Language of document : ECLI:EU:T:2014:782

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

18 ta’ Settembru 2014 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Responsabbiltà minħabba nuqqas – Rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela informazzjoni u li tipprojbixxi kwalunkwe tranżazzjoni relatata ma’ kwoti ta’ emissjoni allegatament misruqa – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Responsabbiltà mingħajr nuqqas”

Fil-Kawża T‑317/12,

Holcim (Romania) SA, stabbilita f’Bukarest (ir-Rumanija), irrappreżentata minn L. Arnauts, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Mifsud-Bonnici u E. White, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba, imressqa abbażi tar-responsabbiltà minħabba nuqqas, intiża għall-kumpens tad-dannu allegatament sostnut mir-rikorrenti minħabba r-rifjut tal-Kummissjoni li tiżvelalha informazzjoni dwar kwoti ta’ emissjoni ta’ gass serra li allegatament insterqulha u li tipprojbixxi kwalunkwe tranżazzjoni relatata ma’ dawn il-kwoti u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni, imressqa abbażi tar-responsabbiltà mingħajr nuqqas,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President, M. Kancheva u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  L-obbligi li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto

1        Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kambjamenti fil-klima ġiet iffirmata, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, fit-13 ta’ Ġunju 1992. Hija ġiet approvata, f’isem il-Komunità, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/69/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1993, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kambjamenti tal-Klima, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 167) u daħlet fis-seħħ, fir-rigward ta’ din, fil-21 ta’ Marzu 1994.

2        Fid-29 ta’ April 1998, il-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bdil klimatiku (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Kyoto”) ġie ffirmat f’isem il-Komunità. Dan il-protokoll ġie approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE, tal-25 ta’ April 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24).

3        L-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Kyoto kien jipprovdi li, għall-perijodu bejn l-2008-2012, l-Istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fl-Anness I tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil klimatiku kellhom, kull wieħed minnhom, jiżguraw li l-emissjonijiet antropiċi aggregati ta’ ċerti gassijiet serra ma jeċċedux kwantità determinata, msejħa “kwantità attribwita”. Man-numru ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali inklużi kienet tinsab il-Komunità, li issa saret l-Unjoni Ewropea skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 TUE kif emendat bit-Trattat ta’ Lisbona.

4        Il-kwantità attribwita, msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-Protokoll ta’ Kyoto, kienet espressa f’tunnellati ta’ ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju, fejn tunnellata tikkorrispondi għal “unità ta’ kwantità attribwita” (UKA). Matul il-perijodu 2008-2012, minbarra l-miżuri meħuda sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom f’ċifri ta’ limitazzjoni u ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, kull Stat u organizzazzjoni internazzjonali li tinsab fl-Anness I tal-Protokoll ta’ Kyoto seta’ jvarja l-kwantità attribwita tiegħu, sabiex ma tkunx inqas mill-emissjonijiet effettivi tiegħu. Kellhom diversi possibbiltajiet. Fl-ewwel lok, setgħu jinkisbu UKA mingħand Stati terzi, skont l-Artikolu 17 tal-Protokoll ta’ Kyoto. Fit-tieni lok, unitajiet differenti setgħu jiġu ġġenerati, minn naħa, permezz ta’ “attivitajiet umani direttament marbuta mal-bdil fl-użu tal-artijiet u għall-foresti u limitati għall-forestazzjoni, forestazzjoni mill-ġdid jew għad-deforestazzjoni” (“unitajiet ta’ assorbiment”), jew UAS, imsemmija fl-Artikolu 3(3) tal-Protokoll ta’ Kyoto. Din l-aħħar kategorija ta’ unitajiet kienet tiġbor flimkien żewġ sotto-kategoriji, jiġifieri, minn naħa, l-“unitajiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet” (UTE, imsemmija fl-Artikolu 6 tal-Protokoll ta’ Kyoto) u, min-naħa l-oħra, l-“unitajiet ta’ tnaqqis ċċertifikat tal-emissjonijiet” (UTĊE, imsemmija fl-Artikolu 12 tal-Protokoll ta’ Kyoto). L-UKA, l-UTE, l-UTĊE kif ukoll l-UAS (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“unitajiet ta’ Kyoto”) jikkorrispondu, kull waħda minnhom, għal tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ dijossidu tal-karbonju.

5        Fit-30 ta’ Novembru 2005, il-konferenza tal-partijiet għall-konvenzjoni qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bdil klimatiku bħala laqgħa tal-partijiet għall-Protokoll ta’ Kyoto adottat id-deċiżjoni 13/CMP.1. L-Anness għal din id-deċiżjoni jiddefinixxi l-“[m]etodi ta’ verifika tal-kwantitajiet attribwiti”.

II –  Il-leġiżlazzjoni adottata, fi ħdan l-Unjoni, sabiex jiġi implementat il-Protokoll ta’ Kyoto

6        Fit-13 ta’ Ottubru 2003, ġiet adottata id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631). Din id-direttiva kienet intiża sabiex, skont il-premessa 5 tagħha, “tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-impenji [li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto] b’mod iktar effettiv. L-Artikolu 19(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, “[s]abiex timplimenta din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tadotta Regolament [...] għal sistema standardizzata u ggarantita ta’ uffiċji tar-reġistrazzjonijiet fil-għamla ta’ databases elettroniċi standardizzati li jkun fihom elementi komuni ta’ informazzjoni sabiex jittraċċjaw il-ħruġ, iż-żamma. it-tramsferiment u l-kanċellazzjoni tal-konċessonijiet, sabiex jipprovvdu l-aċċess lill-pubblu u għall-kunfidenzalità kif xieraq u sabiex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda trasferiment mhux kompatibbli ma’ l-obbliġi li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto”.

7        B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat, fil-21 ta’ Diċembru 2004, ir-Regolament (KE) Nru 2216/2004 għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 386, p. 1).

A –  Il-kwoti ta’ emissjoni ta’ gass serra stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

8        Id-Direttiva 2003/87 introduċiet il-kunċett ta’ “kwota ta’ emissjoni ta’ gass serra” (iktar ’il quddiem “kwota” jew “kwota ta’ emissjoni”). Skont l-Artikolu 3(a) kwota “tfisser id-dritt ta’ emissjoni ta’ tunnellata metrika ta’ l-ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju matul perjodu taż-żmien speċifikat”.

9        Teżisti rabta bejn il-kwoti, minn naħa, u ċerti unitajiet ta’ Kyoto, min-naħa l-oħra, anki jekk it-tnejn li huma għandhom natura distinta.

10      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 2216/2004, fl-ewwel u t-tieni paragrafu tiegħu, għandu kwota ta’ emissjoni, li tista’ tkun ta’ persuna fiżika jew ġuridika, tinkiseb b’“konverżjoni” ta’ UKA, fejn din il-konverżjoni ssir biż-żieda tat-terminu “kwota” għall-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-UKA.

11      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/87, introdott mid-Direttiva 2004/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ottubru 2004, li temenda d-Direttiva 2003/87 (ĠU L 338, p. 18), toffri, taħt diversi riżervi, il-possibbiltà lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jiksbu kwoti ta’ emissjoni “bi tpartit” ta’ UTE jew ta’ UTĊE.

B –  L-għoti u r-restituzzjoni tal-kwoti

12      Skont l-Artikolu 11(2) u (4) tad-Direttiva 2003/87, matul il-perijodu ta’ ħames snin li beda fl-1 ta’ Jannar 2008, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kellha tagħti, kull sena, lill-operatur ta’ installazzjoni li jaqa’ taħt wieħed mis-setturi ta’ attività elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva ċertu numru ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gass serra. L-għoti tal-kwoti jsir mhux iktar tard mit-28 ta’ Frar tas-sena inkwistjoni (sena N).

13      Skont l-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2003/87, matul is-sena kalendarja N, l-emissjonijiet ta’ kull installazzjoni huma ssorveljati u vverifikati.

14      Skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April tas-sena N + 1, l-operatur ta’ installazzjoni għandu jċedi numru ta’ kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet totali tiegħu matul is-sena kalendarja N.

15      Kif jirriżulta mid-Direttiva 2003/87, huma possibbli erba’ każijiet. L-ewwel, jekk l-operatur ikollu, fit-30 ta’ April tas-sena N + 1, numru ta’ kwoti ikbar mill-emissjonijiet totali tal-installazzjoni tiegħu matul is-sena N, huwa jista’ jżomm dawn il-kwoti żejda jew ibigħhom. It-tieni, meta l-operatur ikollu numru ta’ kwoti daqs l-emissjonijiet totali tal-installazzjoni tiegħu, huwa ma jibqagħlu l-ebda kwota relatata ma’ din l-installazzjoni ladarba l-obbligi tiegħu ta’ ċessjoni jkunu sodisfatti. It-tielet, meta l-operatur jikkonstata li l-emissjonijiet tal-installazzjoni tiegħu jkunu ogħla mill-kwoti li jkollu relatati ma’ din l-installazzjoni, huwa jista’, qabel it-30 ta’ April tas-sena N + 1 jikseb kwoti oħra b’mod li jissodisfa l-obbligi tiegħu ta’ ċessjoni. Ir-raba’, skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2003/87, jekk, fit-30 ta’ April tas-sena N + 1, l-operatur ma jkunx ċeda numru ta’ kwoti biżżejjed sabiex ikopri l-emissjonijiet tiegħu tas-sena N, huwa għandu jħallas multa fuq l-emissjonijiet li jaqbżu l-kwota. Il-penali għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet għandu jkun ta’ EUR 100 għal kull tunnellata metrika tad-dijossidu tal-karbonju maħruġ minn dik l-installazzjoni li għaliha l-operatur ma jkunx ċeda kwoti. Minkejja l-ħlas ta’ din il-multa fuq l-emissjonijiet żejda, l-operatur dejjem jibqa’ obbligat li jċedi, fit-30 ta’ April N + 2, numru ta’ kwoti daqs l-emissjonijiet żejda tas-sena N. Għalhekk, fil-prattika, l-operatur li jkun jinsab f’tali sitwazzjoni għandu jikseb kwoti ta’ emissjoni supplimentari qabel it-30 ta’ April N + 2.

16      Effettivament, dawn il-possibbiltajiet differenti joħolqu l-kundizzjonijiet tal-ħolqien ta’ suq tal-kwoti.

C –  Il-modi tal-funzjonament tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti

17      Tliet kategoriji ta’ dispożizzjonijiet jixirqilhom attenzjoni partikolari.

18      L-ewwel nett, l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġistri “sabiex [tiġi żgurata] l-kontabbiltà eżatta tal-ħruġ, iż-żamma, it-trasferiment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti”. Il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jindika li dawn r-reġistri għandu jkollhom “kontijiet separati” intiżi “[għar-reġistrazzjoni tal-] kwoti miżmuma minn kull wieħed mill-persuni li lilhom jew minn għandhom joħorġu jew jiġu ttrasferiti l-kwoti”. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2216/2004 jippreċiża li, f’kull Stat Membru, lir-reġistri jkollhom il-forma ta’ database elettroniku “standardizzata” (“standardised bl-Ingliż). Il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jżid li r-reġistri għandu jkollhom “il-ħardwer u s-softwer” (“hardware and software”, bl-Ingliż) u għandhom ikunu aċċessibbli permezz tal-internet. Il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jindika, fl-aħħar nett, li għandhom b’mod partikolari jkunu f’pożizzjoni li jeżegwixxu korrettament il-proċessi kollha li jikkonċernaw, minn naħa, l-emissjonijiet ivverifikati u, min-naħa l-oħra, il-kontijiet miżmuma minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom il-kwoti.

19      It-tieni nett, l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi l-ħatra, mill-Kummissjoni, ta’ Amministratur Ċentrali sabiex iżomm “reġistru indipendenti tat-transazzjonijiet li jirreġistra l-ħruġ, it-trasferiment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti”.

20      L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2216/2004 jżid li dan ir-reġistru, imsejjaħ ukoll “[i]r-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet”, għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni fil-forma ta’ database elettroniku “standardizzat”. Il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jipprovdi li l-imsemmi reġistru jinkludi “il-ħardwer u s-softwer” u huwa aċċessibbli permezz tal-internet. Fl-aħħar nett, il-paragrafu 5, fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 916/2007, tal-31 ta’ Lulju 2007, li jemenda r-Regolament Nru 2216/2004 (ĠU L 200, p. 5), jippreċiża li l-Amministratur Ċentrali responsabbli għar-reġistru għandu jagħmel biss proċessi li jikkonċernaw il-kwoti, l-emissjonijiet ivverifikati, jew inkella l-kontijiet fejn ikun meħtieġ biex jitwettqu l-funzjonijiet tiegħu. Effettivament, mir-Regolament Nru 2216/2004 jirriżulta li reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet jikkostitwixxi database li, minn naħa, jikkonsolida d-data li toriġina mir-reġistri nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, jippermetti li jiġu identifikati t-tranżazzjonijiet bejn reġistri differenti.

21      It-tielet nett, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2216/2004 jistabbilixxi regoli ta’ kunfidenzjalità. Huwa jipprovdi:

“L-informazzjoni kollha, inklużi d-depożiti tal-kontijiet kollha u t-tranżazzjonijiet kollha li saru, miżmuma fir-reġistri u fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, għandha titqies bħala kunfidenzjali għal kwalunkwe skop għajr l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, tad-Direttiva 2003/87/KE jew tal-liġi nazzjonali”.

III –  Fatti li seħħew qabel il-preżentazzjoni tar-rikors

22      Ir-rikorrenti, Holcim (ir-Rumanija) SA, hija proprjetà tal-grupp Holcim, li jispeċjalizza fil-produzzjoni ta’ siment, taħlit ta’ siment, asfalt u konkrit lest għall-użu. Hija għandha kont ta’ kwoti ta’ emissjoni fir-reġistru Rumen.

23      Fis-16 ta’ Novembru 2010, dawn il-kontijiet ġew illegalment ikkonsultati minn persuna mhux awtorizzata. Skont ir-rikorrenti, minħabba din il-konsultazzjoni illegali, miljun kwota proprjetà tagħha ġew illegalment ittrasferiti lejn kont miżmum fl-Italja u 600 000 kwota ġew ittrasferiti f’Liechtenstein. Dawn is-600 000 kwota misruqa lejn Liechtenstein setgħu jiġi rkuprati sad-data tal-preżentazzjoni tar-rikors. Iżda dan ma kienx il-każ għall-miljun kwota li kien fadal. Skont ir-rikorrenti, dan il-miljun kwota misruqa (u li ma ġewx irkuprati sad-data tat-tressiq tar-rikors) kienu jiswew “madwar EUR 15 miljun” fid-data ta’ meta seħħew il-fatti.

24      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti uffiċjalment informat lill-Kummissjoni bil-fatti u talbitha “titlob lir-reġistri nazzjonali [minn naħa] tiffriża” il-kwoti ta’ emissjoni allegatament misruqa u, min-naħa l-oħra, “tibblokka l-kontijiet” li dawn kienu għaddew minnhom.

25      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Novembru 2010, hija ressqet ilment quddiem il-prosekutur Rumen.

26      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Diċembru 2010, l-uffiċċju tal-avukati tar-rikorrenti talab lill-Kummissjoni li “tissospendi u tirrifjuta l-aċċess għall-kontijiet” li kienu għaddew minnhom il-kwoti allegatament misruqa. Barra minn hekk talabha “titlob lir-reġistri nazzjonali li ma jissodisfawx l-eżiġenzi normali ta’ sigurtà tas-sistema ta’ informazzjoni bankarja li jwaqqfu kull trasferiment ta’ [kwota ta’ emissjoni] sakemm jiġu implementati tali miżuri ta’ sigurtà tas-sistema ta’ informazzjoni”.

27      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 2010, il-kap ta’ diviżjoni kompetenti tal-Kummissjoni rrisponda għall-ittra tat-2 ta’ Diċembru 2010 kif ġej:

“[…]

F’dak li jikkonċerna t-talba tiegħek intiża sabiex l-aċċess għall-kontijiet relevanti jiġi sospiż u bblokkat, l-opinjoni tiegħi hija li l-irkupru tal-kwoti li allegatament ġew ittrasferiti b’mod frawdolenti hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali u l-awtoritjiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġi. Il-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza sabiex tibblokka tali kwoti f’kont ta’ reġistru.

F’dak li jikkonċerna l-iskambju ta’ kwoti, niġbidlek l-attenzjoni għall-fatt li din hija informazzjoni kunfidenzjali għal ħames snin, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 u tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004. Minkejja dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni kkooperat effettivament mal-awtoritajiet repressivi kompetenti sabiex tiġi solvuta l-[kwistjoni tal-]aċċess mhux awtorizzat għall-kontijiet [relatati].

Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna t-talba tiegħu intiża sabiex jitwaqqaf kull trasferiment ta’ kwoti fir-reġistri nazzjonali sakemm jiġu implementati regoli abitwali ta’ sigurtà tas-sistemi ta’ informazzjoni bankarja, tali azzjoni hija sproporzjonata u ma għandha l-ebda bażi legali [...]”

28      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Diċembru 2010, id-direttur ġenerali, responsabbli għad-direttorat ġenerali (DG) “Azzjoni għall-klima” tal-Kummissjoni, irrisponda għall-ittra tal-24 ta’ Novembru 2010 kif ġej:

“[…]

l-irkupru tal-kwoti li qiegħed jiġi allegat li ġew ittrasferiti b’mod frawdolenti hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġi. Il-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza sabiex tibblokka tali kwoti f’kont ta’ reġistru, sakemm tali kwoti jibqgħu jirrappreżentaw mezzi validi ta’ tqegħid f’konformità.

F’dak li jikkonċerna l-iskambju ta’ kwoti, niġbidlek l-attenzjoni għall-fatt li din hija informazzjoni kunfidenzjali għal ħames snin, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 u tal-Anness XVI tar-Regolament Nru 2216/2004. Minkejja dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni kkooperat effettivament mal-awtoritajiet repressivi kompetenti sabiex tiġi solvuta l-[kwistjoni tal-] aċċess mhux awtorizzat għall-kontijiet [relatati].

[…]”

29      Ma huwiex ikkontestat li dan id-direttur ġenerali tal-Kummissjoni kien qiegħed jaġixxi dak iż-żmien fil-kwalità ta’ Amministratur Ċentrali tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/87, kariga li kienet ingħatatlu matul is-sena 2010.

30      Fit-28 ta’ Diċembru 2010, inbdew proċeduri għal miżuri provviżorji kontra l-Kummissjoni quddiem it-tribunal de première instance de Bruxelles (qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell) (il-Belġju), fuq l-inizjattiva ta’ kumpannija differenti mir-rikorrenti. Dawn il-proċeduri kienu intiżi, b’mod partikolari, sabiex il-president ta’ din il-qorti, filwaqt li jiddeċiedi fil-kwalità ta’ Mħallef għal miżuri provviżorji, jordna lill-Kummissjoni, minn naħa, li “tikkomunika l-identità jew il-proprjetarji” tal-kontijiet fejn jidhru kwoti allegatament misruqa u, min-naħa l-oħra, li “tibblokka r-reġistri nazzjonali kollha fejn [kienu] rreġistrati [dawn] il-kwoti”. Fil-21 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell rikors għal intervent volontarju “sabiex tikseb l-istess miżuri bħal dawk mitluba” minn din il-kumpannija l-oħra. B’hekk hija kisbet il-kwalità ta’ “it-tieni rikorrenti”. Dan huwa, tal-anqas, dak li jirriżulta mid-digriet li jtemm dawn il-proċeduri għal miżuri provviżorji, li huwa msemmi fil-punt 39 iktar ’il quddiem.

31      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Marzu 2011, il-prokuratur kap tad-direttorat responsabbli għall-investigazzjonijiet relatati mal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu (ir-Rumanija) informa lir-rikorrenti li kienet inbdiet “investigazzjoni kriminali” dwar il-fatti invokati mir-rikorrenti fl-ilment tagħha (imsemmi fil-punt 25 iktar ’il fuq).

32      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Marzu 2011, din l-istess awtorità ppreċiżat lir-rikorrenti li fil-11 ta’ Jannar 2011, hija kienet bagħtet lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani talba permezz ta’ ittri rogatorji. Din it-talba kienet intiża sabiex id-direttorat ġenerali tal-Kummissjoni responsabbli li jżomm ir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet:

–        jipprojbixxi uffiċjalment lill-awtoritajiet responsabbli għaż-żamma tar-reġistri nazzjonali li jirreġistraw u jawtorizzaw it-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-kwoti ta’ emissjoni tar-rikorrenti;

–        jipprovdi d-data kollha fil-pussess tagħha li tirrigwarda l-allegat trasferiment mhux awtorizzat tal-kwoti ta’ emissjoni tar-rikorrenti, li kien seħħ fis-16 ta’ Novembru 2010;

–        jiddeskrivi t-tranżazzjonijiet kollha relatati ma’ dawn il-kwoti;

–        jipprovdi l-log files li jindikaw l-“indirizzi IP”, id-data u l-ħin ta’ kull tranżazzjoni li tkkonċerna kwoti ta’ emissjoni li jappartjenu lir-rikorrenti, u dan mis-16 ta’ Novembru 2010;

–        jipprovdi l-log files li jindikaw l-“indirizzi IP”, id-data u l-ħin ta’ kull tranżazzjoni intiża għall-aċċess għall-kontijiet li kellhom kwoti ta’ emissjoni li jappartjenu lir-rikorrenti, u dan mis-16 ta’ Novembru 2010;

–        u jipprovdi l-informazzjoni kollha kkomunikata minn reġistri nazzjonali oħra li jikkonċernaw każijiet simili.

33      Ġie ppreċiżat ukoll, f’din l-ittra tat-18 ta’ Marzu 2011, li l-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani ma kinux bagħtu, sa dak il-mument, risposta għall-imsemmija talba.

34      Mir-risposta jirriżulta li fil-frattemp, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) kien irċieva, fl-4 ta’ Marzu 2011, permezz tal-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani, it-talba mibgħuta permezz ta’ ittri rogatorji.

35      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ April 2011, kumpannija li taqa’ taħt l-istess grupp tar-rikorrenti, indikat lill-Kummissjoni li rappreżentat tar-rikorrenti kienet iltaqgħet ma’ aġenti tal-Kummissjoni fit-2 u fis-17 ta’ Marzu 2011. Hija enfasizzat li f’dawn l-okkażjonijiet, kien ġie ppreċiżat lil dawn tal-aħħar li l-prosekutur Rumen kien bagħat lill-Kummissjoni talba permezz ta’ ittri rogatorji. Sostniet ukoll li din it-talba sa dak il-mument kienet għadha mingħajr risposta. Fl-aħħar nett, wara li sostniet li kien ġie indikat lilha, oralment, li l-OLAF kien irċeviha, hija talbet lill-Kummissjoni tirrispondi għaliha fl-iqsar żmien possibbli.

36      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ April 2011, il-kap ta’ diviżjoni kompetenti tal-Kummissjoni indika lil din l-istess kumpannija li d-DG “Azzjoni għall-klima” ma kien irċieva l-ebda talba mingħand l-awtoritajiet ġudizzjarji Rumeni. Huwa informa lir-rikorrenti wkoll li d-data dwar it-tranżazzjonijiet irreġistrati fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet kienu kunfidenzjali u li, “skont prattika stabbilita sew”, din id-data kienet tiġi pprovduta biss lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġi, fuq talba debitament iġġustifikata.

37      Mir-risposta, li l-indikazzjonijiet tagħha huma sostnuti minn dokumenti mressqa mill-Kummissjoni b’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li, f’din l-istess ġurnata, is-7 ta’ April 2011, l-OLAF kien irrisponda għat-talba mibgħuta permezz ta’ ittri rogatorji. L-eżistenza ta’ din ir-risposta hija fil-fatt rikonoxxuta mir-rikorrenti fir-rikors. B’hekk l-OLAF bagħat lill-prosekutur Belġjan, skont il-preċiżazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, “CD-ROM u hard disc li jinkludi 300 gigaoctets ta’ informazzjoni”.

38      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Mejju 2011, l-avukat tar-rikorrenti indika lill-Kummissjoni li kien jippreżumi li kienet informata li r-rikorrenti, sa minn Frar 2011, kienet parti fi proċeduri għal miżuri provviżorji msemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq. Huwa insista li dawn il-proċeduri kienu intiżi sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tibblokka l-kwoti allegatament misruqa fis-16 ta’ Novembru 2010 u li tiżvela “il-lokalità attwali tagħhom fir-reġistri nazzjonali. Barra minn hekk, dan l-avukat ippreċiża li, skont informazzjoni mikxufa fl-istampa, 279 210 kwota allegatament misruqa kienu ġew ċeduti minn diversi operaturi fi ħdan l-Unjoni fit-30 ta’ April 2011 (sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ ċessjoni stabbilit fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87, imsemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq). Sussegwentement, talab lill-Kummissjoni ma tawtorizzax iċ-ċessjoni ta’ tali kwoti, u, tal-inqas, li tibblokkahom u li tattribwihom lill-proprjetarju leġittimu tagħhom.

39      Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Ġunju 2011, il-president tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell iddikjara li “ma għandux ġurisdizzjoni” sabiex jiddeċiedi dwar it-talba għal miżuri provviżorji msemmija fil-punt 30 iktar ’il fuq.

40      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni rrispondiet għall-ittra li kienet inbagħtitilha fil-31 ta’ Mejju 2011 mill-avukat tar-rikorrenti: hija enfasizzat li, fir-rigward tat-talba intiża sabiex tiġi blokkata ċ-ċessjoni tal-kwoti allegatament misruqa, il-pożizzjoni tagħha ma kinitx inbidlet. Skont din, minn naħa, “l-irkupru tal-kwoti li allegatament ġew ittrasferiti b’mod frawdolenti hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġi”; min-naħa l-oħra, “il-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza sabiex tibblokka tali kwoti f’kont ta’ reġistru, sakemm tali kwoti jibqgħu jirrappreżentaw mezzi validi ta’ tqegħid f’konformità”.

41      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Diċembru 2011, mibgħuta lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti sostniet li l-Kummissjoni u l-Istati Membri kellhom id-“dover impliċitu” li jsibu soluzzjoni sabiex jikkumpensaw id-dannu sostnut minn utent tal-kwoti li ma kienx riżultat ta’ nuqqas. Sussegwentement, hija indikat li hija kellha l-intenzjoni tibda proċeduri kontenjużi kontra l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Rumeni sabiex “tirkupra t-telf li sostniet”. Fl-aħħar nett, hija ssostni li tali proċedura ma kinitx fl-interessi tal-azzjonisti tagħha u li għalhekk kienet lesta tilħaq soluzzjoni bonarja (“out-of-court settlement”, bl-Ingliż) mal-Kummissjoni sabiex tingħalaq il-kawża.

42      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni ppreċiżat lir-rikorrenti li hija ma kinitx favorevoli għal soluzzjoni bonarja.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

43      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. Hija ppreżentat żewġ gruppi ta’ talbiet.

44      Fl-ewwel lok, hija talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha, b’“sentenza interlokutorja”:

–        “tikkonstata li, fir-rigward tad-dannu sostnut mir-rikorrenti wara s-serq ta’ miljun kwota, l-Unjoni [...] għandha tirrispondi għall-aġir tal-Kummissjoni skont l-Artikoli 256, 268 u 340 TFUE;

–        tikkundanna lill-Unjoni [...] tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 1 b’mod provviżorju;

–        tordna lill-partijiet jiftiehmu fuq l-ammont tad-dannu u/jew tordna lir-rikorrenti tipprova l-portata definittiva tad-dannu tagħha, fit-tliet xhur wara s-sentenza interlokutorja;

–        tiddikjara s-sentenza eżekuttiva”.

45      Fit-tieni lok, hija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        “tordna lill-Unjoni [...] tħallasha l-valur tal-kwoti misruqa li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati sad-data tas-sentenza definittiva, u dan, għall-prezz tas-suq fis-seħħ fid-data tas-serq, flimkien mal-interessi bir-rata ta’ 8 % fis-sena mis-16 ta’ Novembru 2010;

–        tikkundanna lill-Unjoni għall-ispejjeż, u;

–        tiddikjara s-sentenza eżekuttiva.”

46      Fid-19 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali r-risposta tagħha. Hija talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

47      Fit-23 ta’ Ottubru 2012, 94 761 kwota setgħu jiġu rkuprati mir-rikorrenti wara li ġew “blokkati” mir-reġistru Taljan u ssekwestrati mill-prosekutur Taljan. B’hekk, sa minn din id-data, ir-rikorrenti kien fadlilha tirkupra 905 239 u mhux iktar miljun, bħalma kienet sostniet fil-bidu (ara l-punt 44 iktar ’il fuq).

48      Fil-11 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali ir-replika tagħha. Hija bidlet waħda mit-talbiet tagħha. Minflok ma talbet li l-Qorti Ġenerali “tordna lill-partijiet jiftiehmu fuq l-ammont tad-dannu u/jew tordna lir-rikorrenti tipprova l-portata definittiva tad-dannu tagħha, fit-tliet xhur wara s-sentenza interlokutorja”, hija talbet li l-Qorti Ġenerali “tordna lill-partijiet jiftiehmu fuq l-ammont tad-dannu u/jew tordna lir-rikorrenti tipprova l-portata definittiva tad-dannu tagħha, sa mhux iktar tard minn tliet xhur wara t-tmiem tal-proċeduri kriminali mibdija fir-Rumanija”. Għall-bqija, hija talbet l-istess affarijiet bħal fir-rikors.

49      Fid-29 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-kontroreplika.

50      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur oriġinalment magħżul ġie assenjat lit-Tmien Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

51      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Permezz ta’ diversi miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu għal mistoqsijiet u sabiex jipproduċu dokumenti.

52      Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Frar 2014. Ir-rikorrenti għamlet l-istess ħaġa fis-6 ta’ Frar 2014.

53      Is-sottomissjonijiet orali tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2014.

 Fuq il-kwistjonijiet preliminari għall-eżami fil-mertu

54      Qabel ma jiġi eżaminat il-mertu fil-liġi tar-rikors, il-Qorti Ġenerali ser tevalwa ex officio l-ammissibbiltà fid-dawl tal-eżiġenzi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, u wara ser tiddetermina l-effetti proċedurali tat-tressiq, quddiem il-qorti Rumena, ta’ azzjoni intiża għall-ħlas għall-istess dannu bħal dak invokat fil-kuntest ta’ din l-istanza, iżda intiża kontra l-awtoritajiet Rumeni.

I –  Fuq l-osservanza tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura

55      Skont ġurisprudenza stabbilita, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi l-indikazzjoni tas-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Bil-għan li jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġ, sabiex rikors jitqies bħala ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun fondat joħorġu, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test stess tar-rikors. B’mod iktar speċifiku, sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, rikors għal kumpens għal danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat, l-ewwel nett, l-aġir inkwistjoni, it-tieni nett, in-natura u l-portata tad-dannu, u t-tielet nett, ir-raġunijiet li għalihom ir-rikorrent jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u dan id-dannu (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑16/04, Ġabra p. II‑211, punt 132, u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Madankollu, ma huwiex indispensabbli li tiġi ppreċiżata fir-rikors, bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà, il-portata eżatta tad-dannu, u inqas u inqas li tingħata ċifra tal-ammont tad-dannu mitlub, peress li dan huwa possibbli, fi kwalunkwe każ, sal-istadju tar-replika, bil-kundizzjoni li r-rikorrenti tinvoka ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw id-dewmien tagħha u tindika l-elementi li jippermettu li tiġi evalwata n-natura u l-portata tad-dannu, peress li f’dak il-mument il-konvenut ikun f’pożizzjoni li jiżgura d-difiża tiegħu (ara s-sentenza Arcelor vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 55 iktar ’il fuq, punt 135, u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikors jirrispondix għall-eżiġenzi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

A –  L-aġir li hija akkużata bih l-Unjoni

58      L-argument magħmul fir-rikors juri li l-Kummissjoni kellha tiżvela lir-rikorrenti l-identità tad-detenturi attwali tal-kwoti misruqa, u sussegwentement tipprojbixxi kwalunkwe tranżazzjoni relatata ma’ dawn il-kwoti, b’mod li tiffaċilita r-restituzzjoni tagħha lir-rikorrenti. Fil-fatt, fil-punt 64 tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni li, “billi rrifjutat li tiżvela fejn kienu jinsabu l-kwoti misruqa u tibblokkahom”, il-Kummissjoni għamlet lill-Unjoni responsabbli. Indikazzjonijiet simili huma pprovduti fil-punt 134 tar-rikors. Hemm hekk jista’ jinqara li l-aġir li hija akkużata bih l-Unjoni “ma huwiex is-serq fih innifsu”, iżda “ir-rifjut illegali u l-inkapaċità” tal-Kummissjoni [...] li tibblokka meta mitlub il-kwoti misruqa u li tiżvela fejn kienu jinsabu”.

59      Huwa minnu li, fil-punt 65 tar-rikors, ir-rikorrenti tindika, li “[i]l-fatti li wasslu għar-responsabbiltà tal-Unjoni” saħħew fis-16 ta’ Novembru 2010, jiġifieri l-ġurnata tat-trasferiment allegatament mhux awtorizzat tal-kwoti. Madankollu, peress li r-rikorrenti qatt ma imputat espliċitament dan it-trasferiment lill-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-aġir li r-rikorrenti takkuża bih lill-Kummissjoni huwa identifikat b’mod ċar fir-rikors. Dan l-aġir kien f’żewġ okkażjonijiet. Minn naħa, l-allegat rifjut tal-Kummissjoni “li tiżvela fejn kienu jinsabu l-kwoti misruqa”, u, min-naħa l-oħra, ir-rifjut ta’ din l-istess istituzzjoni “li tibblokka dawn il-kwoti”.

B –  Id-dannu invokat

60      Fit-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob li titħallas, għad-dannu sostnut, kumpens li jikkorrispondi għall-“valur tal-kwoti misruqa li jkunu għadhom ma ġewx irkuprati sad-data tas-sentenza definittiva, u dan, skont il-prezz tas-suq fis-seħħ fid-data tas-serq, flimkien mal-interessi bir-rata ta’ 8 % fis-sena mis-16 ta’ Novembru 2010”.

61      B’hekk hija ppreċiżat bi preċiżjoni suffiċjenti n-natura u l-portata tad-dannu li hija tinvoka: dan huwa dannu strettament patrimonjali li jikkonsisti, prinċipalment, fil-valur venali, fid-data tas-16 ta’ Novembru 2010, ta’ miljun kwota allegatament misruqa u mhux irkuprati sad-data tal-preżentata tar-rikors.

62      Barra minn hekk, ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat li jinkludi elementi suffiċjenti sabiex tiġi ddeterminata l-portata eżatta tad-dannu invokat.

63      Fil-fatt, għandha tinqara l-parti konklużiva tar-rikors, fejn hija esposta t-talba għall-kumpens, flimkien mal-punt 119 ta’ dan, fejn jingħad li t-“telf” sostnut mir-rikorrenti jitla’ għal “bejn wieħed u ieħor EUR 15 miljun”.

64      Barra minn hekk, għalkemm din iċ-ċifra hija approssimattiva, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-punt 7 tar-rikors, fejn huwa ppreċiżat li “il-prezz ta’ skambju medju [ta’ kull kwota allegatament misruqa u mhux irkuprata kien, fid-data tal-allegat serq,] bejn EUR 10 u EUR 20”. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti titlob, bħala massimu, dannu li jammonta għal EUR 20 miljun, minbarra l-interessi.

65      Fil-fatt, kemm in-natura kif ukoll il-portata tad-dannu invokat huma ddeterminati fir-rikors.

C –  Ir-rabta ta’ kawżalità

66      Fl-aħħar nett, fir-rikors, huwa spjegat, b’ċertu grad ta’ ċarezza, li d-dannu invokat “ġie kkawżat mir-rifjut illegali u l-inkapaċità tal-Kummissjoni [...] li tibblokka meta mitlub il-kwoti misruqa u li tiżvela fejn kienu jinsabu”. Issa, skont ir-rikorrenti, dan ir-rifjut fixkilha milli tidentifika d-detenturi attwali ta’ dawn il-kwoti u, sussegwentement, li tibda azzjonijiet, skont il-każ, kontenzjużi, sabiex tirkuprahom.

67      Dawn l-indikazzjonijiet fir-rigward tar-rabta ta’ kawżalità bejn l-aġir ikkritikat u d-dannu allegat huma suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li r-rikors kien jissodisfa l-eżiġenzi stabbiliti mill-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

II –  Fuq l-effett tat-tressiq, quddiem il-qorti Rumena, ta’ azzjoni intiża għall-kumpens għall-istess dannu bħal dak invokat f’dan ir-rikors, iżda mressqa kontra l-awtoritajiet Rumeni.

68      Fil-punt 17 tar-replika, ir-rikorrenti tindika li “bdiet azzjoni ċivili” quddiem il-qorti Rumena kontra l-awtorità amministrattiva responsabbli għaż-żamma tar-reġistru Rumen. Hija żżid li “din l-azzjoni hija ta’ natura differenti [minn dan ir-rikors] u ma taffettwax [lil dan ir-rikors], peress li l-azzjoni hija bbażata fuq kuntratt konkluż bejn ir-rikorrenti u l-amministrazzjoni Rumena”.

69      Madankollu, mill-punt 49 tar-rikors promotur ippreżentat quddiem il-qorti Rumena u rreġistrat minn dik il-qorti fl-10 ta’ Novembru 2011, jirriżulta li d-dannu li qiegħed jintalab kumpens għalih mingħand l-awtoritajiet Rumeni jikkorrispondi għall-valur venali, fis-16 ta’ Novembru 2010, ta’ miljun kwota ta’ emissjoni li allegatament kienu suġġetti għal trasferiment mhux awtorizzat u li ma setgħux jiġu rkuprati. Għalhekk, għalkemm huwa minnu li l-aġir li huma akkużati bih l-awtoritajiet Rumeni (jiġifieri l-ksur tal-obbligu tagħhom li jiżguraw is-sigurtà tar-reġistru Rumen) huwa differenti minn dak li hija akkużata bih il-Kummissjoni f’dan ir-rikors, xorta jibqa’ l-fatt li d-dannu invokat huwa, fiż-żewġ każijiet, l-istess: il-valur tal-kwoti allegatament misruqa u mhux irkuprati fid-data tal-preżentata tar-rikors (ara l-punt 61 iktar ’il fuq).

70      Issa, skont l-indikazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti, fid-data tas-seduta, u, iktar u iktar f’dik meta ġie ppreżentat ir-rikors, l-ebda qorti Rumena ma kienet ħadet deċiżjoni.

71      F’tali konfigurazzjoni, jekk, wara s-seduta li nżammet f’din il-kawża, il-qorti Rumena kellha tilqa’ t-talba magħmula mir-rikorrenti u jekk, parallellament, il-Qorti Ġenerali tilqa’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tingħata kumpens darbtejn għall-istess dannu.

72      Għaldaqstant, il-ġurisprudenza tat soluzzjonijiet li jippermettu li jiġu evitati tali konsegwenzi, skont il-każ, jew mill-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors, jew iktar tard, waqt l-evalwazzjoni tal-mertu.

A –  Effett fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors tat-tressiq ta’ azzjoni għad-danni quddiem il-qorti Rumena

73      Permezz tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 1989, Roquette frères vs Il-Kummissjoni (20/88, Ġabra p. 1553, punt 15), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ammissibbiltà tal-azzjoni għal danni prevista fl-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tista’ tkun suġġett f’ċerti każijiet għall-użu tal-mezzi ta’ rikors interni kollha li huma possibbli għall-kisba ta’ kumpens min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, sakemm dawn il-mezzi ta’ rikors jiżguraw b’mod effettiv il-protezzjoni tal-individwi kkonċernati billi jkunu jistgħu jwasslu għall-kumpens għad-dannu allegat.

74      Fil-formulazzjoni ta’ dan il-prinċipju, l-użu tal-verb “jista’” jixhed li n-nuqqas ta’ użu “tal-mezzi ta’ rikors interni possibbli għall-kisba ta’ kumpens min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali” ma għandux sistematikament iwassal għall-konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà min-naħa tal-qorti tal-Unjoni. Dan jista’ jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors biss “f’ċerti każijiet”.

75      Dawn il-każijiet ma ġewx ippreċiżati mis-sentenza Roquette frères vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq (punt 15). Madankollu, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li ma teżistix ipoteżi fejn il-fatt li ma ġiex deċiż b’mod definittiv dwar l-azzjoni għal danni mressqa quddiem il-qorti nazzjonali jimplika neċessarjament l-inammissibbiltà tar-rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni. Din l-ipoteżi hija dik fejn dan il-fatt ifixkel lil din tal-aħħar milli tidentifika n-natura u l-kwantità tad-dannu invokat quddiemha, bir-riżultat li l-eżiġenzi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura ma jkunux ġew osservati (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq).

76      Issa, f’dan il-każ, minkejja l-fatt li l-ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi konkluż li l-ebda qorti Rument ma ddeċidiet dwar l-azzjoni għal danni mressqa mir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tista’ tistabbilixxi n-natura u l-kwantità tad-dannu invokat (ara l-punt 65 iktar ’il fuq).

77      Għaldaqstant, huwa eskluż li dan ir-rikors jiġi eskluż bħala inammissibbli abbażi tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Roquette frères vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq (punt 15).

B –  Effett tat-tressiq ta’ azzjoni għal danni quddiem qorti Rumena fuq l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors

78      It-tressiq, quddiem qorti nazzjonali, ta’ azzjoni intiża għall-kumpens tal-istess dannu bħal dak invokat quddiem il-qorti tal-Unjoni ma għandux konsegwenzi biss fuq l-ammissibbiltà. Dan għandu effetti ukoll fuq l-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-rikors għal danni ppreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni.

79      Skont il-ġurisprudenza, meta, fl-ewwel lok, persuna tkun ressqet żewġ azzjonijiet intiżi għall-kumpens għall-uniku u l-istess dannu, waħda kontra awtorità nazzjonali, quddiem qorti nazzjonali, u l-oħra kontra istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, quddiem il-qorti tal-Unjoni, u, fit-tieni lok, ikun hemm ir-riskju li, minħabba evalwazzjonijiet differenti ta’ dan id-dannu miż-żewġ qrati aditi, l-imsemmija persuna ma tiġix ikkumpensata biżżejjed jew tiġi kkumpensata b’mod żbaljat, il-qorti tal-Unjoni għandha, qabel ma tiddeċiedi dwar id-dannu, tistenna li l-qorti nazzjonali tkun ħadet deċiżjoni dwar l-azzjoni mressqa quddiemha permezz ta’ deċiżjoni li ttemm l-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1967, Kampffmeyer et vs Il-Kummissjoni, 5/66, 7/66 u 13/66 sa 24/66, Ġabra p. 317, 344; tat-30 ta’ Novembru 1967, Becher vs Il-Kummissjoni, 30/66, Ġabra p. 369, 389 u 390, u tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, É.R. et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑138/03, Ġabra p. II‑4923, punt 42).

80      B’hekk, f’każ bħal dan, il-qorti tal-Unjoni għandha tistenna li l-qorti nazzjonali tkun iddeċidiet qabel ma tiddeċiedi dwar l-eżistenza u l-kwantità tad-dannu. Waqt li tkun qed tistenna, lanqas ma tista’ tiddeċiedi dwar ir-rabta ta’ kawżalità bejn l-aġir li hija akkużata bih l-Unjoni u d-dannu invokat. Min-naħa l-oħra, huwa possibbli, għall-qorti tal-Unjoni, anki qabel ma l-qorti nazzjonali tkun iddeċidiet, li tiddetermina jekk l-aġir ikkritikat huwiex ta’ natura li twassal għar-responsabbiltà extrakuntrattwali tal-Unjoni. Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Kampffmeyer et vs Il-Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq (Ġabra p. 339), qabel ma ssospendiet il-proċeduri quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet dwar l-eżistenza ta’ “nuqqas tas-servizz li jista’ jwassal għar-responsabbiltà tal-Komunità”.

81      F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti ressqet azzjoni li għadha pendent quddiem il-qorti Rumena sabiex tingħata kumpens għall-istess dannu bħal dak invokat fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali tirriżerva l-eżami tad-dannu u tar-rabta ta’ kawżalità.

82      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tirreleva li hija f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet preliminari għal din l-evalwazzjoni.

83      B’mod partikolari, hija tista’ tevalwa l-legalità taż-żewġ okkażjonijiet ta’ aġir tal-Kummissjoni invokati mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet għad-dannu tagħha mressqa abbażi tar-responsabbiltà minħabba nuqqas. Barra minn hekk, jekk tiċħad dawn l-ewwel talbiet għad-danni, hija tkun ukoll f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas, fil-każ li tali skema ta’ responsabbiltà tkun preżenti fid-dritt tal-Unjoni.

 Fuq il-mertu

84      Ir-rikorrenti tfittex ir-responsabbiltà tal-Unjoni fuq żewġ bażijiet differenti: hija tinvoka, prinċipalment, ir-responsabbiltà minħabba nuqqas tal-Unjoni, jiġifieri r-responsabbiltà minħabba aġir illegali u, sussidjarjament, ir-responsabbiltà mingħajr nuqqas, jiġifieri r-responsabbiltà minħabba aġir legali.

85      Dawn iż-żewġ bażijiet ser jiġu eżaminati, iktar ’il quddiem, suċċessivament.

I –  Fuq ir-responsabbiltà minħabba nuqqas

86      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija suġġetta għall-eżistenza ta’ grupp ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, l-imputabbiltà tal-aġir li istituzzjoni jew korp tal-Unjoni jkun akkużat bih, it-tieni nett, l-illegalità ta’ dan l-aġir, it-tielet nett, l-eżistenza ta’ dannu, u r-raba’ nett, l-eżistenza ta’ rabta diretta ta’ kawżalità bejn l-imsemmi aġir u d-dannu allegat. Meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2012, Interspeed vs Il-Kummissjoni, T‑587/10, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Sabiex il-kundizzjoni dwar l-illegalità tal-aġir ikkritikat tkun issodisfatta, il-ġurisprudenza titlob li jiġi stabbilit ksur serju biżżejjed ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema stabbilita mill-ġurisprudenza fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, tikkunsidra b’mod partikolari l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew interpretazzjoni tat-testi u, b’mod iktar partikolari, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-awtur tal-att inkwistjoni. Il-kriterju deċiżiv sabiex ikun jista’ jitqies li ksur huwa suffiċjentement serju huwa n-nuqqas manifest u gravi, min-naħa tal-istituzzjoni kkonċernata, li josservaw il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. Peress li din l-istituzzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment żgħir, kważi ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punti 40 u 42 sa 44, u tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra p. I‑11355, punti 52 sa 55).

88      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-legalità ta’ dawn iż-żewġ każijiet ta’ aġir differenti li, kif jirriżulta mill-punt 59 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni bihom.

A –  L-ewwel aġir ikkritikat, li jikkorrispondi għar-rifjut li jiġi żvelat fejn jinsabu l-kwoti allegatament misruqa fis-16 ta’ Novembru 2010

1.     Eżistenza tal-ewwel aġir ikkritikat

89      Huwa ċertament minnu li l-ebda waħda mill-ittri mibgħuta lill-Kummissjoni f’isem ir-rikorrenti, u li jinsabu fil-proċess, ma tinkludi talba intiża espressament sabiex il-Kummissjoni tiżvela fejn kienu jinsabu l-kwoti allegatament misruqa fis-16 ta’ Novembru 2010.

90      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni spontanjament indikat lir-rikorrenti, fl-ittri tagħha tal-14 u tat-22 ta’ Diċembru 2010, li “F’dak li jikkonċerna l-iskambju ta’ kwoti [...] din hija informazzjoni kunfidenzjali għal ħames snin”.

91      Barra minn hekk, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li, fil-21 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti talbet lill-President tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell tordna lill-Kummissjoni “tikkomunika l-identità tal-proprjetarju jew proprejtarji” tal-kontijiet li fuqhom kienu jidhru l-kwoti li, skont hi, kienu nsterqulha fis-16 ta’ Novembru 2010 (ara l-punt 30 iktar ’il fuq). Fi kliem ieħor, ir-rikorrenti talbet li l-Kummissjoni tiġi ordnata tiżvela fejn kienu jinsabu l-kwoti allegatament misruqa.

92      Issa, filwaqt li tali talba kienet indirizzata lill-president tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell u mhux lill-Kummissjoni, jidher li, permezz tal-ittra tagħha tas-7 ta’ April 2011 (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), din tal-aħħar kellha l-intenzjoni li tirrispondiha. Fil-fatt, huwa ppreċiżat, f’din l-ittra, li d-data dwar it-tranżazzjonijiet irreġistrati fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet hija kunfidenzjali u li, “skont prattika stabbilita sew”, il-Kummissjoni tipprovdi din id-data lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġi biss, fuq talba debitament ġustifikata. Ċertament, din l-ittra tas-7 ta’ April 2011 ma kinitx indirizzata lir-rikorrenti, iżda lil kumpannija oħra tal-istess grupp. Hija ma rreferitx għat-talba mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċeduri mibdija quddiem il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell. Xorta jibqa’ l-fatt li hija rrispondiet b’mod indirett għal din it-talba.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni rrifjutat li tilqa’ talba tar-rikorrenti intiża għall-iżvelar ta’ fejn kienu jinsabu l-kwoti allegatament misruqa fis-16 ta’ Novembru 2010. Għaldaqstant hija stabbilita l-eżistenza tal-ewwel aġir.

2.     Legalità tal-ewwel aġir ikkritikat

94      Sabiex tintwera’ l-illegalità tal-ewwel aġir ikkritikat, jiġifieri r-rifjut tal-Kummissjoni li tiżvela direttament informazzjoni kunfidenzjali, ir-rikorrenti qajmet, essenzjalment, seba’ motivi.

a)     L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2216/2004

 L-argumenti tar-rikorrenti

95      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli fil-qasam tal-kunfidenzjalità, billi rrifjutat li tiżvelalha informazzjoni dwar il-kwoti allegatament misruqa.

96      Insostenn ta’ dan il-motiv, hija ssostni li l-Kummissjoni kellha tiżvelalha l-informazzjoni kunfidenzjali b’mod li tippermetti l-irkupru tal-kwoti allegatament misruqa. Fil-fatt, skont din, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 kien jawtorizza l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali meta dan kien neċessarju għall-implementazzjoni tal-eżiġenzi tar-Regolament Nru 2216/2004, tad-Direttiva 2003/87 u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Issa, preċiżament, l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar kwoti misruqa huwa neċessarju għall-“implementazzjoni” ta’ tali eżiġenzi u jikkostitwixxi “kundizzjoni taż-żamma tar-reġistri”.

97      Sabiex tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87 jafda lis-servizzi tal-Kummissjoni maħtura sabiex iżommu reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, id-dover li tiskopri eventwali irregolaritajiet li jaffettwaw it-tranżazzjonijiet, bħal serq, u li tirrimedja għal dan. Issa, tali dover ma jistax jitwettaq sewwa jekk l-ebda informazzjoni ma tingħata lill-“vittmi ta’ dawn l-irregolaritajiet”. B’hekk, l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar kontijiet “bil-għan li jiġu rkuprati kwoti misruqa” jirrispondi għall-eżiġenzi tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87.

98      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ddikjarat li hija kienet taċċetta “li tiżvela l-informazzjoni lill-‘awtoritajiet [tal-Istati Membri] responsabbli għall-infurzar tal-liġi’”, iżda eskludiet li qrati ċivili, u b’mod partikolari l-president tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell, jistgħu jikkostitwixxu tali awtoritajiet. Issa, din il-pożizzjoni “ma hijiex iġġustifikata u tikkostitwixxi, fiha nfisha, użu ħażin ta’ poter” (“misuse of powers”, bl-Ingliż). Hija żżid li l-Kummissjoni ma rrispondietx “verament”, sa din il-ġurnata, għall-“ittri rogatorji mibgħuta mill-awtoritajiet penali Rumeni [...] fit-13 ta’ Jannar 2011”.

 Il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti

99      Sabiex tingħata risposta għall-ewwel motiv, jaqbel, preliminarjament, li jitfakkru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 u li jiġu interpretati.

–       Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 fis-seħħ fid-data tal-fatti li hija akkużata bihom il-Kummissjoni

100    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, fid-data li fiha l-Kummissjoni għandha tiġi kkunsidrata li rrifjutat li tiżvela l-informazzjoni li hija kienet talbet, jiġifieri mhux iktar tard mis-7 ta’ April 2011 (ara l-punt 92 iktar ’il fuq), l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 kien għadu fis-seħħ. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 91(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 994/2008, tat-8 ta’ Ottubru 2008, għal sistema standardizzata u sigura ta’ reġistri skont id-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 271, p. 3) abrogat ir-Regolament Nru 2216/2004, huwa estenda l-effett ta’ din l-abrogazzjoni għall-1 ta’ Jannar 2012.

101    L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2216/2004 baqa’ mhux mibdul qabel ma ġie abrogat, fl-1 ta’ Jannar 2012. Huwa jipprovdi li “[l]-informazzjoni kollha, inklużi d-depożiti tal-kontijiet kollha u t-tranżazzjonijiet kollha li saru, miżmuma fir-reġistri u fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, għandha titqies bħala kunfidenzjali għal kwalunkwe skop għajr l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, tad-Direttiva 2003/87/KE jew tal-liġi nazzjonali”.

102    Il-formulazzjoni tal-Artikolu 10(2) sa (2e) tar-Regolament Nru 2216/2004 applikabbli għad-data tal-ewwel aġir ikkritikat kienet tirriżulta, mill-emendi magħmula mill-Artikolu 78(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 920/2010, tas-7 ta’ Ottubru 2010, għal sistema standardizzata u sigura ta’ reġistri skont id-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 270, p. 1), liema emendi kienu daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2010, skont l-Artikolu 80 ta’ dan ir-regolament.

103    B’hekk fil-formulazzjoni tiegħu applikabbli għall-kawża, l-Artikolu 10(2e) tar-Regolament Nru 2216/2004 jipprovdi:

“2.      L-entitajiet li ġejjin jistgħu jiksbu d-dejta maħżuna fir-reġistru u [fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet]:

a)      l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tat-taxxa ta’ Stat Membru;

b)      [l’OLAF];

c)      l-Europol;

d)      l-amministraturi tar-reġistru tal-Istat Membri,

2a.      Id-dejta ta’ tranżazzjoni tista’ tingħata lill-entitajiet elenkati skont il-paragrafu 2. fuq it-talba tagħhom lill-Amministratur Ċentrali jew lil amministratur ta’ reġistru jekk talbiet bħal dawn huma ġġustifikati u meħtieġa għall-finijiet ta’ investigazzjoni, individwazzjoni u prosekuzzjoni ta’ frodi, amministrazzjoni jew infurzar tat-taxxa, ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu jew reati serji.

2b.      Entità li tirċievi d-dejta skont il-paragrafu 2a għandha tiżgura li d-dejta li waslitilha tintuża biss għall-finijiet stipulati fit-talba skont il-paragrafu 2a u ma tkunx disponibbli deliberatament jew aċċidentalment għal persuni li mhumiex involuti fl-iskop maħsub tal-użu tad-dejta. Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tipprekludi dawn l-entitajiet milli jagħmlu d-dejta disponibbli għal entitajiet oħra elenkati fil-paragrafu 2, jekk din hi meħtieġa għall-finijiet stipulati fit-talba magħmula skont il-paragrafu 2a.

2c.      Fuq it-talba tagħhom, l-Amministratur Ċentrali jista’ jipprovdi aċċess għal dejta ta’ tranżazzjoni anonimizzata lill-entitajiet elenkati fil-paragrafu 2. bl-iskop ta’ tfittxija għall-xejriet ta’ tranżazzjoni suspettużi. L-entitajiet b’aċċess bħal dan jistgħu jinnotifikaw xejriet ta’ tranżazzjoni suspettuża lil entitajiet oħra elenkati fil-paragrafu 2.

2d.      L-Amministraturi tar-reġistru għandhom jagħmlu disponibbli l-ismijiet u l-identitajiet ta’ persuni li huma rrifjutawlhom il-ftuħ tal-kont, permezz ta’ mezzi siguri lill-amministraturi ta’ reġistru l-oħra kollha, jew ta’ dawk li huma rrifjutaw li jinnominaw bħala rappreżentant awtorizzat jew rappreżentant awtorizzat addizzjonali.

2e. L-amministraturi tar-reġistru jistgħu jiddeċiedu li jinnotifikaw lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi bit-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu għadd ta’ unitajiet ’il fuq mill-ammont determinat mill-amministratur tar-reġistru u li jinnotifikaw kull kont li hu involut f’għadd ta’ tranżazzjonijiet f’perjodu ta’ 24 siegħa li jkun ’il fuq mill-ammont determinat mill-amministratur tar-reġistru.”

104    Fl-aħħar nett, il-formulazzjoni tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 2216/2004 applikabbli għad-data tal-ewwel aġir ikkritikat tirriżulta minn emenda magħmula bl-Artikolu 1(6) tar-Regolament Nru 916/2007.

105    Għalhekk, fil-formulazzjoni tiegħu applikabbli għall-kawża, l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 2216/2004 jipprovdi:

“Kull awtorita kompetenti u amminstratur ta’ reġistru għandhom iwettqu biss proċessi li jikkonċernaw il-kwoti, l-emissjonijiet ivverifikati, [...] il-kontijiet jew l-unitajiet Kyoto fejn ikun meħtieġ biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom bħala awtorità kompetenti jew amministratur tar-reġistru”.

–       Interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004

106    L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 jirrispondi għall-bżonn li jiġi ppreżervat is-sigriet kummerċjali. Dan jistabbilixxi r-regola li l-informazzjoni kollha, inkluż il-kontenut tal-kontijiet kollha u t-tranżazzjonijiet kollha mwettqa, rreġistrati fir-reġistri u r-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, huma kkunsidrati kunfidenzjali.

107    L-ewwel eċċezzjoni għal din ir-regola hija prevista fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2216/2004. Din l-eċċezzjoni ssemmi l-każ fejn l-iżvelar ta’ tali informazzjoni jkollu l-għan li jimplementa l-eżiġenzi tar-Regolament Nru 2216/2004 tad-Direttiva 2003/87 jew tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Issa, hija għandha tiġi interpretata b’mod strett, l-istess bħal kull regola jew eċċezzjoni għal regola ġenerali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑82/10, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata). Sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li din tkopri biss żewġ ipoteżi. L-ewwel waħda hija dik fejn l-iżvelar ta’ informazzjoni miżmuma fir-reġistri u r-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet hija espliċitament meħtieħġa minn dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/87 jew tar-Regolament Nru 2216/2004 jew inkella minn dispożizzjoni normativa nazzjonali konformi mad-dritt tal-Unjoni. It-tieni ipoteżi hija dik fejn l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni hija indispensabbli għall-applikazzjoni korretta ta’ tali dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-imsemmija eċċezzjoni tapplika, bħala regola, għall-vantaġġ tal-awtoritajiet li jkollhom prerogattivi ta’ setgħat pubbliċi, li jistgħu, f’dan ir-rigward ikunu responsabbli għall-“implementazzjoni” tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2216/2004 u tad-Direttiva 2003/87 jew dawk tal-leġiżlazzjoni nazzjonali intiża sabiex tittrasponi jew tapplika dawn ir-regoli tal-Unjoni.

108    Il-paragrafi 2, 2a, 2b u 2c tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 jipprovdu t-tieni eċċezzjoni għar-regola skont liema l-informazzjoni li tinsab fir-reġistri u r-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet hija kunfidenzjali.

109    Fil-paragrafu 2 huwa espressament previst li din l-eċċezzjoni tapplika biss għall-benefiċċju tal-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri, tal-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri, tal-OLAF, tal-Europol u tal-amministraturi tar-reġistru tal-Istati Membri.

110    Barra minn hekk, din tapplika biss, skont il-paragrafu 2a, fl-ipoteżi li dawn l-entitajiet ikunu ressqu talba għall-kisba tal-informazzjoni miżmuma fir-reġistru u fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet. Din it-talba għandha tkun debitament immotivata. L-informazzjoni, min-naħa tagħha, għandha tkun meħtieġa għall-investigazzjoni ta’ reati jew delitti jew għall-istabbiliment tal-valur taxxabbli jew għall-irkupru tiegħu.

111    Fl-aħħar nett, il-paragrafu 2b ma jipprojbixxix entità li tikseb informazzjoni skont il-paragrafu 2a milli, hi stess, tiżvela lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi direttament ikkonċernati mill-kunsiderazzjonijiet kriminali jew fiskali stabbiliti fit-talba. Fil-fatt, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(2b) “[timponi lil kull] entità li tirċievi d-dejta skont il-paragrafu 2a għandha tiżgura li d-dejta li waslitilha tintuża biss għall-finijiet stipulati fit-talba skont il-paragrafu 2a u ma tkunx disponibbli deliberatament jew aċċidentalment għal persuni li mhumiex involuti fl-iskop maħsub tal-użu tad-dejta”. Minn dan għandu jiġi dedott, b’qari a contrario, li l-persuni “involuti fl-iskop maħsub tal-użu tad-dejta” invokat fit-talba mressqa skont il-paragrafu 2a jistgħu jiksbu din id-data mill-entitajiet li jkunu ressqu din it-talba.

112    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi kwalità tal-persuna kkonċernata mill-użu tad-data msemmi f’talba mressqa skont il-paragrafu 2a ma tagħtix dritt inkundizzjonat għall-kisba ta’ din id-data. L-iżvelar tagħha lil persuna li jkollha din il-kwalità jikkostitwixxi sempliċi fakultà mogħtija lill-entità li tkun ressqet l-imsemmija talba: hija din l-entità li għandha tevalwa, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi ta’ fatt għad-dispożizzjoni tagħha u tad-dritt nazzjonali applikabbli, jekk tali żvelar għandux iseħħ jew le.

113    B’hekk, meta awtorità penali bħal dik adita mir-rikorrenti fil-25 ta’ Novembru 2010 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), tkun kisbet, fil-kwalità tagħha ta’ entità “responsabbli mill-infurzar tal-liġi”, informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fir-reġistri u fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet li kienet, skont hi, neċessarja għall-identifikazzjoni tal-awturi ta’ reat jew delitt, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 ma jipprekludihiex milli tiżvela din l-informazzjoni lil persuna fiżika jew ġuridika li jkollha, bħar-rikorrenti, il-kwalità ta’ vittma tal-ksur kriminali allegat. Fil-fatt, fis-sens tal-Artikolu 10(2b) tar-Regolament Nru 2216/2004, tali persuna tista’ tiġi kkunsidrata biss li hija “[kkonċernata]” mill-kunsiderazzjonijiet invokati sabiex titneħħa l-kunfidenzjalità.

114    Il-paragrafu 2d tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 jistabbilixxi t-tielet eċċezzjoni għar-regola ta’ kunfidenzjalità, li hija applikabbli biss għall-benefiċċju tal-amministraturi tar-reġistri. Dan jawtorizzahom jittrażmettu reċiprokament ċerta informazzjoni.

115    Fl-aħħar nett, il-paragrafu 2e tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 jistabbilixxi r-raba’ eċċezzjoni għar-regola ta’ kunfidenzjalità: huwa jawtorizza l-amministraturi ta’ reġistri jindikaw lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġi, minn naħa, it-tranżazzjonijiet li l-portata tagħhom taqbeż ċertu limitu u, min-naħa l-oħra, il-kontijiet ikkonċernati minn numru ta’ tranżazzjonijiet ta’ kuljum superjuri għal ċertu limitu.

–       Applikazzjoni għall-każ inkwistjoni

116    Fl-ewwel lok, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi, minn naħa, li l-Amministratur Ċentrali maħtur mill-Kummissjoni jagħmel “kontroll awtomatizzat” ta’ kull tranżazzjoni rreġistrata, sabiex jiġi vverifikat li t-tranżazzjonijiet relatati mal-kwoti ma huma vvizzjati bl-ebda “irregolarità” u, min-naħa l-oħra, li, meta “irregolarità” tiġi misjuba, din l-awtorità għandha tgħarraf lill-Istat jew Stati Membri kkonċernati (ara l-punt 146 iktar ’il quddiem). Issa, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fil-punt 97 iktar ’il fuq, la dan l-artikolu u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2003/87 tar-Regolament Nru 2216/2004 ma jipprovdu espressament li l-Kummissjoni tista’ tiżvela informazzjoni dwar kwoti allegatament misruqa lill-allegata vittma tas-serq. Bl-istess mod, la huwa pprovat u lanqas biss allegat li dispożizzjoni normativa applikabbli fi Stat Membru tinkludi tali possibbiltà.

117    Barra minn hekk, ma huwiex ipprovat li tali tneħħija tal-kunfidenzjalità hija indispensabbli għall-applikazzjoni korretta ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 2003/87 jew tar-Regolament Nru 2216/2004 jew inkella ta’ dispożizzjoni normativa applikabbli fi Stat Membru. Hija ma hijiex, b’mod partikolari, neċessarja għall-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87, li huwa invokat mir-rikorrenti.

118    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tibbenefika mill-eċċezzjoni ratione materiae għar-regola ta’ kunfidenzjalità prevista fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2216/2004 (u mfakkra fil-punt 107 iktar ’il fuq).

119    Fit-tieni lok, jista’ jiġi rrelevat, b’mod superfluwu, li r-rikorrenti hija kumpannija anonima tad-dritt Rumen. F’din il-kwalità, hija ma tistax tinvoka utilment l-eċċezzjoni ratione personae stabbilita fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2216/2004 (u mfakkra fil-punt 108 iktar ’il fuq).

120    Fit-tielet lok, permezz tal-argument espost fil-punt 98 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni rrifjutat illegalment li tiżvela informazzjoni kunfidenzjali lil awtorità ġudizzjarja ċivili, jiġifieri l-president tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell, u ma żvelatx “realment” lil awtorità ġudizzjarja penali, jiġifieri l-prosekutur Rumen. Skont din, tali rifjut waqqafha milli, sussegwentement, ikollha aċċess għal din l-informazzjoni kunfidenzjali skont l-Artikolu 10(2b) tar-Regolament Nru 2216/2004, kif interpretat fil-punti 108 u 113 iktar ’il fuq.

121    Madankollu, minn naħa, mid-dikjarazzjonijiet tar-risposta, sostnuti minn dokument intern tal-Kummissjoni prodott minn din tal-aħħar bħala risposta għal domanda bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fis-7 ta’ April 2011, l-OLAF, li, skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ April 1999, li Twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 110) huwa, b’mod partikolari, responsabbli “li jeżegwixxi l-investigazzjonijiet amministrattivi interni maħsuba [...] sabiex jiġġieled kontra l-frodi” u “jipprovdi l-appoġġ tal-Kummissjoni fil-koperazzjoni ma’ l-Istati Membri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi”, irrisponda għat-talba magħmul mill-prosekutur Rumen permezz ta’ ittri rogatorji (ara l-punt 37 iktar ’il fuq). Issa, dawn id-dikjarazzjonijiet fir-risposta, mhux talli ma ġewx kontradetti, iżda talli huma kkorraborati kompletament mir-rikors stess. Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti tallega, fil-punt 93 tar-rikors, li hija ma ngħatatx “realment” risposta għat-talba magħmula permezz ta’ ittri rogatorji (ara l-punt 98 iktar ’il fuq), hija tammetti parallellalment l-eżistenza ta’ tali risposta fil-punt 53 tar-rikors. Barra minn hekk, anki jekk, bl-argument espost fil-punt 93 tar-rikors, ir-rikorrenti kienet ikkritikat ir-relevanza tar-risposta mogħtija, f’isem il-Kummissjoni, mill-OLAF għad-domanda inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li hija ma toffri l-ebda prova tali li ssostni din l-allegazzjoni. Hija lanqas ma ppreċiżat kif, skont hi, ir-risposta offruta mill-OLAF lill-prosekutur Rumen kienet inadegwata jew insuffiċjenti, u dan, minkejja li l-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, ippreċiżat il-portata tal-informazzjoni mibgħuta, f’isimiha, mill-OLAF (ara l-punt 37 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-Kummissjoni rrifjutat li tiżvela informazzjoni lill-prosekutur Rumen billi bbenefikat mill-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni.

122    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 ma jawtorizzax lill-Kummissjoni tiżvela lill-president tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fir-reġistri. Fil-fatt, bħala Mħallef għal miżuri provviżorji, dan tal-aħħar ma kellux il-kwalità ta’ “awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi” fis-sens tal-Artikolu 10(2a) (ara l-punt 103 iktar ’il fuq). B’mod partikolari huwa ma kellu jagħmel l-ebda investigazzjoni dwar il-kwoti allegatament misruqa.

123    Madankollu, ma huwiex preċiż li jiġi allegat, kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-Kummissjoni rrifjutat li tiżvela informazzjoni kunfidenzjali lil awtorità ġudizzjarja ċivili ta’ Stat Membru, bħal ma huwa l-president tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell: hija unikament irrifjutat li tiżvela direttament din l-informazzjoni lir-rikorrenti fuq ordni ta’ din l-awtorità ġudizzjarja Belġjana.

124    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fin-nota tagħha ppreżentata fil-21 ta’ Frar 2011 quddiem il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell, l-avukat tal-Kummissjoni indika li ġej:

“[L]-Unjoni dejjem qalet li hija kienet disposta tirrispondi għad-domandi debitament motivati magħmula lilha mill-awtoritajiet Statali, iżda dan ma huwiex dak li qegħda titlob il-parti avversarja [...] altru tingħata informazzjoni lil imħallef, pulizija [...], u altru tingħata informazzjoni lil kumpannija kummerċjali, li huwa għalxiex it-talba – anki jekk magħmula quddiem qorti – hija intiża: fl-ipoteżi li din tintlaqa’, l-Unjoni [...] ma jkollhiex tagħti l-informazzjoni mitluba lill-President [tal-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell] bħala Mħallef għal miżuri provviżorji, iżda lill-konvenuta”.

125    Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni sostniet, permezz tal-avukat tagħha, li hija kienet taċċetta li tgħaddi, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2216/2004, informazzjoni kunfidenzjali dwar il-kwoti ta’ emissjoni, b’mod partikolari, lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Iżda hija ppreċiżat li talba, bħat-talba għal miżuri provviżorji mressqa mir-rikorrenti quddiem il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), ma kinitx intiża għall-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali lil tali awtoritajiet, iżda għall-iżvelar ta’ din l-informazzjoni direttament lil “kumpannija kummerċjali”, b’mod li ma setgħetx, fil-fehma tagħha, tilqa’ din it-talba.

126    Għaldaqstant, l-ewwel motiv huwa infondat.

b)     It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ obbligi li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto

 L-argumenti tal-partijiet

127    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li, kif interpretat fil-punt 107 iktar ’il fuq, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2216/2004 jikser id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 47 tal-anness għad-Deċiżjoni 13/CMP.1, imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq. B’hekk hija tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità.

128    Insostenn tagħha, hija tesponi li l-paragrafu 47 tal-anness għad-Deċiżjoni 13/CMP.1 jelenka informazzjoni li għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku “skont il-paragrafu 44”. Issa, skont din, fost din l-informazzjoni hemm “ċerta data tal-kontijiet individwali”.

129    Barra minn hekk, hija ssostni li “hija ma setgħetx raġonevolment tistenna li l-Kummissjoni [...] tinterpreta l-obbligi tagħha b’mod sproporzjonat u inkoerenti fir-rigward [...] tal-obbligi meħuda [...] fil-kuntest tal-Protokoll ta’ Kyoto”, bħad-Deċiżjoni 13/CMP.1, u minn dan tiddeduċi li l-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittivi ma ġiex osservat.

130    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li l-anness għad-Deċiżjoni 13/CMP.1 ma jagħmilx parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni peress li din tal-aħħar ma ppruvatux.

 Fondatezza tal-motiv

131    Anki fl-ipoteżi li l-anness għad-Deċiżjoni 13/CMP.1 jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u li huwa invokabbli quddiem il-Qorti Ġenerali, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud, u dan, minħabba ż-żewġ raġunijiet esposti hawn.

–       L-ewwel raġuni

132    Il-paragrafu 44 tal-anness għad-Deċiżjoni 13/CMP.1 jipprovdi li “[l-] informazzjoni mhux kunfidenzjali inkluża f’kull reġistru nazzjonali hija għad-dispożizzjoni tal-pubbliku”, filwaqt li l-paragrafu 47, li ssostni r-rikorrenti, jipprovdi:

“L-informazzjoni msemmija fil-[paragrafu] 44 [...] tinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar l-unitajiet miżmuma u t-tranżazzjonijiet li jsiru fil-kuntest tar-reġistru nazzjonali [...]:

Il-kwantità totali [ta’ unitajiet ta’ Kyoto (jiġifieri ta’ ERU, CERU, UKA u UAS), iddefiniti kif ġie ppreċiżat fil-punt 4 iktar ’il fuq,] miżmuma fuq kull kont fil-bidu tas-sena;

Il-kwantità totali ta’ UKA mogħtija abbażi tal-kwantità attribwita [...];

Il-kwantità totali ta’ ERU mogħtija abbażi [ta’ ċerti proġetti];

Il-kwantità totali ta’ [unitajiet ta’ Kyoto] akkwistati minn reġistri oħra u l-elementi ta’ identifikazzjoni tal-kontijiet u reġistri ta’ oriġini;

Il-kwantità totali ta’ UAS mogħtija abbażi ta’ [ċerti attivitajiet];

Il-kwantità totali ta’ [unitajiet ta’ Kyoto] ċeduti lil reġistri oħra u l-elementi ta’ identifikazzjoni tal-kontijiet u reġistri ta’ destinazzjoni;

Il-kwantità totali ta’ [unitajiet ta’ Kyoto] annullati abbażi [ta’ ċerti attivitajiet];

Il-kwantità totali ta’ [unitajiet ta’ Kyoto] annullati [regolarment];

Il-kwantità totali ta’ [unitajiet ta’ Kyoto] oħra annullati;

Il-kwantità totali ta’ [unitajiet ta’ Kyoto] irtirati;

Il-kwantità totali ta’ [unitajiet ta’ Kyoto] ittrasferiti mill-perijodu tal-eżerċizzju preċedenti;

L-[unitajiet ta’ Kyoto] miżmuma fuq kull kont fil-mument ikkunsidrat”.

133    Kif jirriżulta minn dawn it-termini stess, il-paragrafu 47 tal-anness għad-Deċiżjoni 13/CMP.1 ma jikkwalifikax bħala “mhux kunfidenzjali” l-informazzjoni li jagħti lista tagħha.

134    Jekk, minkejja dan il-fatt, jiġi aċċettat li dan il-paragrafu 47 jirreferi biss għal informazzjoni min-natura tagħha mhux kunfidenzjali, bilkemm jibqa’ informazzjoni li tista’ tiġi kkunsidrata kunfidenzjali f’reġistru nazzjonali. Fil-fatt, kull unità ta’ Kyoto għandha, skont il-paragrafi 24, 27, 29 u 41(b) tal-anness għad-Deċiżjoni 13/CMP.1 numru ta’ serje tagħha. Għalhekk, jekk jiġi deċiż li l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 47 ta’ dan l-istess anness hija min-natura tagħha mhux kunfidenzjali, dan ikun ifisser, b’mod partikolari, li, skont il-paragrafu 47, kwalunkwe persuna tkun tista’ ssir taf liema unitajiet ta’ Kyoto jinsabu fuq kont partikolari f’mument partikolari u tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, permezz ta’ analiżi ta’ data għad-dispożizzjoni tagħha, minn fejn ikunu joriġinaw dawn il-kwoti. Sussegwentement, tali interpretazzjoni tal-paragrafu 47 tal-anness għad-Deċiżjoni 13/CMP.1 tħalli mingħajr effett il-paragrafu 44, li jawtorizza biss l-iżvelar lill-pubbliku ta’ informazzjoni mhux kunfidenzjali li tkun tinsab fir-reġistru.

135    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 47 hija informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, skont il-paragrafu 44, iżda unikament meta tkun ta’ natura mhux kunfidenzjali.

136    L-anness għad-Deċiżjoni 13/CMP.1 ma jippreċiżax il-kriterji skont liema informazzjoni li tinsab fil-paragrafu 47 tagħha tista’ tiġi kkunsidrata mhux kunfidenzjali minn parti għall-protokoll ta’ Kyoto.

137    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax utilment tuża l-paragrafu 47 tal-anness għad-Deċiżjoni 13/CMP.1 sabiex turi li l-informazzjoni li hija titlob hija ta’ natura mhux kunfidenzjali.

–       It-tieni raġuni

138    Il-paragrafi 44 u 47 tad-Deċiżjoni 13/CMP.1 jirreferu biss għall-iżvelar lill-pubbliku ta’ informazzjoni li tikkonċerna unitajiet ta’ Kyoto. Huma ma jirreferux għall-iżvelar lill-pubbliku ta’ informazzjoni dwar kwoti ta’ emissjoni stabbiliti skont id-Direttiva 2003/87 u r-Regolament Nru 2216/2004.

139    Fl-ewwel lok, l-unitajiet ta’ Kyoto u l-kwoti ta’ emissjoni huma ta’ natura distinta.

140    Fil-fatt, kif intqal fil-punt 10 iktar ’il fuq, l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 2216/2004 jipprovdu li kwota ta’ emissjoni tinkiseb bil-“konverżjoni” ta’ UKA, fejn din il-konverżjoni ssir biż-żieda tat-terminu “kwota” għall-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-UKA. Il-bżonn ta’ tali “konverżjoni” juri li kwota u UKA huma differenti, b’mod partikolari fuq il-livell tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ kunfidenzjalità.

141    Barra minn hekk, kif ġie ppreċiżat fil-punt 11 iktar ’il fuq, l-Artikolu 11a tad-Direttiva 2003/87 joffri, taħt ċerti riżervi, il-possibbiltà, għall-operaturi ta’ stallazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema Komunitarja ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gass serra, li jiksbu kwoti ta’ emissjoni “bi skambju” ta’ ERU jew CERU. Issa, dan il-fatt juri li l-kwoti ta’ emissjoni għandhom natura distinta mill-ERU u CERU, b’mod partikolari, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ kunfidenzjalità.

142    Fl-aħħar nett, b’mod iktar ġenerali, ir-Regolament Nru 2216/2004 jagħmel distinzjoni bejn ir-regoli applikabbli għall-kwoti ta’ emissjoni u dawk relatati mal-unitajiet ta’ Kyoto. Fil-fatt, huwa ma jiġborx, minn naħa, il-kwoti, u min-naħa l-oħra, l-unitajiet ta’ Kyoto, taħt kelma waħda. Pereżempju, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 2216/2004 jipprovdi li, “[s]akemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, il-kontijiet kollha għandhom ikunu kapaċi jżommu kwoti u unitajiet ta’ Kjoto”.

143    Fit-tieni lok, l-unitajiet ta’ Kyoto u l-kwoti ta’ emissjoni jirrispondu għal għanijiet differenti.

144    Fil-fatt, minn naħa, mill-paragrafi 1 sa 4 tal-anness għad-Deċiżjoni 13/CMP.1 jirriżulta li l-unitajiet ta’ Kyoto jingħataw skont il-Protokoll ta’ Kyoto jew deċiżjonijiet meħuda fl-applikazzjoni tiegħu. Kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tiegħu, imsemmi fil-punt 3 iktar ’il fuq, dan il-protokoll, l-istess bħad-deċiżjonijiet meħuda fl-applikazzjoni tiegħu, jistabbilixxi obbligi biss fir-rigward tal-Istati u tal-organizzazzjonijiet interstatali li huma partijiet. L-unitajiet ta’ Kyoto huma għalhekk strumenti li dawn l-Istati u l-organizzazzjonijiet interstatali jistgħu jużaw sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto.

145    Min-naħa l-oħra, il-kwoti ta’ emissjoni ġew stabbiliti skont id-Direttiva 2003/87 u r-Regolament Nru 2216/2004. Dawn it-testi jistabbilixxu obbligi fir-rigward ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, jiġifieri dawn li jeżerċitaw attivitajiet inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87. Il-kwoti ta’ emissjoni jikkostitwixxu għalhekk strumenti li ġew maħluqa biss permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li huma intiżi, l-ewwel nett, għal dawn il-persuni fiżiċi u ġuridiċi. Huma jikkostitwixxu elementi mill-patrimonju ta’ dawn il-persuni, li l-użu tagħhom jaqa’ taħt loġika kummerċjali.

146    Barra minn hekk, peress li l-unika informazzjoni li l-Kummissjoni rrifjutat li tiżvela lir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tal-4 ta’ April 2011, kienet dwar kwoti ta’ emissjoni, huwa inutli li r-rikorrenti teċċepixxi li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 jmur kontra l-paragrafu 47 tad-Deċiżjoni 13/CMP.1, li tirrigwarda biss, kif intqal, l-unitajiet ta’ Kyoto. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalhekk, l-argument imsemmi fil-punt 129 iktar ’il fuq ma jistax jintlaqa’.

c)     It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 19 u 20 tad-Direttiva 2003/87

147    Skont l-Artikolu 19(2) u (3) tad-Direttiva 2003/87:

“2. Kull persuna jista’ jkollha kwoti. L-uffiċċju tar-reġistrazzjonijiet għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku u għandu jkun fih kontijiet separati sabiex jirreġistra l-kwoti miżmuma minn kull wieħed mill-persuni li lilhom jew minn għandhom joħorġu jew jiġu ttrasferiti l-kwoti.

3. Sabiex timplimenta din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tadotta [...] sistema standardizzata u ggarantita ta’ uffiċji tar-reġistrazzjonijiet fil-għamla ta’ databases elettroniċi standardizzati li jkun fihom elementi komuni ta’ informazzjoni sabiex jittraċċjaw il-ħruġ, iż-żamma. it-tramsferiment u l-kanċellazzjoni tal-konċessonijiet, sabiex jipprovvdu l-aċċess lill-pubblu u għall-kunfidenzalità kif xieraq u sabiex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda trasferiment mhux kompatibbli ma’ l-obbliġi li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto […]”

148    Skont l-Artikolu 20 tal-istess direttiva:

“[…]

L-Amministratur Ċentrali [maħtur mill-Kummissjoni] għandu jikkonduċi kontroll awtomatizzat fuq kull waħda mit-transazzjonijiet fl-uffiċċji tar-reġistrazzjonijiet permezz ta’ reġistru indipendenti tat-transazzjonijiet sabiex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda irregolarità fil-ħruġ, it-rasferiment u l-kanċellazzjoni tal-konċessonijiet.

3. Jekk l-irregolaritajiet jiġu identifikati permezz tal-kontroll awtomatizzat, l-Amministratur Ċentrali għandu jgħarraf lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri interessati li ma għandhomx jirreġistraw it-transazzjonijiet fil-kwistjoni jew kull transazzjoni oħra li jkollha x’taqsam mal-kwoti sakemm jiġu riżolti l-irregolaritajiet.”

 L-argumenti tar-rikorrenti

149    Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, eċċezzjoni ta’ illegalità.

150    Hija ssostni li l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87, li jabilita lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi, permezz ta’ regolament, “sistema standardizzata u ggarantita”, iħalli lill-Kummissjoni “ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex issib l-ekwilibriju xieraq bejn l-aċċess lill-pubbliku u l-kunfidenzjalità”, iżda li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa limitat mill-“formulazzjoni stretta tal-Artikolu 20 ta’ [din l-istess direttiva] li tirrigwarda irregolaritajiet u l-obbligu li jinstab rimedju għalihom”. Hija żżid li, meta, minn naħa, kwoti ta’ emissjoni, jkunu s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet ivvizzjati b’“irregolaritajiet” u, min-naħa l-oħra, dawn l-“irregolaritajiet” ikunu ġew indikati lilha, il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87, tiżvela l-informazzjoni relatata ma’ dawn il-kwoti.

151    Skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 “ma jissodisfax l-eżiġenzi tal-Artikoli 19 u 20 tad-Direttiva [2003/87]”. Fil-fatt, dawn l-aħħar żewġ artikoli jinsistu fuq is-sigurtà li s-sistema ta’ skambju tal-kwoti ta’ emissjoni għandu jkollha, filwaqt li r-regoli ta’ kunfidenzjalità stabbiliti mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 jipprekludi li kwoti jkunu jistgħu jiġu sekwestrati fuq talba tagħha u jipprojbixxi, “anki fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali”, li informazzjoni dwar il-kwoti tiġi żvelata lill-“awtur tal-ilment”.

152    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti tqis li, billi adottat l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004, il-“Kummissjoni manifestament saret kolpevoli ta’ ksur manifest u gravi tal-limiti stabbiliti għas-setgħa diskrezzjonali tagħha”. Skont ir-rikorrenti, kien neċessarju li jiġi previst li l-informazzjoni relatata ma’ serq ta’ kwoti tiġi żveltata lill-allegata vittma ta’ dan is-serq. Fil-fatt, hija biss tali previżjoni li hija ta’ natura li tippermetti l-osservanza tal-ekwilibriju xieraq, previst mill-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87, bejn “l-aċċess lill-pubbliku u għall-kunfidenzjalità”. Barra minn hekk, hija ssostni li “hija ma setgħetx raġonevolment tistenna li l-Kummissjoni tirrifjuta li tieħu miżuri f’każ ta’ irregolarità u/jew tinterpreta l-obbligi tagħha b’mod sproporzjonat u inkoerenti fir-rigward tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87 [...]” u minn hemm tinferixxi li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ġie miksur.

 Il-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti

153    Fl-ewwel lok, huwa minnu li l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87 jimponi li r-Regolament Nru 2216/2004 “jipprovvdu l-aċċess lill-[pubbliku] u għall-kunfidenzalità kif xieraq”, jiġifieri li tamministra ekwilibriju tajjeb bejn trasparenza, minn naħa, u kunfidenzjalità, min-naħa l-oħra.

154    Madankollu, preċiżament, sabiex jiġu osservati dawn id-diversi eżiġenzi u, b’hekk, jikkonforma mal-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 jipprovdi eċċezzjonijiet importanti għall-kunfidenzjalità tad-data miżmuma fir-reġistri u r-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet. B’mod partikolari, kif intqal fil-punt 113 iktar ’il fuq, meta awtorità penali, bħal dik adita mir-rikorrenti fil-25 ta’ Novembru 2010 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq), tikseb informazzjoni kunfidenzjali li tkun tinsab fir-reġistri u r-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet li kienet, skont hi, neċessarja għall-identifikazzjoni tal-awturi ta’ reat jew delitt, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 ma jipprekludix lil din l-awtorità penali milli tiżvela din l-informazzjoni lil persuna fiżika jew ġuridika li jkollha, bħar-rikorrenti, il-kwalità ta’ vittma tal-ksur kriminali allegat. Dan l-artikolu lanqas ma jipprekludi lil din il-persuna, abbażi tal-informazzjoni żvelata lilha, milli tibda, sussegwentement, proċeduri intiżi għas-sekwestru ta’ ċerti kwoti ta’ emissjoni.

155    Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87 mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 għandu jiġi miċħud.

156    Fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq interpretazzjoni ineżatta tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87.

157    Fil-fatt, dan l-artikolu jimponi, ċertament, żewġ obbligi, wieħed fuq l-Amministratur Ċentrali, jiġifieri fuq il-Kummissjoni, u l-ieħor fuq ċerti Stati Membri: minn naħa, jekk “kontroll awtomatizzat” jaqa’ taħt irregolaritajiet relatati ma’ tranżazzjoni, l-Amministratur Ċentrali għandu jinforma “lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri interessati”; min-naħa l-oħra, ladarba dawn tal-aħħar ikunu rċevew tali informazzjoni, huma pprojbiti milli jirreġistraw din it-tranżazzjoni jew kwalunkwe tranżazzjoni ulterjuri relatata mal-kwoti kkonċernati, u dan, “sakemm jiġu riżolti l-irregolaritajiet”.

158    Madankollu, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87 ma jipprovdix l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar tranżazzjoni vvizzjata minn “irregolarità”. Iktar u iktar, ma tobbligax lill-Kummissjoni tiżvela informazzjoni dwar kwoti msemmija minn tali tranżazzjoni.

159    F’dawn iċ-ċirkustanzi, la l-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87 mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004, u lanqas l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, kif espost fil-punt 152 iktar ’il fuq, ma jista’ jintlaqa’.

160    Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

d)     Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà

 L-argumenti tar-rikorrenti

161    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, mill-ġdid, eċċezzjoni ta’ illegalità.

162    Minn naħa, hija ssostni li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 jikser b’mod sproporzjonat id-dritt tagħha għall-proprjetà. Fil-fatt, ir-regoli ta’ kunfidenzjalità stabbiliti minn dan l-artikolu fixklu lill-Kummissjoni milli taġixxi, kif kellha “b’mod profond, malajr, imparzjali u b’attenzjoni” sabiex tgħinha titfa dawl fuq is-serq tal-kwoti allegatament subit fis-16 ta’ Novembru 2010. Huma b’hekk fixkluha milli tirkupra l-kwoti tagħha u għandhom, b’hekk, l-istess effetti bħal esproprijazzjoni.

163    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li dawn ir-regoli ta’ kunfidenzjalità, li jirrispondu għall-bżonn li jiġi ppreżervat is-sigriet kummerċjali u li tiġi żgurata l-likwidità tas-suq, toħloq dannu, kuntrarjament għal dak li tindika l-Kummissjoni, għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ skambju tal-kwoti ta’ emissjoni. Huma b’hekk ma jirrispondu għall-ebda interess pubbliku suffiċjenti.

 Fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti

164    L-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiggarantixxi d-dritt għall-proprjetà. Madankollu, dan id-dritt ma jikkostitwixxix prerogattiva assoluta u, konsegwentement, jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il-Kunsill, T‑187/11, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

165    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li r-regoli ta’ kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 pprekluduha milli tirkupra l-kwoti misruqa, u b’hekk, illimitaw, indirettament, l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà tagħha.

166    Għaldaqstant, anki fl-ipoteżi li dan huwa l-każ, din ir-restrizzjoni għandha tiġi kkunsidrata skont l-eżiġenzi stabbiliti mill-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li tgħid, minn naħa, “[k]ull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti [mill-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali] għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet u, min-naħa l-oħra, “[b]la ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

167    Fil-fatt, l-ewwel nett, dawn ir-regoli ta’ kunfidenzjalità huma previsti mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004, li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw tal-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87 (ara l-punt 155 iktar ʼil quddiem). Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala previsti mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

168    It-tieni nett, kif intqal fil-punt 106 iktar ʼil fuq, dawn ir-regoli għandhom l-għan li jippreżervaw is-sigriet kummerċjali, jiġifieri “għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni”.

169    It-tielet nett, l-imsemmija regoli ma jipprovdux għal eżiġenzi sproporzjonati meta mqabbla mal-għan intiż. Minn naħa, huma ma jimminawx il-kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà. Fil-fatt, minnhom infushom, huma ma jiksrux direttament dan id-dritt. Min-naħa l-oħra, huma ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għan imsemmi fil-punt preċedenti. Fil-fatt, kif intqal fil-punti 113 u 154 iktar ʼil fuq, meta awtorità penali, bħal dik adita mir-rikorrenti, tkun kisbet informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fir-reġistri u fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet li kienet, skont hi, neċessarja għall-identifikazzjoni tal-awturi ta’ reat jew delitt, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 ma jwaqqafhiex milli tiżvela din l-informazzjoni lil persuna fiżika jew ġuridika li jkollha, bħar-rikorrenti, il-kwalità ta’ vittma tal-ksur kriminali allegat. Barra minn hekk, dan l-artikolu jfixkilx lil tali persuna milli tibda, abbażi tal-informazzjoni hekk żvelata, proċeduri intiżi għall-irkupru tal-kwoti tagħha, u lanqas ma jrendilha dan il-proċess inutilment kumpless.

170    Għalhekk ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

e)     Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

171    Permezz tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-“aġir tal-Kummissjoni” jikser id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fil-fatt, skont din, il-Kummissjoni fixklitha milli “de facto […] tieħu l-azzjonijiet neċessarji sabiex tirkupra l-kwoti [allegatament] misruqa”, għaliex “hija ma kienet taf la f’liema pajjiż u lanqas kontra min tibda azzjoni”.

172    Dan il-motiv jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ illegalità. Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 kiser il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li, skont l-interpretazzjoni mogħtija lil dan l-artikolu fil-punti 106 sa 115 iktar ʼil fuq, huwa impona lill-Kummissjoni li ma tiżvelax direttament lir-rikorrenti informazzjoni dwar il-kwoti ta’ emissjoni li allegatament insterqulha, li jfixkilha milli tibda proċeduri ġudizzjarji nazzjonali intiżi għar-restituzzjoni ta’ dawn il-kwoti.

173    B’hekk, ir-rikorrenti tippreżupponi li, peress li huwa eskluż li l-Kummissjoni tiżvelalha “direttament” informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fir-reġistri u fir-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, hija ma tistax tibda proċeduri ġudizzjarji intiżi għar-restituzzjoni tal-kwoti li allegatament insterqulha.

174    Madankollu, kif jirriżulta minn dak li ntqal fil-punti 113, 154 u 169 iktar ʼil fuq, dan l-argument iserraħ fuq il-premessa mhux eżatta li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 jipprojbixxi, minn naħa, lill-prosekutur Rumen milli jittrażmetti lir-rikorrenti informazzjoni kunfidenzjali li r-risposta tal-Kummissjoni għat-talba magħmula permezz ta’ ittri rogatorji hija suxxettibbli li tinkludi u, min-naħa l-oħra, tipprojbixxi lir-rikorrenti milli tuża informazzjoni hekk miksuba sabiex tibda proċeduri ġudizzjarji intiżi għar-restituzzjoni ta’ kwoti allegatament misruqa.

175    Għaldaqstant, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

f)     Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

176    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet legali koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑199/03, p. I‑8027, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    Permezz tas-sitt motiv, ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ġdida ta’ illegalità. Hija ssostni li leġiżlazzjoni “għandha tiġi implementata b’ċarezza u koerenza raġonevoli sabiex tiġi evitata kemm jista’ jkun possibbli l-inċertezza legali u l-inċertezza għas-suġġetti tad-dritt ikkonċernati mill-miżuri adottati”. Skont ir-rikorrenti, “[f’] dan il-każ, huwa ċar li l-Kummissjoni ħolqot inċertezza legali importanti [peress li] fil-Protokoll ta’ Kyoto ġie adottat approċċ iktar liberali [fil-qasam ta’ kunfidenzjalità].

178    Għalhekk, essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li d-differenza ta’ trattament eżistenti, fil-qasam ta’ kunfidenzjalità, bejn il-kwoti ta’ emissjoni u l-unitajiet ta’ Kyoto turi inkoerenza u tikkostitwixxi, għalhekk, ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

179    Madankollu, il-kwoti ta’ emissjoni u l-unitajiet ta’ Kyoto ma humiex tal-istess natura (ara l-punt 139 iktar ʼil fuq). B’hekk, anke fl-ipoteżi li, kif issostni r-rikorrenti, ir-regoli applikabbli fil-qasam ta’ kunfidenzjalità huma differenti fir-rigward tal-kwoti ta’ emissjoni u tal-unitajiet ta’ Kyoto, dan ma jibdilx il-prevedibbiltà ta’ dawn ir-regoli u għalhekk ma jippermettix li jintwera li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

180    Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

g)     Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/308

181    Skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors introduttiv ta’ istanza għandu jkun fih sunt tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, hemm bżonn, sabiex motiv ikun ammissibbli, li tal-inqas, il-portata tiegħu tkun toħroġ b’mod koerenti u li tinftiehem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Novembru 2013, Gaumina vs EIGE, T‑424/12, punt 18, u l-ġurisprudenza ċċitata).

182    Permezz tas-seba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li “il-Kummissjoni ma osservatx” id-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE, tal-10 ta’ Ġunju 1991, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil ta’ kapital (ĠU L 166, p. 77), “peress li […] l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi għal projbizzjoni ġenerali tal-ħasil ta’ kapital […] u [li l-Kummissjoni] tqabbel lilha nfisha, fin-nota ppreżentata [quddiem il-qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell], għal istituzzjoni finanzjarja, filwaqt li tenfasizza li r-[reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet] sempliċement jirreġistra tranżazzjonijiet mingħajr ma jipparteċipa fihom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

183    Mil-qari ta’ dan il-motiv, kif spjegat fir-rikors, jidher li r-rikorrenti tippresupponi li, meta taġixxi bħala Amministratur Ċentrali tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, il-Kummissjoni jkollha wkoll karigi simili għal dawk ta’ istituzzjoni finanzjarja u hija, għalhekk, suġġetta għall-projbizzjoni tal-ħasil ta’ kapital stabbilita, skont hi, fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/308.

184    Madankollu, mistoqsija waqt is-seduta fir-rigward tal-osservanza, mill-imsemmi motiv, tal-eżiġenzi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti, fir-risposta, esponiet li hija qatt ma kellha l-intenzjoni li tgħid li d-Direttiva 91/308 kienet applikabbli għall-Kummissjoni.

185    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tifhem il-portata tas-seba’ motiv, espost, fil-fatt, fil-qosor fir-rikors. Għalhekk, dan ma jissodisfax ir-regoli ta’ koerenza u ta’ intelliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

186    Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja l-kontradizzjonijiet u n-nuqqas ta’ preċiżjoni li hija vvizzjata bihom l-espożizzjoni tiegħu, dan il-motiv jissodisfa l-eżiġenzi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

187    Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/308, invokat mir-rikorrenti, jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-kapital […] ikun ipprojbit” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’hekk dan l-artikolu jistabbilixxi obbligi biss fil-konfront tal-Istati Membri. Ir-rikorrenti, għalhekk, ma tistax effettivament tibbaża ruħha fuqu sabiex turi l-illegalità ta’ aġir tal-Kummissjoni.

188    Fit-tieni lok, anki fl-ipoteżi li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni li ssostni fir-rikors tagħha li, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, prinċipju ġenerali jipprojbixxi lil kwalunkwe persuna milli twettaq tranżazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus, l-argument tagħha għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tindikax ir-raġunijiet li għalihom ir-rifjut li tiżvela informazzjoni dwar il-kwoti allegatament misruqa fis-16 ta’ Novembru 2010, li takkuża bih lill-Kummissjoni, jista’ jkun suxxettibbli għal att ta’ ħasil tal-flus.

189    Fit-tielet lok, għalkemm xorta għandu jinftiehem li dan ir-rifjut jikkostitwixxi, skont ir-rikorrenti, il-ħabi tal-oriġni jew ta’ fejn jinsabu l-oġġetti misruqa, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/308, il-kunċett ta’ “ħasil ta’ kapital” ikopri ċertament, b’mod partikolari “il-ħabi jew il-kopertura tan-natura, tal-oriġni, tal-lokalità, tad-dispożizzjoni, tal-moviment jew tal-proprjetà reali ta’ oġġetti jew ta’ drittijiet relatati magħhom li l-awtur jaf li jkunu joriġinaw minn attività kriminali jew minn parteċipazzjoni għal tali attività”. Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004, li tiżvela direttament lir-rikorrenti informazzjoni dwar kwoti allegatament misruqa ma jippermettix li jiġi stabbilit li hija kellha l-intenzjoni li taħbi l-oriġni jew fejn jinsabu dawn il-kwoti. Barra minn hekk, kif intqal fil-punt 121 iktar ’il fuq, ma huwiex ikkontestat li, fis-7 ta’ April 2011, l-OLAF ittrażmettiet, f’isem il-Kummissjoni, lill-prosekutur Rumen informazzjoni dwar dawn il-kwoti.

190    Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-illegalità tal-ewwel aġir li l-Kummissjoni hija akkużata bih ma ġietx stabbilita.

B –  It-tieni aġir ikkritikat, li jikkorrispondi għar-rifjut li tiġi pprojbita kwalunkwe tranżazzjoni relatata mal-kwoti allegatament misruqa fis-16 ta’ Novembru 2010

1.     Eżistenza tat-tieni aġir ikkritikat

191    Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni rrifjutat li “tibblokka” l-kwoti li, skont hi, insterqulha. Dan huwa t-tieni aġir li r-rikorrenti takkuża bih lill-Kummissjoni (ara l-punti 58 u 59 iktar ’il fuq).

192    L-eżistenza ta’ dan l-aġir hija stabbilita.

193    Fil-fatt, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni “titlob lir-reġistri nazzjonali” li “jibblokkaw il-kontijiet” li l-kwoti allegatament misruqa kienu għaddew minnhom (ara l-punt 24 iktar ’il fuq). Għall-ewwel, hija talbet formalment lill-Kummissjoni mhux li tibblokka dawn il-kontijiet, iżda li timponi lill-awtoritajiet nazzjonali li jibblokkawhom. Din it-talba għall-ibblokkar ġiet irtirata sussegwentement, u ġiet ftit mibdula. Imbagħad, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni ntalbet, f’isem ir-rikorrenti, “tirrifjuta [hija stess] l-aċċess għall-kontijiet” inkwistjoni (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). Fi kliem ieħor, sussegwentement, il-Kummissjoni ntalbet “tibblokka” hi stess mhux biss il-kwoti, iżda l-kontijiet kollha li kienu għaddew minnhom dawn il-kwoti. Fl-aħħar nett, iktar sussegwentement, il-Kummissjoni ntalbet, permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Mejju 2011, li “tibblokka” hija stess sempliċement il-kwoti misruqa (ara l-punt 38 iktar ’il fuq).

194    Din l-aħħar talba ġiet miċħuda permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Lulju 2011 (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

2.     Legalità tat-tieni aġir ikkritikat

195    Sabiex turi n-natura illegali tat-tieni aġir li hija takkuża lill-Kummissjoni bih, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, ħames motivi. Dawn ser jiġu eżaminati suċċessivament hawn taħt.

a)     L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

196    Fost il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li miegħu hemm marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il-Kummissjoni, T‑387/09, punt 76, u tas-16 ta’ Settembru 2013, ATC et vs Il-Kummissjoni, T‑333/10, punt 84).

197    Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega li, “[b]illi tallega b’mod partikolari li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tibblokka l-kwoti sa min-notifika kważi istantanja ta-serq mill-[awtoritajiet Rumeni], meta kienet ibblokkat inqas minn xahrejn wara r-reġistri kollha għal diversi xhur filwaqt li kompliet tippretendi li ma kellhiex il-possibbiltà li tibblokka kwoti individwali, il-Kummissjoni turi mala fide u nuqqas ta’ volontà fl-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha”.

198    Fi kliem ieħor, ir-rikorrenti ssostni li, billi rrifjutat li tipprojbixxi kwalunkwe tranżazzjoni relatata mal-kwoti li allegatament kienu nsterqulha, il-Kummissjoni ma aġixxietx b’mod diliġenti, u b’hekk ma osservatx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

199    Hija tippresupponi għalhekk li l-Kummissjoni kellha l-possibbiltà li tagħmel dan l-ibblokkar. Fil-fatt, sabiex awtorità taġixxi b’diliġenza f’qasam partikolari, hija għandu jkollha l-fakultà li taġixxi f’dan il-qasam.

200    Din il-premessa hija żbaljata.

201    Fil-fatt, fl-ewwel lok, ir-Regolament Nru 2216/2004 jipprovdi li jiġu bblokkati ċerti kwoti ġewwa reġistru f’każ wieħed biss, stabbilit fl-Artikolu 27 tiegħu. Dan huwa l-każ fejn “fl-1 ta’ April [...], l-emissjonijiet ivverifikati annwali ta’ installazzjoni għas-sena preċedenti ma jkunux tniżżlu fit-tabella ta’ l-emissjonijiet ivverifikati” b’mod li l-kont tal-operatur ikkonċernat għandu jiġi bblokkat kollu kemm hu. Fi kliem ieħor, dan huwa l-każ fejn, fir-rigward ta’ waħda mill-installazzjonijiet tiegħu, operatur ma jkunx issodisfa, fit-terminu meħtieġ, regoli tekniċi relatati mad-dikjarazzjoni tal-kwantità ta’ gass serra emess minn din l-installazzjoni, kif approvat mill-awtorità kompetenti.

202    Fi kwalunkwe każ, huwa evidenti li l-ibblokkar tal-kwoti mitlub mir-rikorrenti ma jaqax taħt il-previżjonijiet tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 2216/2004.

203    Fit-tieni lok, huwa minnu li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, hija stess, li f’Jannar 2011 kien hemm interruzzjoni tal-aċċess għar-reġistri.

204    Madankollu, hija indikat, mingħajr ma ġiet kontradetta, li din l-interruzzjoni tal-aċċess għar-reġistri kellha bħala bażi legali l-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 2216/2004, li jipprovdi:

“L-Amministratur Ċentrali jista’ jissospendi l-aċċess għar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet u amministratur ta’ reġistru jista’ jissospendi l-aċċess għar-reġistru tiegħu jekk hemm ksur tas-sigurtà tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet jew ta’ reġistru li jhedded l-integrità tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet jew ta’ reġistru jew l-integrità tas-sistema tar-reġistri u l-faċilitajiet ta’ riżerva (backup) skond l-Artikolu 68 jiġu affettwati b’mod simili”.

205    Issa, kuntrarjament għal dak li tagħti x’tifhem ir-rikorrenti, dan l-artikolu ma jippermettix li jiġi bblokkat l-aċċess għal ċerti kontijiet ta’ depożitu ġewwa reġistru. Huwa jippermetti biss, f’każ ta’ riskju sistematiku, li jiġi interrott kwalunkwe aċċess għal reġistru, fl-intier tiegħu, jew għar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet, fl-intier tiegħu.

206    Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandu jiġi miċħud.

b)     It-tieni motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

207    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li leġiżlazzjoni “għandha tiġi implementata b’ċarezza u koerenza raġonevoli sabiex tiġi evitata kemm jista’ jkun possibbli l-inċertezza legali u l-inċertezza għall-individwi kkonċernati mill-miżuri adottati”. Issa, skont hi, [f]il-każ inkwistjoni, huwa manifest li l-Kummissjoni kkawżat inċertezza legali importanti” għaliex “hija affermat, għall-ewwel, li [ibblokkar tal-kwoti] ma kienx possibbli, iżda mbgħad, sussegwentement, ibblokkat is-sistema Ewropea ta’ skambju ta’ kwoti kollha [f’Jannar 2011]”. Ir-rikorrenti żżid li din id-differenza ta’ trattament hija inqas u inqas iġġustifikata mill-ibblokkar tas-“sistema Ewropea ta’ skambju ta’ kwoti kollha” li sar wara li seħħ serq simili għal dak li hija tallega li sofriet.

208    Dan il-motiv iserraħ fuq il-premessa li l-bażi legali invokata sabiex jiġi interrott l-aċċess għar-reġistri f’Jannar 2011 kienet tippermetti lill-Kummissjoni li tibblokka kwoti ta’ emissjoni ddepożitati fuq kont ta’ depożitu, ġewwa reġistru partikolari.

209    Madankollu, dan ma huwiex il-każ. Kif jirriżulta mill-punti 203 sa 205 iktar ’il fuq, l-aċċess għar-reġistri kien ġie interrott, f’Jannar 2011, abbażi tal-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 2216/2004. Għalkemm dan l-artikolu jippermetti interruzzjoni ġeneralizzata tal-aċċess għar-reġistri f’każ ta’ riskju sistematiku, huwa ma jippermettix li jiġu bblokkati, bħal ma xtaqet ir-rikorrenti, ċerti kwoti ta’ emissjoni miżmuma fuq kontijiet ta’ depożitu ġewwa l-istess reġistru.

210    B’hekk, billi interrompiet l-aċċess għar-reġistri f’Jannar 2011 u wara billi rrifjutat li tilqa’ t-talba tar-rikorrenti ta’ bblokkar ta’ ċerti kwoti, il-Kummissjoni, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ din tal-aħħar, ma aġixxitx b’mod inkoerenti u lanqas ma kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

211    Għaldaqstant is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

c)     It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87

212    Kif intqal fil-punt 148 iktar ’il fuq, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi:

“[…]

L-Amministratur Ċentrali għandu jikkonduċi kontroll awtomatizzat fuq kull waħda mit-transazzjonijiet fl-uffiċċji tar-reġistrazzjonijiet permezz ta’ reġistru indipendenti tat-transazzjonijiet sabiex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda irregolarità fil-ħruġ, it-rasferiment u l-kanċellazzjoni tal-konċessonijiet.

3. Jekk l-irregolaritajiet jiġu identifikati permezz tal-kontroll awtomatizzat, l-Amministratur Ċentrali għandu jgħarraf lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri interessati li ma għandhomx jirreġistraw it-transazzjonijiet fil-kwistjoni jew kull transazzjoni oħra li jkollha x’taqsam mal-kwoti sakemm jiġu riżolti l-irregolaritajiet.”

213    Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li, “[g]ħalkemm id-Direttiva 2003/87 teżiġi li jsiru ‘kontrolli awtomatizzati’ sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet u li l-kwoti li huma s-suġġett ta’ irregolarità għandhom jiġu bblokkati, il-Kummissjoni għandha, iktar u iktar, tintervjeni meta jiġu attivament irrapportati lilha irregolaritajiet”. Hija żżid li, “meta jiġu nnotifikati irregolaritajiet, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87 ma jħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni sabiex tibblokka l-kwoti kkonċernati”. Skont ir-rikorrenti, kieku l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87 kellu jiġi interpretat b’mod differenti, l-għan tiegħu, “li jikkonsisti f’li jiġu evitati l-irregolaritajiet u l-frodi li jaffettwaw l-integrità tar-reġistru Komunitarju indipendenti tat-tranżazzjonijiet”, ikun “miksur”.

214    Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87 jirrigwarda irregolaritajiet li jistgħu jiġu skoperti permezz ta’ “kontrolli awtomatizzati”. Għalkemm ir-rikorrenti ssostni li hija ma kinitx tat l-awtorizzazzjoni tagħha għat-trasferiment ta’ kwoti li sar fis-16 ta’ Novembru 2010 mill-kontijiet tagħha fir-reġistru Rumen u tagħti x’tifhem li dan it-trasferiment kien jikkostitwixxi irregolarita, hija ma tipprovax, u lanqas ma tallega, li tali irregolarità setgħet tiġi skoperta permezz ta’ sempliċi kontroll awtomatizzat.

215    Anki fl-ipoteżi li, minn naħa, it-trasferiment ta’ kwoti inkwistjoni seta’ jiġi kkunsidrat bħala “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87 u, min-naħa l-oħra, kif issostni r-rikorrenti, dan l-Artikolu jimponi lill-Kummissjoni li tieħu l-miżuri li jipprovdi, mhux biss unikament meta tkun skoperta “irregolarità” mid-dipartimenti tagħha wara kontroll awtomatizzat, iżda wkoll meta hija tiġi informata b’dan minn persuna kkonċernata, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87 jimponi, l-ewwel nett, lill-Kummissjoni li taġixxi fil-kwalità ta’ Amministratur Ċentrali, li tinforma lill-Istati Membri kkonċernati meta tranżazzjonijiet ikunu affettwati minn “irregolaritajiet” u, it-tieni nett, li dawn l-Istati Membri ma jirreġistrawx dawn it-tranżazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, huwa ma jobbligax, u lanqas ma jawtorizza, espressament jew impliċitament, lill-Kummissjoni tibblokka hi stess il-kwoti li kienu relatati mal-imsemmija tranżazzjonijiet.

216    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

d)     Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza

217    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni, għall-ewwel darba, li l-Kummissjoni trattatha b’mod inqas favorevoli mit-trattament mogħti lil vittmi ta’ serq ta’ kwoti fil-bidu tas-sena 2010. Fil-fatt, artiklu ppubblikat fl-2011 jindika li, fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji, il-Kummissjoni rreaġixxiet billi ffriżat il-kwoti misruqa.

218    Madankollu, mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li t-tressiq ta’ motivi ġodda wara d-depożitu tar-rikors huwa pprojbit sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li jkunu ġew żvelati matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jamplifika motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T‑345/05, Ġabra p. II‑2849, punt 85, u l-ġurisprudenza ċċitata).

219    Issa, l-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-rikorrenti fis-seduta, dan il-motiv ma jikkostitwixxi l-ampliazzjoni tal-ebda motiv stabbilit fir-rikors. It-tieni nett, ma huwiex ibbażat fuq elementi żvelati lir-rikorrenti matul il-proċedura. It-tielet nett, ġie ppreżentat tardivament, fir-replika. Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat li r-rikorrenti ma esponietx ir-raġunijiet li jiġġustifikaw din il-preżentazzjoni tardiva, u dan, minkejja li l-Qorti Ġenerali talbitha tagħmel dan matul is-seduta.

220    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv huwa ammissibbli.

221    Barra minn hekk, anki kieku dan ma kienx il-każ, dan il-motiv għandu jiġi mwarrab peress li huwa karenti fil-fatt. Fil-fatt, fl-estratt tal-artiklu ċċitat mir-rikorrenti, imkien ma huwa ppreċiżat li l-Kummissjoni kienet ibblokkat hija stess kwoti misruqa. Huwa indikat li l-iskoperta ta’ ċerti prattiċi frawdolenti kienet “wasslet għas-sospensjoni tat-tranżazzjonijiet mill-kontijiet tal-utenti affettwati”. Madankollu, ma huwiex ippreċiżat liema awtorità kienet issospendiet tranżazzjonijiet.

e)     Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

222    Permezz tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut li tibblokka l-kwoti ta’ emissjoni allegatament misruqa jikser id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, skont hi, il-fatt li dawn il-kwoti ma humiex ibblokkati jippreġudika b’mod gravi l-effettività tal-proċeduri ġudizzjarji li jistgħu jinbdew sabiex jiġu rkuprati.

223    Madankollu, kuntrarjament għal dak li tippresupponi r-rikorrenti, sabiex tiġi identifikata kwota ta’ emissjoni u, sussegwentement, sabiex tinbeda proċedura ġudizzjarja intiża għall-irkupru tagħhom, ma huwiex neċessarju li l-kwota ma tkunx tista’ tiġi skambjata. Fil-fatt, kull kwota għandha, skont l-Artikolu 39(2) tar-Regolament Nru 2216/2004, “kodiċi uniku ta’ indentifikazzjoni ta’ l-unità” u tista’, għalhekk, tiġi identifikata, anki jekk ma tiġix “blokkata”.

224    Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punti 113, 154, 169 u 174 iktar ’il fuq, l-Artikolu 10(2a) tar-Regolament Nru 2216/2004 ma jipprojbixxix awtorità penali, bħal dik adita mir-rikorrenti, wara li tkun kisbet informazzjoni kunfidenzjali relatata, pereżempju, ma’ fejn ikunu jinsabu l-kwoti li allegatament ikunu nsterqulha, milli tiżvela din l-informazzjoni lil persuna fiżika jew ġuridika li jkollha, bħar-rikorrenti, il-kwalità ta’ vittma ta’ dan l-allegat serq. Din id-dispożizzjoni lanqas ma tipprojbixxi lil tali persuna milli tuża l-informazzjoni hekk miksuba sabiex tibda proċeduri ġudizzjarji sabiex jiġu rkuprati l-kwoti li, skont hi, kienu nsterqulha.

225    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

226    Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-illegalità tat-tieni aġir li hija akkużata bih il-Kummissjoni ma ġietx stabbilita.

227    Għaldaqstant, it-talbiet għal danni mressqa abbażi ta’ din ir-responsabbiltà minħabba nuqqas għandhom jiġu miċħuda.

II –  Fuq ir-responsabbiltà mingħajr nuqqas

A –  L-argumenti tar-rikorrenti

228    Sussidjarjament, ir-rikorrenti tallega r-responsabbiltà mingħajr nuqqas tal-Unjoni.

229    Hija ssostni li l-Unjoni tista’ tkun responsabbli anki meta, minn naħa, l-aġir ikkritikat ma jkun jikser l-ebda leġiżlazzjoni applikabbli u, min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni hija hi stess konformi mar-regoli ta’ livell ogħla. Hija tikkunsidra fil-fatt li f’dan il-każ, hemm responsabbiltà minħabba l-adozzjoni ta’ atti legali. Fil-fatt, aġir tal-Kummissjoni kkważalha dannu anormali u speċjali, li barra minn hekk ma huwa ġġustifikat minn ebda interess pubbliku suffiċjenti. Mir-rikors jirriżulta li, skont ir-rikorrenti, dan l-aġir huwa, minn naħa, l-adozzjoni ta’ liġi, jiġifieri l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004, u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ miżuri individwali, jiġifieri l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għal każ partikolari.

230    B’mod iktar preċiż, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑237/98 P, Ġabra p. I‑4549, punt 18), ir-rikorrenti ssostni li r-responsabbiltà mingħajr nuqqas tal-Unjoni tkun teżisti meta d-dannu invokat ikun jaffettwa kategorija partikolari ta’ operaturi ekonomiċi b’mod sproporzjonat meta mqabbel mal-operaturi l-oħra u jkun jaqbeż il-limiti ta’ riskji ekonomiċi inerenti għall-attivitajiet fis-settur ikkonċernat, mingħajr ma l-att leġiżlattiv li jkun fl-oriġni tad-dannu invokat ma jkun iġġustifikat minn interess ekonomiku ġenerali.

231    Filwaqt li tapplika r-regoli stabbiliti minn din is-sentenza, hija ssostni, l-ewwel nett, li d-dannu tagħha ma huwiex normali peress li huwa “sproporzjonat meta mqabbel mal-operaturi ekonomiċi l-oħra tas-suq, li ma sofrewx serq irreparabbli”.

232    It-tieni nett, hija tqis li d-dannu tagħha huwa speċjali peress li “jdum mhux minħabba aspett marbut ma’ dawn l-attivitajiet jew is-serq stess jew kawża ‘normali’ oħra relatata mal-kumpannija, iżda minħabba n-natura irrekuperabbli ta’ dawn il-kwoti misruqa”.

233    It-tielet nett, hija ssostni li r-regoli ta’ kunfidenzjalità stabbiliti mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 jipproteġu biss interessi privati, jiġifieri dawk tal-“operaturi ekonomiċi l-oħra tas-suq li jkunu xtraw jew ħbew il-kwoti misruqa”. Madankollu, skont ir-rikorrenti, dawn ir-regoli ma humiex neċessarji għall-funzjonament tajjeb tas-suq tal-kwoti ta’ emissjoni.

B –  Fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti

234    Fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punti 175 u 176), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “l-istabbiliment ta’ prinċipju ta’ responsabbiltà fil-preżenza ta’ att jew ommissjoni [legali] tal-awtorità [pubblika], [b’mod partikolari meta dawn ikunu ta’ natura leġiżlattiva]” ma kienx jiġi dedott mill-eżami komparattiv tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri. Wara, hija siltet minn dan konsegwenzi għas-sitwazzjoni partikolari li kellha quddiemha, u ddeċidiet li, “fl-istat attwali tad-dritt [tal-Unjoni], ma teżistix is-sistema ta’ responsabbiltà li tippermetti r-responsabbiltà tal-[Unjoni] minħabba aġir li jifforma parti mill-isfera ta’ kompetenza leġiżlattiva tagħha f’sitwazzjoni fejn l-eventwali non-konformità [ma’ fethim internazzjonali] ma tistax tiġi invokata quddiem il-qorti [tal-Unjoni]”.

235    Għaldaqstant, fis-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2010, Sviluppo Italia Basilicata vs Il-Kummissjoni (C‑414/08 P, Ġabra p. I‑2559, punt 141), wara li indikat li mingħajr ma hemm lok għaliha li tiddeċiedi dwar “il-possibbiltà li l-Unjoni Ewropea tinstab responsabbli għad-danni kkawżati minn att legali f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ” il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Qorti Ġenerali setgħet tiċħad, mingħajr żball ta’ liġi, motiv relatat mar-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba li d-dannu invokat mir-rikorrenti ma għandux, “fi kwalunkwe każ”, natura anormali u speċjali. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Qorti Ġenerali ma tkunx qegħda twettaq żball ta’ liġi jekk ma tiddeċidix dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas fid-dritt tal-Unjoni u twarrab “fi kwalunkwe każ” l-argument imressaq quddiemha fin-nuqqas ta’ prova tan-natura anormali u speċjali tad-dannu invokat.

236    Issa, skont il-ġurisprudenza, dannu għandu jiġi kkunsidrat “anormali” jekk jaqbeż il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti għall-attivitajiet fis-settur ikkonċernat u “speċjali” jekk ikun jaffettwa kategorija partikolari ta’ operaturi ekonomiċi b’mod sproporzjonat meta mqabbel mal-operaturi ekonomiċi l-oħra (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra p. II‑515, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

237    F’dan il-każ, fi kwalunkwe każ, waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi ma hijiex issodisfatta: in-natura anormali tad-dannu invokat ma hijiex stabbilita. Fil-fatt, il-fatt li r-regoli ta’ kunfidenzjalità ġew previsti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 u wara applikati għar-rikorrenti mill-Kummissjoni ma jikkostitwixxix riskju anormali fis-settur: fin-nuqqas ta’ tali regoli, is-sigriet kummerċjali ma jistax jiġi ggarantit, li jipperikola l-eżistenza stess ta’ suq tal-kwoti.

238    Barra minn hekk, għandu jiġi rrelevat, sussidjarjament, li, fis-settur ikkonċernat, jiġifieri dak tal-aġenti ekonomiċi suġġetti għas-sistema Komunitarja ta’ skambju ta’ kwoti, l-aċċess għall-kontijiet ta’ kwoti jsir permezz ta’ sistema informatika miftuħa fuq l-internet. L-iskambju tal-kwoti jsir ukoll permezz ta’ din is-sistema informatika miftuħa fuq l-internet. Issa, huwa magħruf li tali mod ta’ funzjonament jinvolvi riskji tekniċi xi kultant kbar. Id-dannu li jikkorrispondi għall-valur tal-kwoti ttrasferiti, b’mod elettroniku, mingħajr awtorizzazzjoni tar-rikorrenti fuq kontijiet differenti minn tagħha ma jistax, b’hekk, fi kwalunkwe każ, jiġi kkunsidrat bħala li jeċċedi r-riskji ekonomiċi jew tekniċi inerenti għall-attivitajiet fis-settur ikkonċernat.

239    Sussegwentement, it-talbiet intiżi sabiex jiġi kkunsidrat li kienet teżisti responsabbiltà minħabba nuqqas għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu miċħuda.

240    B’hekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

241    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

242    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Holcim (Romania) SA hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Settembru 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  L-obbligi li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto

II –  Il-leġiżlazzjoni adottata, fi ħdan l-Unjoni, sabiex jiġi implementat il-Protokoll ta’ Kyoto

A –  Il-kwoti ta’ emissjoni ta’ gass serra stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

B –  L-għoti u r-restituzzjoni tal-kwoti

C –  Il-modi tal-funzjonament tas-sistema ta’ skambju ta’ kwoti

III –  Fatti li seħħew qabel il-preżentazzjoni tar-rikors

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq il-kwistjonijiet preliminari għall-eżami fil-mertu

I –  Fuq l-osservanza tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura

A –  L-aġir li hija akkużata bih l-Unjoni

B –  Id-dannu invokat

C –  Ir-rabta ta’ kawżalitŕ

II –  Fuq l-effett tat-tressiq, quddiem il-qorti Rumena, ta’ azzjoni intiża għall-kumpens għall-istess dannu bħal dak invokat f’dan ir-rikors, iżda mressqa kontra l-awtoritajiet Rumeni.

A –  Effett fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors tat-tressiq ta’ azzjoni għad-danni quddiem il-qorti Rumena

B –  Effett tat-tressiq ta’ azzjoni għal danni quddiem qorti Rumena fuq l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dan ir-rikors

Fuq il-mertu

I –  Fuq ir-responsabbiltà minħabba nuqqas

A –  L-ewwel aġir ikkritikat, li jikkorrispondi għar-rifjut li jiġi żvelat fejn jinsabu l-kwoti allegatament misruqa fis-16 ta’ Novembru 2010

1.  Eżistenza tal-ewwel aġir ikkritikat

2.  Legalità tal-ewwel aġir ikkritikat

a)  L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2216/2004

L-argumenti tar-rikorrenti

Il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti

–  Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004 fis-seħħ fid-data tal-fatti li hija akkużata bihom il-Kummissjoni

–  Interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2216/2004

–  Applikazzjoni għall-każ inkwistjoni

b)  It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ obbligi li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto

L-argumenti tal-partijiet

Fondatezza tal-motiv

–  L-ewwel raġuni

–  It-tieni raġuni

c)  It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 19 u 20 tad-Direttiva 2003/87

L-argumenti tar-rikorrenti

Il-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti

d)  Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetŕ

L-argumenti tar-rikorrenti

Fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti

e)  Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

f)  Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

g)  Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/308

B –  It-tieni aġir ikkritikat, li jikkorrispondi għar-rifjut li tiġi pprojbita kwalunkwe tranżazzjoni relatata mal-kwoti allegatament misruqa fis-16 ta’ Novembru 2010

1.  Eżistenza tat-tieni aġir ikkritikat

2.  Legalità tat-tieni aġir ikkritikat

a)  L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

b)  It-tieni motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-prinċipju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

c)  It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/87

d)  Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza

e)  Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

II –  Fuq ir-responsabbiltà mingħajr nuqqas

A –  L-argumenti tar-rikorrenti

B –  Fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.