stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-regoli ġenerali tad-dispożizzjonijiet applikabbli.

B’mod partikolari, l-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2010/413 jipprojbixxi l-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran ta’ armamenti u ta’ materjal konness ta’ kull tip, inklużi l-vetturi u t-tagħmir militari. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 267/2012, hija pprojbita l-provvista, b’mod dirett jew indirett, ta’ assistenza teknika inkonnessjoni mal-oġġetti u t-teknoloġiji elenkati fil-lista komuni tat-tagħmir militari tal-Unjoni Ewropea, adottata mill-Kunsill jew marbuta mal-provvista, mal-fabbrikazzjoni, mal-manutenzjoni jew mal-użu tal-oġġetti li jinsabu f’din il-lista, lil kull persuna, lil kull entità jew lil kull organu Iranjani, jew għall-finijiet ta’ użu fl-Iran. B’hekk, billi pprovda għal tali projbizzjoni fir-rigward ta’ ċertu tagħmir militari, fil-kuntest tar-Regolament Nru 267/2012, il-leġiżlatur stabbilixxa rabta bejn l-akkwist mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran ta’ dan it-tip ta’ tagħmir u t-twettiq mill-Gvern Iranjan ta’ attivitajiet nukleari li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni jew ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari.

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mir-riżoluzzjonijiet 1737 (2006) u 1929 tal-Kunsill tas-Sigurtà, msemmija rispettivament fil-premessi 1 u 4 tad-Deċiżjoni 2012/35 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK. Fil-fatt, ir-regoli ġenerali tal-Unjoni li jipprovdu għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi għandhom jiġu interpretati fid-dawl tat-test u tal-għan tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li huma jimplementaw. Issa, iż-żewġ riżoluzzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jagħmlu riferiment għall-adozzjoni ta’ miżuri maħsuba sabiex jostakolaw l-iżvilupp mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran ta’ teknoloġiji sensittivi bħala appoġġ għall-programmi tagħha nukleari u tal-missili. B’mod partikolari, fil-listi tat-tagħmir u t-teknoloġiji li l-provvista tagħhom lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran hija pprojbita mill-isemmija riżoluzzjonijiet, listi li tagħmel riferiment għalihom b’mod iktar partikolari, ir-riżoluzzjoni 1929, hemm inklużi b’mod partikolari is-satelliti u d-drones.

Għaldaqstant, il-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan fil-qasam tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku, fil-qasam militari jew fl-oqsma marbuta miegħu, tissodisfa l-kriterju marbut mal-provvista ta’ appoġġ lill-Gvern Iranjan, stabbilit fl-Artikolu 20(1)(ċ) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament Nru 267/2012, meta tkun marbuta ma’ tagħmir jew ma’ teknoloġiji elenkati fil-lista komuni ta’ tagħmir militari, li l-akkwist tiegħu mir-Repubblika Iżlamika tal-Iran huwa pprojbit.

(ara l-punti 61-65)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 109, 110)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 120, 121)