Language of document : ECLI:EU:T:2016:281

Kawża T‑47/15

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Enerġija rinnovabbli – Għajnuna mogħtija minn ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża emendata dwar is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (liġi EEG tal-2012) – Sostenn għal elettriku rinnovabbli u soprataxxa‑EEG imnaqqsa għal utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna bħala parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Riżorsi tal-Istat”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Mejju 2016

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati

[Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 76,  d)]

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġi imputabbli lill-Istat –Mekkaniżmu impost mil-liġi għall-kumpens, faqur ċerti ġestjonarji ta’ netwerks, tal-kwantitajiet ta’ elettriku superjuri għal dawk mogħtija mill-fornituri tal-elettriku lill-klijenti finali – Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Intervent mill-Istat li jtaffi l-ispejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża – Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Tnaqqis ta’ soprataxxa għall-iffinanzjar tal-appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri statali intiżi li japprossimaw il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni tagħhom ma dawk prevalenti fi Stati Membri oħra – Assenza ta’ effett fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna

(Artikolu 107(1) TFUE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Miżura intiża li tikkumpensa żvantaġġ strutturali – Assenza ta’ effett fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna

(Artikolu 107(1) TFUE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għajnuna mir-riżorsi tal-Istat – Politika pubblika ta’ appoġġ għall-produtturi tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – Fondi assimilabbli għal taxxa, iġġenerati permezz ta’ soprataxxa imposta fuq il-fornituri ta’ dan it-tip ta’ enerġija u amministrati kollettivament mill-amministraturi taħt l-influwenza dominanti tal-Istat li jixbhu entità li teżegwixxi konċessjoni tal-Istat – Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 25, 26)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 36, 37, 40)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 49)

4.      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi limitu massimu tas-soprataxxa għall-iffinanzjar tal-appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli favur l-impriżi li jużaw ħafna elettriku tas-settur produttiv, u tipprevjeni għalhekk lill-amministraturi tan-netwerks u lill-fornituri tal-elettriku milli jirkupraw parti mill-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli minn dawn l-impriżi, teħles lill-imsemmija impriżi minn oneri li huma ġeneralment għandhom iħallsu u tinvolvi vantaġġ għal dawn l-impriżi.

(ara l-punti 52, 55)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 56)

6.      Miżura ma tistax taħrab mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat minħabba l-unika fatt li hija telimina, għall-impriżi benefiċjarji, żvantaġġi strutturali.

(ara l-punt 61)

7.      Huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li għandhom jitqiesu li huma għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-kuntest legali tal-promozzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (elettriku EEG) li tipprevedi, minn naħa, sistema ta’ għajnuna favur il-produtturi tal-elettriku EEG permezz ta’ tariffi feed-in u l-primjums tas-suq, iffinanzjata mis-soprataxxa-EEG akkarigu tal-fornituri tal-elettriku u li tista’ tingħadda fuq il-konsumaturi finali, miġbura u amministratata min-netwerks tat-trasport (GRT) u, min-naħa l-oħra, sistema ta’ kumpens speċjali li tistabbilixxi limitu massimu tas-soprataxxa-EEG, li jista’ jingħadda mill-fornituri tal-elettriku fuq l-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija, timplika riżorsi tal-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-imsemmija soprataxxa, li tikkonsisti fid-differenza, bi proporzjon mal-kwantitajiet mibjugħa, bejn il-prezz miksub fil-kuntest tal-bejgħ tal-elettriku u l-oneru finanzjarju impost mill-obbligu legali li l-elettriku EEG jiġi remunerat bit-tariffi stabbiliti mil-liġi li l-fornituri tal-elettriku għandhom id-dritt li jeżiġumingħand il-klijenti finali, hija miġbura u amministrata mill-GRT u hija intiża, fl-aħħar nett, sabiex tkopri l-ispejjeż mit-tariffi feed-in u l-primjum tas-suq previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni billi tiggarantixxi lill-produtturi tal-elettriku EEG prezz għall-elettriku li jipproduċu iktar għoli mill-prezz tas-suq, b’tali mod li din tipproċedi, prinċipalment, għall-implementazzjoni ta’ politika pubblika ta’ għajnuna lill-produtturi tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli stabbilita, permezz ta’ liġi, mill-Istat.

Fit-tieni lok, il-GRT huma inkarigati, mill-leġiżlazzjoni inkwistjoni, sabiex jamministraw is-sistema ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku EEG. Huma għandhom, f’dan ir-rigward, serje ta’ obbligi u prerogattivi u huma inkarigati minn missjonijiet ta’ ġestjoni u ta’ amministrazzjoni ta’ din is-sistema li jistgħu jitqabblu, mill-perspettiva tal-effetti tagħhom, ma’ konċessjoni mill-Istat. Fil-fatt, il-fondi implikati fil-funzjonament ta’ din il-leġiżlazzjoni huma esklużivament amministrati għall-għanijiet ta’ interess pubbliku, skont metodi ddefiniti minn qabel mil-leġiżlatur nazzjonali inkwistjoni. F’dan ir-rigward, l-imsemmija fondi, li jikkonsistu fi spejjeż addizzjonali li jingħaddew fuq il-konsumatur finali u huma mħallsa mill-fornituri tal-elettriku lill-GRT għall-elettriku EEG li l-prezz jaqbeż dak tal-elettriku mixtri mis-suq, ma jgħaddux direttament mingħand il-konsumaturi finali għal għand il-produtturi ta’ dan it-tip ta’ elettriku, jiġifieri bejn operaturi ekonomiċi awtonomi, iżda jinneċessitaw l-intervent ta’ intermedjarji, inkarigati b’mod partikolari bil-ġbir u bil-ġestjoni tagħhom. Għalhekk, dawn il-fondi, iġġenerati mill-imsemmija soprataxxa u amministrati kollettivament mill-GRT jibqgħu taħt l-influwenza dominanti tal-awtoritajiet pubbliċi.

Fit-tielet lok, ir-riżorsi inkwistjoni, iġġenerati mill-imsemmija soprataxxa u intiżi kemm għal finanzjament tas-sistema ta’ għajnuna għall-elettriku EEG kif ukoll għall-finanzjament tas-sistema ta’ kumpens, huma miksuba grazzi għal oneri imposti fl-aħħar nett fuq suġġetti privati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Fil-fatt, din tipprevedi l-possibbiltà li l-GRT jimponu żieda fil-prezz lill-fornituri, liema fornituri jistgħu jgħadduh sussegwentement fuq il-klijenti finali skont metodi, b’mod partikolari f’termini ta’ trasparenza dwar il-fatturi, iddefiniti minn din l-istess leġiżlazzjoni u, fil-prattika, dawn il-fornituri jgħaddu l-piż li jirriżulta mis-soprataxxa EEG fuq il-klijenti tagħhom, intiża għar-rimbors tal-ispiża li tirriżulta mill-ispejjeż marbuta mal-imsemmi obbligu. Peress li dan l-oneru jirrappreżenta 20 % sa 25 % tal-ammont totali tal-fattura ta’ konsumatur finali medju, ir-riperkussjoni tiegħu fuq il-konsumaturi finali għandha titqies bħala konsegwenza prevista u organizzata mil-leġiżlatur nazzjonali inkwistjoni.

Huwa għalhekk tabilħaqq minħabba din il-leġiżlazzjoni li l-konsumaturi finali tal-elettriku huma, de facto, marbuta jħallsu dan is-suppliment fil-prezz jew żieda. Dan huwa oneru impost unilateralment mill-Istat fil-kuntest tal-politika tiegħu ta’ għajnuna lill-produtturi tal-elettriku EEG u li jixbah, mill-perspettiva tal-effetti tiegħu, lil taxxa fuq il-konsum tal-elettriku fl-Istat Membru inkwistjoni. Fil-fatt, Fil-fatt, dan l-oneru huwa impost minn awtorità pubblika, għall-finijiet ta’ interess pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tal-klima u tal-ambjent, billi jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-provvista tal-enerġija, billi jiġu żviluppati teknoloġiji ta’ produzzjoni tal-elettriku EEG u, abbażi ta’ kriterju oġġettiv, skont il-kwalità tal-elettriku mogħtija mill-fornituri lill-klijenti finali tagħhom. Għaldaqstant, hemm lok li l-ammonti inkwistjoni jiġu kklassifikati bħala fondi li jimplikaw riżorsi tal-Istat, li jixbhu lil taxxa.

Din il-konklużjoni tgħodd ukoll għall-vantaġġ favur l-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija, sa fejn il-mekkaniżmu ta’ kumpens previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxi oneru addizzjonali għall-GRT. Fil-fatt, kull tnaqqis tal-ammont tas-soprataxxa-EEG għandu preċiżament bħala konsegwenza li jnaqqas l-ammonti miġbura mingħand l-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija mill-fornituri tal-elettriku u jista’ jitqies bħala li jwassal għal telf mid-dħul għall-GRT. Madankollu, dan it-telf jerġa’ jinġabar, sussegwentement, mingħand fornituri oħra u, fil-fatt, mingħand klijenti oħra finali, sabiex jikkumpensa t-telf li jkun sar b’dan il-mod. Għalhekk, il-konsumatur finali medju fl-Istat Membru kkonċernat jipparteċipa, b’ċertu mod, għas-sussidju tal-utenti li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija li jibbenefikaw minn stabbiliment ta’ limitu massimu ta’ soprataxxa-EEG.

Fl-aħħar nett, l-assenza ta’ aċċess effettiv tal-Istat għar-riżorsi maħluqa mis-soprataxxa inkwistjoni, fis-sens li dawn ċertament ma humiex allokati lill-baġit tal-Istat, ma għandhiex impatt fuq l-influwenza dominanti tal-Istat fuq l-użu ta’ dawn ir-riżorsi u fuq il-kapaċità ta’ dan tal-aħħar sabiex jiddeċiedi, minn qabel, grazzi għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, dwar l-għanijiet li għandhom jiġu segwiti u dwar l-użu tal-imsemmija riżorsi fl-integralità tagħhom.

(ara l-punti 81, 92-96, 106, 108, 110-112, 118, 127, 128)