Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Settembru 2008 - Floursid e Minmet vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-404/08)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Floursid SpA (Assemini, L-Italja) u Minmet Co. (Losana, L-Iżvizzera) rappreżentanti: L. Vasques u F. Perego, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea adottata fil-25 ta' Ġunju 2008 (C2008) 3043, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, każ COMP/39.180 - Fluworidu tal-Aluminju nnotifikat lil Fluorsid u Minmet rispettivament fil-11 ta' Lulju 2008 u fid-9 ta' Lulju 2008 jew, alternattivament, għat-tnaqqis tas-sanzjoni imposta fuq Minmet u Fluorsid fl-ambitu tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura ta' din il-Qorti.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors, il-kumpanniji Fluorsid u Minmet għandhom l-intenzjoni jikkontestaw id-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni Ewropea kkonstatat ksur tal-Artikoli 81(1) u 53(1) tat-Trattat u konsegwentement immultat in solidum lil Fluorsid u Minmet għal allegat ksur gravi tal-Artikolu 81 tat-Trattat għal ammont ta' EUR 1,600,000 (miljun u sitt mitt elf).

In sostenn għat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu:

Nuqqas ta' prova tad-dannu potenzjali fiż-ŻEE u ksur tan-normi msemmija fl-Artikolu 81 tat-Trattat. Tiġi enfasizzata f'dan ir-rigward l-impossibbiltà li jkun ipotizzat li erba' impriżi ta' daqs żgħir, li minnhom waħda lanqas biss iffatturat fis-sena 2000 fiż-ŻEE, jistgħu, anke biss fl-astratt, waħidhom jimponu prezz għal produtturi kbar ta' aluminju (indikati anke bħala "smelter") f'suq fejn hi l-offerta imma mhux id-domanda li tiddetermina l-prezz.

Ksur tal-obbligi ta' motivazzjoni rigward il-prova tal-illegalità bi ksur tal-Artikoli 253 tat-Trattat u 2 tar-Regolament 1/2003, għal bdil moħbi tal-ksur ikkontestat sabiex jitnaqqas l-oneru ta' prova fuq il-Kummissjoni. Jiġi rrilevat fuq dan il-punt li l-Kummissjoni setgħet takkwista evidenza ta' skambju ta' informazzjoni bejn kompetituri, imma mhux ta' ftehim b'għan restrittiv. Dan il-bdil tat-titolu tal-illegalità iffavorixxa lill-Kummissjoni, li setgħet tfakkar, b'mod ritenut mhux korrett, il-mekkaniżmi tal-per se rule previsti għall-hard core restrictions, fejn b'hekk aġevolat l-oneri ta' natura probatorja tagħha u setgħet ma tikkunsidrax il-fatt li l-allegata illegalità ma pproduċiet l-ebda effet fuq is-suq.

Ksur tal-Artikolu 27 tar-Regolament 1/2003 u tad-drittijiet tad-difiża, minbarra l-ksur tal-Artikoli 253 u 173 tat-Trattat, safejn il-Kummissjoni ma tiċċitax il-leniency ta' Fluorsid fl-ambitu tal-iStatement of objections (SO), wettqet attività investigattiva u akkwistat dokumentazzjoni fil-proċess wara l-SO, u kkuntestat fid-deċiżjoni finali illegalità differenti minn dik ikkontestata fl-SO (minn ksur kontiwu għal illegalità ta' sitt xhur).Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li:

Fid-deċiżjoni finali, insostenn tal-implikazzjoni ta' Minmet, jiġu invokati dokumenti kontriha li ma humiex bl-ebda mod imsemmija fl-SO.

Il-Kummissjoni minkejja li injorat kompletament il-leniency ta' Fluorsid fl-SO bi ksur tad-drittijiet tad-difiża, inserixxiet wara fil-proċess kemm il-leniency tar-rikorrenti, kif ukoll addendum għal-leniency ippreżentata wara l-SO. B'dan il-mod il-Kummissjoni (i) ħolqot inċertezza rigward il-leniency, għalhekk ippreġudikat it-termini u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, bi ksur tar-regoli stabbiliti fil-punt 29 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità mill-multi, (ii) kompliet twettaq attività investigattiva wara l-SO, billi żiedet dokumentazzjoni fil-proċess, bi ksur, għalhekk, ta' regoli fondamentali tal-proċedura bi ħsara għall-partijiet kollha fil-proċeduri.

Il-Kummissjoni fissret b'mod kontradittorju u nieqes minn motivazzjoni adegwata s-suq ġeografiku tal-fluworidu tal-aluminju u kkwantifikat b'mod kompletament illoġiku l-valur tas-suq.

____________