Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Lulju 2012 - Holcim (ir-Rumanija) vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-317/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Holcim (Romania) SA (Bukarest, ir-Rumanija) (rappreżentant: L. Arnauts, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti l-valur tas-suq tal-Kwoti ta' Emissjonijiet Ewropej allegatament misruqa li ma jistgħux jiġu rkuprati sal-ġurnata tas-sentenza, bil-prezz tagħhom tas-suq, flimkien ma' rata ta' imgħax ta' 8 % fis-sena sa mis-16 ta' Novembru 2010;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż; u

tiddikjara s-sentenza infurzabbli.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv prinċipali wieħed, ibbażat fuq:

-    ir-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea għad-deċiżjonijiet illegali tal-Kummissjoni Ewropea li jikkonsistu:

(a)    f'interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004, tal-21 ta' Diċembru 2004, għal sistema standardizzata u sikura ta' reġistri skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 319M, p. 1);

(b)    fil-ksur tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631);

(ċ)    fil-ksur ta' diversi prinċipji ġenerali tal-liġi (prinċipji ta' proporzjonalità u ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, dmir ta' kura, dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward ta' drittijiet ta' proprjetà), fid-deċiżjoni li ma jkunx żvelat jew li jkun permess l-iżvelar tal-post tal-Kwoti ta' Emissjonijiet Ewropej misruqa fil-qafas tal-Iskema għall-Iskambju ta' Emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

____________