Language of document :

Appell ippreżentat fid-9 ta' Frar 2010 minn Giorgio Lebedef mis-sentenza mogħtija fit-30 ta' Novembru 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-54/09, Lebedef vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-52/10 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Giorgio Lebedef (Senningerberg, il-Lussemburgu) (rappreżentant: F. Frabetti, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

tannulla d-digriet tat-TSP, tat-30 ta' Novembru 2009, fil-kawża F-54/09, Giorgio LEBEDEF li jirrisjedi f'Nru 4, Neie Wee, L-1670, Senningerberg, il-Lussemburgu, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, assistit u rrappreżentat minn Frédéric FRABETTI, 5, rue Jean Bertels, L-1230, il-Lussemburgu, avukat, b'indirizz għan-notifika fl-uffiċċju tiegħu, kontra l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u G. Berscheid, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika il-Lussemburgu, konvenuta, li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-15.02.2008, tal-01.04.2008, tal-10.04.2008, tal-20.05.2008 u tal-14.07.2008, dwar it-tnaqqis ta' 39 jum mid-dritt għal leave tal-appellant għas-sena 2008;

tilqa' t-talbiet tal-appellant li saru fl-ewwel istanza;

sussidjarjament, terġa' tirreferi l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tiddeċiedi fuq l-ispejjeż u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tagħhom.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellant jitlob l-annullament tad-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tat-30 ta' Novembru 2009, mogħti fil-kawża Lebedef vs Il-Kummissjoni, F-54/09, li jiċħad bħala manifestament nieqes minn kull bażi legali r-rikors li permezz tiegħu l-appellant kien talab l-annullament ta' serje ta' deċiżjonijiet li jikkonċernaw it-tnaqqis ta' 39 jum mil-leave annwali tiegħu għas-sena 2008.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant isostni disa' aggravji bbażati:

fuq kunsiderazzjoni żbaljata tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II għar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 1(2) tal-ftehim qafas li jirregola r-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet sindakali u professjonali;

fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-kunċett tad-dritt ta' assoċjazzjoni;

fuq fatti ineżistenti fl-2008;

fuq kunsiderazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta' April 2004, dwar il-ħolqien tad-dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni fil-qasam ta' assenza minħabba mard jew inċident;

fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-kunċetti ta' "parteċipazzjoni fir-rappreżentanza tal-persunal", "kollokament sindakali" u "missjoni sindakali";

fuq żnaturament u deformazzjoni tal-fatti u tal-affermazzjonijiet tar-rikorrent, kif ukoll ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku f'dak li jikkonċerna r-reġistrazzjonijiet ta' "assenza irregolari" f'SysPer2;

fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dikjarazzjonijiet tal-appellant u fuq żball ta' liġi mwettaq mit-TSP billi interpreta l-kunċett ta' "assenza" hekk kif inhu mfisser mill-Artikoli 57, 59 u 60 tar-Regolamenti tal-Persunal;

fuq żball ta' liġi mwettaq mit-TSP fl-applikazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal; u

fuq nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tad-diversi punti deċiżivi tal-kawża appellata.

____________