Language of document : ECLI:EU:T:2005:348

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (ir-Raba' Awla)

5 ta' Ottubru 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li tinkludi l-element verbali 'B.K.R.' – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti BK RODS – Probabbiltà ta' konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-423/04,

Bunker & BKR, SL, stabbilita f'Almansa (Spanja), rappreżentata minn J. Astiz Suárez, Avukat,

rikorrenti,

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), rappreżentat minn J. García Murillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, li qed tintervjeni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Marine Stock Ltd, stabbilita f'Tortola, Gżejjer Britanniċi Verġni (ir-Renju Unit), rappreżentata minn M. de Justo Bailey, Avukat,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-30 ta' Ġunju 2004 (Każ R 0458/2002-4), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Bunker & BKR, SL u Marine Stock Ltd,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (ir-Raba' Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Lindh u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Ottubru 2004,

wara li rat l-ittra tar-rikorrenti, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-15 ta' Novembru 2004, li biha hija qiegħda titlob, b'mod partikolari, li l-konvenut jiġi ordnat ibati l-ispejjeż skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-3 ta' Frar 2005,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-21 ta' Jannar 2005,

wara s-seduta tal-11 ta' Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fis-16 ta' Ottubru 1997, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:

Image not foundImage not found

3       Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 18, 25 u 39 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade Marks tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–       klassi 18: "Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, u oġġetti oħra ta' dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud ta' l-annimali, ġlud ħoxnin; bagolli u basktijiet ta' l-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti, xedd ta' żiemel jew ta' bhima oħra u oġġetti tas-sarrâġ";

–       klassi 25: "Ħwejjeġ għan-nisa, għall-irġiel u għat-tfal; ċinturini, żraben (ħlief għal żraben ortopediċi) u xedd ir-ras";

–       klassi 39: "Trasport, l-ippakkjar u l-ħżin ta' ħwejjeġ għan-nisa, għall-irġiel u għat-tfal, ċinturini, żraben (ħlief għal żraben ortopediċi) u xedd ir-ras".

4       Fil-31 ta' Awwissu 1998, l-applikazzjoni għat-trade mark ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 66/98.

5       Fit-30 ta' Novembru 1998, Jack Schwartz Shoes, Inc. (li saret Marine Stock Ltd, iktar 'il quddiem l-"intervenjenti") ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni bħala trade mark tas-sinjal mitlub.

6       L-oppożizzjoni kienet intiża kontra r-reġistrazzjoni tas-sinjal mitlub għall-prodotti u għas-servizzi kollha msemmija fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u kienet ibbażata fuq trade marks preċedenti li jirrigwardaw ċerti prodotti li jaqgħu fil-klassi 25, fosthom it-trade mark verbali Awstrijaka BK RODS.

7       Sabiex issostni l-oppożizzjoni tagħha, l-intervenjenti invokat ir-raġunijiet relattivi għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94, kif emendat, u fl-Artikolu 8(4) u (5) ta' l-imsemmi Regolament.

8       B'deċiżjoni tas-27 ta' Marzu 2002, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni ta' l-UASI laqgħet l-oppożizzjoni safejn din tikkonċerna l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 peress li kkunsidrat li kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjal mitlub u t-trade mark Awstrijaka BK RODS, billi l-paragun globali tas-sinjali in kwistjoni wera li huma kienu jixxiebhu mill-aspett viżiv u mill-aspett fonetiku. Hija ċaħdet l-oppożizzjoni safejn din tikkonċerna l-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 39.

9       Fl-24 ta' Mejju 2002, ir-rikorrenti ressqet appell kontra din id-deċiżjoni.

10     B'deċiżjoni tat-30 ta' Ġunju 2004 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), il-Bord ta' l-Appell ċaħad l-appell u ordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż. Huwa kkunsidra li, fid-dawl ta' l-identiċità u x-xebh tal-prodotti fil-klassi 25 koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u mit-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti, kif ukoll fid-dawl ta' l-eżistenza ta' ċertu grad ta' xebh viżiv u fonetiku tas-sinjali in kwistjoni, kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn dawn it-trade marks f'moħħ il-pubbliku Awstrijaku skond it-tifsira ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 40/94. Għal dak li jirrigwarda l-fatt, allegat mir-rikorrenti, li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kienet ipparagunat is-sinjal mitlub mat-trade mark Awstrijaka BK RODS biss, il-Bord ta' l-Appell irrileva li, ġaladarba kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn dawn iż-żewġ trade marks, l-imsemmija Diviżjoni ma kinitx obbligata teżamina t-trade marks l-oħra ta' l-intervenjenti.

 It-talbiet tal-partijiet

11     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tirriforma d-deċiżjoni kkontestata safejn tirrigwarda x-xebh tas-sinjali u tal-prodotti in kwistjoni billi tiddeċiedi li hemm lok li tiċħad l-oppożizzjoni u tilqa' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark fil-konfront tal-prodotti kollha li għalihom intalbet;

–       sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sabiex id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni tgħaddi sabiex tipparaguna s-sinjali in kwistjoni korrettament billi tieħu in kunsiderazzjoni d-differenzi viżivi u fonetiċi bejn l-elementi verbali tat-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti, kif ukoll in-nuqqas ta' probabbiltà ta' assoċjazzjoni għall-konsumaturi.

12     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

13     L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata u tiċħad l-applikazzjoni tar-rikorrenti għar-reġistrazzjoni tat-trade mark għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25;

–       tiċħad l-applikazzjoni tar-rikorrenti għar-reġistrazzjoni tat-trade mark għall-prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassi 18 u 39.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq l-ammissibbiltà ta' l-ewwel talba tar-rikorrenti safejn hija intiża sabiex tintlaqa' l-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni

14     L-UASI jeċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba tar-rikorrenti sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tilqa' l-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni.

15     Fl-ewwel talba tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza, inter alia, li tordna lill-UASI li jilqa' l-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni. Madankollu, skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-qorti Komunitarja. Għaldaqstant, mhijiex il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tagħti ordni lill-UASI. Huwa l-UASI li għandu jiddeduċi l-konsegwenzi tad-dispożittiv u tal-motivi ta' din is-sentenza [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 1999, Procter & Gamble vs l-UASI (BABY-DRY), T-163/98, Ġabra p. II-2383, punt 53; tal-31 ta' Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs l-UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33; tas-27 ta' Frar 2002, Eurocool Logistik vs l-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 12, u tat-23 ta' Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs l-UASI – Educational Services (ELS), T-388/00, Ġabra p. II-4301, punt 19].

16     Minn dan jirriżulta li l-ewwel talba tar-rikorrenti, safejn hija intiża sabiex l-UASI jiġi ordnat mill-Qorti tal-Prim'Istanza li jgħaddi għar-reġistrazzjoni tas-sinjal mitlub, hija inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet talba ta' l-intervenjenti

17     Fil-kuntest tat-talbiet tagħha taħt l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-intervenjenti qiegħda titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza li tiċħad l-applikazzjoni tar-rikorrenti għar-reġistrazzjoni tal-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 39. Skond l-intervenjenti, teżisti, sostanzjalment, probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali konfliġġenti f'dak li jirrigwarda kemm il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 kif ukoll il-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 39, minħabba fil-konnessjoni stretta ta' komplementarjetà li teżisti bejn il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 39, kif ukoll minħabba fix-xebh tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 25 u 18.

18     Waqt is-seduta, ir-rikorrenti u l-UASI eċċepew l-inammissibbiltà ta' din it-talba għar-raġuni li l-kwistjoni dwar il-fondatezza ta' l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni relattiva għall-applikazzjoni tar-rikorrenti għar-reġistrazzjoni fil-konfront tal-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 39 ma kinitx tressqet quddiem il-Bord ta' l-Appell.

19     Skond l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura, is-sottomissjonijiet tal-partijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord ta' l-Appell.

20     Issa f'dan il-każ, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, fid-deċiżjoni tagħha tas-27 ta' Marzu 2002, ċaħdet l-oppożizzjoni ta' l-intervenjenti fil-konfront tal-prodotti u s-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 39 u l-intervenjenti b'ebda mod ma kkontestat din l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni quddiem il-Bord ta' l-Appell.

21     Għaldaqstant, billi l-intervenjenti, permezz tat-tielet talba tagħha, biddlet is-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord ta' l-Appell, din it-talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Jannar 2001, Sunrider vs l-UASI (VITALITE), T-24/00, Ġabra p. II-449, punt 13].

22     Minn dan jirriżulta li t-tielet talba ta' l-intervenjenti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

23     Sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka raġuni waħda bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

24     Ir-rikorrenti tirreferi għall-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti tal-Prim'Istanza dwar l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22, u sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Oberhauser vs l-UASI – Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II-4359, punt 26].

25     Għal dak li jirrigwarda l-konsumatur medju b'livell ta' attenzjoni li jista' jvarja skond il-kategorija ta' prodotti jew ta' servizzi kkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26), ir-rikorrenti ssostni li, f'din il-kawża, billi t-trade mark preċedenti hija Awstrijaka, it-territorju rilevanti għall-finijiet ta' l-analiżi tal-probabbiltà ta' konfużjoni huwa l-Awstrija, li ċ-ċittadini u, b'mod aktar partikolari, il-popolazzjoni żagħżugħa tagħha, huma familjari mal-lingwa Ingliża. Barra minn hekk, iż-żgħażagħ huma sensittivi ħafna għas-sinjali li jidentifikaw il-ħwejjeġ u ż-żraben.

26     Hija tfakkar li, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku u konċettwali tat-trade marks in kwistjoni, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni komplessiva li dawn jagħtu, filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom (sentenzi SABEL, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25). F'din il-kawża, il-parti verbali tas-sinjal mitlub mhijiex limitata għall-element "B.K.R.", billi l-kliem "boots & shoes" u "made in Spain" jidhru b'mod ċar fil-partijiet ta' fuq u ta' isfel ta' dan is-sinjal. Barra minn hekk, dawn l-elementi verbali kollha huma mqiegħda ġewwa figura f'forma ta' djamant li tagħlaqhom fiha u tindividwalizzahom. Din il-figura tirrappreżenta żewġ figuri f'forma ta' djamant, imdaħħlin waħda fl-oħra, fuq sfond iswed li jattira l-attenzjoni minnufih u jaqla' viżwalment is-sinjal mitlub.

27     Għall-kuntrarju, it-trade mark ta' l-intervenjenti turi żewġ elementi distinti, jiġifieri l-ittri "bk" u l-kelma "rods", li t-tifsira tagħha bl-Ingliż, jiġifieri "virga tal-ħadid" jew "virga ta' l-injam", tinftiehem mill-konsumaturi Awstrijaċi. Viżwalment, l-ittri "bk" jiffurmaw unità li tispeċifika jew tikkompleta l-kelma "rods", kelma li ma tinsabx fis-sinjal li tiegħu qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni.

28     Għalhekk, l-impressjoni viżiva li tagħti t-trade mark verbali preċedenti hija kompletament differenti minn dik li jagħti s-sinjal mitlub. Dawn id-differenzi huma faċilment perċettibbli mill-konsumaturi u, barra minn hekk, il-pronunzja ta' dawn iż-żewġ sinjali hija differenti.

29     Ir-rikorrenti tenfasizza li sabiex jiddetermina jekk teżistix probabbiltà ta' konfużjoni jew ta' assoċjazzjoni bejn żewġ trade marks, wieħed għandu jqiegħed lilu nnifsu fil-kuntest li fih il-konsumaturi jiltaqgħu magħhom u janalizza l-informazzjoni li huma jipperċepixxu realment, minnufih u iktar 'il quddiem. L-istampa li tinżamm fil-memorja hija imperfetta u jista' jiġri li l-elementi li jikkostitwixxu sinjal ma jiġux immemorizzati kollha. F'dan il-każ, id-dehra figurattiva tas-sinjal mitlub żgur li hija prominenti fl-arranġament sħiħ iffurmat minnu. Jekk wieħed jikkunsidra li din it-trade mark titwaħħal fuq il-ħwejjeġ jew fuq żarbun, l-attenzjoni tal-konsumatur tiġi attirata, l-ewwelnett, mill-figuri f'forma ta' djamant, imbagħad mill-ittri miktubin ġo fihom. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda t-trade mark preċedenti, l-element verbali ewlieni huwa "rods", li jolqot iktar u huwa iktar oriġinali minn żewġ ittri sempliċi ta' l-alfabet.

30     Il-preżenza ta' tliet ittri li huma komuni għas-sinjali konfliġġenti mhijiex suffiċjenti biex il-konsumatur jassoċjahom. Fil-fatt, il-kelma "rods", assoċjata ma' l-ittri "b" u "k", ma tiffigurax fuq it-trade mark mitluba u ż-żewġ sinjali in kwistjoni ma jippreżentawx l-istess disinn grafiku. Għalhekk huma viżwalment differenti. Ir-rikorrenti żżid li, meta l-karattru distintiv joħroġ mir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark, dawk is-sinjali li ma jippreżentawx elementi addizzjonali huma inqas distintivi u jgawdu protezzjoni ridotta. F'dan il-kuntest, id-differenzi bejn is-sinjali li jikkostitwixxu dawn it-trade marks jiksbu importanza ikbar.

31     Rigward il-kundizzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti in kwistjoni, ir-rikorrenti tirrileva li billi l-perċezzjoni viżiva tas-sinjali konfliġġenti sseħħ normalment qabel l-att ta' xiri, id-dehra viżiva tikseb, f'din il-kawża, importanza ikbar fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni. Għaldaqstant, billi s-sinjali in kwistjoni huma viżwalment u fonetikament distinti fit-territorju rilevanti, ma teżistix probabbiltà ta' konfużjoni bejniethom, inkluż għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25.

32     L-UASI u l-intervenjenti jfakkru l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti tal-Prim'Istanza dwar il-probabbiltà ta' konfużjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja SABEL, iċċitata iktar 'il fuq, punti 22 u 23; tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punti 16, 17 u 29, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata iktar 'il fuq, punti 17 sa 19 u 25).

33     Fl-ewwel lok, rigward il-paragun tal-prodotti, l-UASI u l-intervenjenti jsostnu li r-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, ikkonfermata mill-Bord ta' l-Appell, li teżisti identicità jew xebh kbir bejn il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti u dawk tal-klassi 25 li taħtha r-rikorrenti qiegħda titlob ir-reġistrazzjoni tas-sinjal tagħha.

34     Fit-tieni lok, rigward il-paragun tas-sinjali, l-UASI jirrileva li, għal raġunijiet ta' ekonomija proċedurali, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u wara l-Bord ta' l-Appell għaddew biex jipparagunaw it-trade mark mitluba mat-trade mark preċedenti Awstrijaka BK RODS biss u mhux ma' kull waħda mit-trade marks nazzjonali invokati mill-intervenjenti fil-kuntest ta' l-oppożizzjoni tagħha. Il-pubbliku rilevanti għalhekk huwa l-pubbliku Awstrijaku konsumatur ta' ħwejjeġ u żraben.

35     Għal dak li jirrigwarda s-sinjal li tiegħu qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni, l-UASI, sostnut mill-intervenjenti, jirrileva li, viżwalment, l-element verbali "B.K.R.", minħabba d-daqs u l-pożiżżjoni tiegħu fis-sinjal, ser ikun l-element li jiġbed b'mod determinanti l-attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, billi l-element figurattiv kostitwit minn figura ġeometrika sempliċi sikwit huwa użat bħala tikketta fis-settur in kwistjoni.

36     Issa, min-naħa, skond l-UASI u l-intervenjenti, l-għaqda ta' l-ittri "bkr" tas-sinjal mitlub tinsab ukoll fl-ewwel pożizzjoni fit-trade mark preċedenti, billi, bħala l-ewwel ittra tal-kelma "rods", l-ittra "r" tinsab fit-tielet pożizzjoni. Barra minn hekk, skond l-intervenjenti u l-UASI, l-ittri "bkr" huma separati permezz ta' punti, ħaġa li tagħti lill-pubbliku rilevanti x'jifhem li dan huwa sinjal li jikkostitwixxi t-taqsira ta' sinjal itwal.

37     Min-naħa l-oħra, skond l-UASI u l-intervenjenti, l-elementi verbali "boots & shoes" u "made in Spain", minħabba d-daqs tagħhom, għandhom biss rwol sekondarju fl-impressjoni viżiva komplessiva li jagħti s-sinjal mitlub. Barra minn hekk, billi dawn l-elementi huma deskrittivi u ma jistgħux jiġu rreġistrati separatament, huma ma jiġux ipperċepiti bħala l-elementi dominanti ta' dan is-sinjal. L-intervenjenti tippreċiża, f'dan ir-rigward, li jeżistu madwar 2 970 paġni fuq l-Internet li fihom dawn il-kliem magħqudin flimkien u li r-rikorrenti ma talbitx id-detenzjoni esklużiva ta' dawn il-kliem fil-kuntest tat-talba tagħha għal reġistrazzjoni.

38     Għal dak li jirrigwarda l-figura f'forma ta' djamant li tagħlaq fiha l-element dominanti tat-trade mark mitluba, għalkemm din hija element li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fl-impressjoni viżiva komplessiva tat-trade mark mitluba, hija m'ghandhiex karattru distintiv għoli minħabba s-sempliċità u l-użu frekwenti tagħha.

39     Għaldaqstant, minħabba x-xebh bejn l-element dominanti tas-sinjal mitlub u s-sinjal preċedenti, l-UASI u l-intervenjenti jidhrilhom li jeżisti xebh viżiv bejn dawn is-sinjali.

40     Fonetikament, fit-territorju rilevanti, it-trade mark preċedenti hija ppronunzjata, skond l-UASI u l-intervenjenti, "bé-ka-rods" u "bé-ka-érods" rispettivament u t-trade mark mitluba hija ppronunzjata "bé-ka-èr". Minħabba d-daqs u l-pożizzjoni tagħhom, l-elementi verbali l-oħra tat-trade mark mitluba ma jiġux ippronunzjati mill-pubbliku rilevanti u, f'kull każ, li kieku kellhom jiġu ppronunzjati, ma jkunux rilevanti għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 38, iktar 'il fuq. Is-sinjali in kwistjoni jippreżentaw għalhekk struttura trisillabika, bl-ewwel żewġ sillabi li huma komuni u l-ittra "r" li hija determinanti għall-pronunzja ta' l-aħħar sillaba. Minn dan l-intervenjenti tikkonkudi li s-sinjali konfliġġenti jixxiebhu ħafna fonetikament u l-UASI jidhirlu li l-Bord ta' l-Appell ġustament ikkunsidra li s-sinjali in kwistjoni jippreżentaw xebh fonetiku.

41     Konċettwalment, skond l-UASI, la t-trade mark preċedenti u lanqas l-element dominanti tat-trade mark mitluba ma jippreżentaw xi kontenut konċettwali fit-territorju rilevanti. Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-kelma "rods" tat-trade mark preċedenti ma tagħmilx parti mill-vokabularju Ingliż kurrenti li jingħaraf mill-ewwel mill-konsumaturi Awstrijaċi tal-prodotti in kwistjoni. L-elementi verbali "boots & shoes" u "made in Spain" tat-trade mark mitluba huma, min-naħa l-oħra, espressjonijiet kurrenti fis-settur ikkonċernat u huma faċilment mifhuma mill-konsumaturi Awstrijaċi bħala deskrittivi tal-prodotti in kwistjoni u ta' l-oriġini ġeografika tagħhom.

42     Skond l-intervenjenti, l-element verbali "B.K.R.", li hu komuni għaż-żewġ sinjali konfliġġenti, m'għandux tifsira partikolari għall-konsumatur medju u, għaldaqstant, ix-xebh konċettwali ta' dawn is-sinjali għandu jiġi kkunsidrat bħala qawwi ħafna.

43     Fit-tielet lok, rigward l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, l-UASI jirreferi mill-ġdid għall-prinċipji stabbiliti mill-qorti Komunitarja (ara punt 32, iktar 'il fuq) u jfakkar, f'dan il-kuntest, li, billi l-konsumatur iżomm f'moħħu stampa imperfetta ta' trade mark, l-element dominanti ta' din ta' l-aħħar għandu importanza partikolari fl-impressjoni komplessiva li tagħti t-trade mark meta mqabbla ma' l-elementi l-oħra li jikkomponuha. L-UASI tenna, f'dan ir-rigward, l-argumenti tiegħu favur il-karattru dominanti ta' l-element verbali "B.K.R." fi ħdan is-sinjal mitlub.

44     Barra minn hekk, għall-finijiet ta' l-eżami tal-probabbiltà ta' konfużjoni, għandu jittieħed kont tal-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur, li jvarja skond il-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni. F'dan ir-rigward, l-UASI jirrikonoxxi r-rwol preponderanti, għal dak li jirrigwarda l-prodotti kkonċernati, ta' l-impressjoni viżiva fil-paragun tas-sinjali in kwistjoni u jinsisti fuq ix-xebh viżiv tagħhom minkejja l-preżenza ta' element figurattiv fl-uniku sinjal mitlub.

45     L-UASI jikkonstata wkoll li, fis-settur tal-ħwejjeġ, l-istess trade mark tista' jippreżenta konfigurazzjonijiet differenti skond it-tip ta' prodott li fuqu tiġi mwaħħla. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-pubbliku rilevanti, meta jara l-element verbali "B.K.R.", jikkunsidra li dan huwa taqsira ta' sinjal itwal, bħalma huwa BK RODS, u jikkunsidra s-sinjal mitlub bħala s-sinjal li jikkaratterizza mudell speċjali ta' prodotti li jappartjenu lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti.

46     Barra minn hekk, għalkemm jista' jiġi aċċettat li l-konsumatur jagħti iżjed attenzjoni għall-għażla tat-trade mark meta jixtri ħwejjeġ partikolarment għaljin, minn dan ma jistax jiġi konkluż li, fir-rigward tas-settur ikkonċernat, il-pubbliku ser jagħti attenzjoni partikolari meta jixtri l-prodotti kkonċernati [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Ottubru 2004, New Look vs l-UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE et NLCollection), T-117/03 sa T-119/03 u T-171/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43]. Waqt is-seduta, l-UASI sostna, f'dan ir-rigward, li ma jistax jiġi kkunsidrat li l-prodotti in kwistjoni huma intiżi iktar speċifikament għal pubbliku żagħżugħ, kif tippretendi r-rikorrenti.

47     Fid-dawl ta' dawn l-elementi u tal-prinċipju ta' l-interdipendenza skond liema, xebh żgħir bejn is-sinjali jista' jiġi kkumpensat bi grad għoli ta' identiċità jew ta' xebh bejn il-prodotti, l-UASI jidhirlu li l-Bord ta' l-Appell m'għamel ebda żball li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

48     L-intervenjenti tikkunsidra li l-grad ta' xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni huwa kkumpensat bi grad għoli ta' xebh bejn is-sinjali in kwistjoni. Meta jivviżwalizza l-prodotti jew is-servizzi koperti mis-sinjali konfliġġenti, il-konsumatur medju jaħseb minnufih li dawn joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi ekonomikament konnessi u jassumi li dawn l-impriżi fil-bidu ddeċidew li jużaw it-trade mark irreġistrata BK RODS u wara d-derivat tagħha "B.K.R."

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

49     Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta' trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark m'għandhiex tiġi milqugħa jekk, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma' trade mark preċedenti u l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewg trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

50     Barra minn hekk, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, bi trade marks preċedenti wieħed għandu jifhem it-trade marks reġistrati fi Stat Membru b'data ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

51     Skond ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi ekonomikament konnessi tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni.

52     Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha f'dak il-każ, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnhom [ara sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta' Marzu 2005, L’Oréal vs l-UASI – Revlon (FLEXI AIR), T-112/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 57].

–       Fuq il-pubbliku rilevanti

53     Huwa paċifiku bejn il-partijiet li t-trade mark verbali preċedenti ta' l-intervenjenti, BK RODS, l-unika waħda in kwistjoni fil-kuntest ta' din il-kawża, hija rreġistrata fl-Awstrija, li tikkostitwixxi għalhekk it-territorju rilevanti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

54     Għandu wkoll jiġi kkunsidrat, kif għamel il-Bord ta' l-Appell, li, billi l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 huma prodotti ta' konsum ta' kuljum, il-pubbliku rilevanti huwa l-konsumatur medju li għandu jkun informat b'mod normali u li hu raġonevolment attent u prudenti [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza Fifties, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29; ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs l-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 43, u NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25]. F'dan ir-rigward, minkejja l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-prodotti in kwistjoni huma intiżi iktar għal pubbliku żagħżugħ.

55     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għall-finijiet ta' l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, għandu jitqies kif jifhimha l-pubbliku rilevanti, kostitwit mill-konsumaturi medji Awstrijaċi.

–       Fuq ix-xebh tal-prodotti

56     Billi l-partijiet ma kkontestawx il-kunsiderazzjoni tal-Bord ta' l-Appell li l-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti huma identiċi jew jixxiebhu ħafna, għandu jitqies li l-prodotti in kwistjoni huma identiċi jew jixxiebhu ħafna.

–       Fuq ix-xebh tas-sinjali

57     Skond ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, f'dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew konċettwali tas-sinjali in kwistjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni komplessiva li dawn jagħtu, billi jitqiesu, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza BASS, iċċitata iktar 'il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-9 ta' Marzu 2005, Osotspa vs l-UASI – Distribution & Marketing (Hai), T-33/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47]. Il-konsumatur rarament biss għandu l-possibbiltà li jagħmel paragun dirett tat-trade marks differenti, iżda jrid joqgħod fuq l-istampa imperfetta li jkun żamm f'moħħu. Ġeneralment, huma l-karatteristiċi dominanti u distintivi ta' sinjal li jiġu mmemorizzati l-iktar faċilment. Għalhekk, il-ħtieġa li tiġi evalwata l-impressjoni komplessiva li jagħti sinjal ma teskludix l-eżami ta' kull waħda mill-komponenti tagħha bil-għan li jiġu determinati l-elementi dominanti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' Marzu 2005, Fusco vs l-UASI – Fusco International (ENZO FUSCO), T-185/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata].

58     F'dan il-każ, fuq il-livell viżiv, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-element dominanti tas-sinjal mitlub kien magħmul mit-tliet ittri "bkr", billi l-elementi verbali "boots", "shoes" u "made in Spain" kienu, minħabba d-daqs tagħhom, inqas importanti. Hija qieset li l-element dominanti ta' dan is-sinjal irriproduċa l-ewwel żewġ ittri tat-trade mark preċedenti u żied miegħu l-ittra "r", l-ewwel ittra tal-kelma "rods" tat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, il-fatt li t-tliet ittri tas-sinjal mitlub huma sseparati permezz ta' punti jagħti x'jifhem li dan huwa taqsira (punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li s-sinjali konfliġġenti kienu jixxiebhu viżwalment.

59     F'dan ir-rigward, ma jistax ma jiġix ikkonstatat mill-ewwel li l-UASI ġustament ikkunsidra li, fuq il-livell viżiv, l-element dominanti tat-trade mark mitluba kien "B.K.R.", minħabba d-daqs tiegħu, il-pożizzjoni tiegħu fis-sinjal u t-tipa grassa tiegħu. Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza, għalkemm il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi t-trade mark bħala ħaġa sħiħa u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha, huma ġeneralment il-karatteristiċi dominanti u distintivi ta' sinjal li jiġu mmemorizzati l-iktar faċilment (ara sentenza NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection, iċċitata iktar 'il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

60     Issa, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li t-trade mark mitluba tinkludi wkoll l-elementi verbali "boots", "shoes" u "made in Spain", għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi, minħabba d-daqs tagħhom u l-pożizzjoni tagħhom, huma viżwalment inqas importanti mill-element "B.K.R.". Barra minn hekk, kif isostni l-UASI, dawn il-kelmiet huma deskrittivi tal-prodotti ta' lbies in kwistjoni u ta' l-oriġini ġeografika tagħhom. Għalhekk, dawn l-elementi verbali għandhom rwol sekondarju fis-sinjal mitlub u, għaldaqstant, huma aċċessorji meta pparagunati ma' l-element verbali dominanti "B.K.R.".

61     Għal dak li jirrigwarda l-elementi figurattivi tat-trade mark mitluba, jiġifieri żewġ figuri f'forma ta' djamant, imdaħħlin wieħed fl-ieħor, fuq sfond iswed, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma kkontestatx l-asserzjoni ta' l-UASI li din il-forma ta' djamant hija użata sikwit u li għalhekk m'għandhiex karattru distintiv intrinsiku. Għalhekk, dawn l-elementi figurattivi huma wkoll aċċessorji meta pparagunati ma' l-element dominanti tat-trade mark mitluba.

62     Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-paragun ta' l-element dominanti tas-sinjal mitlub, "B.K.R.", u tat-trade mark preċedenti BK RODS, għandu jiġi kkunsidrat li l-preżenza ta' tliet ittri komuni għal dawn iż-żewġ sinjali mhijiex ta' natura li tattribwilhom xebh viżiv.

63     Fl-ewwel lok, għalkemm huwa minnu li l-ittri "b" u "k" huma komuni għaż-żewġ sinjali in kwistjoni u li l-pożizzjoni tagħhom f'ras iż-żewġ sinjali tikkundizzjona l-perċezzjoni viżiva tagħhom, il-preżenza, f'dawn iż-żewġ sinjali, ta' l-ittra "r" mhijiex ta' natura li tagħmilhom jixxiebhu. Fil-fatt, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-ittra "r" li tinsab fl-element verbali "rods" tat-trade mark preċedenti hija pperċepita, mill-pubbliku rilevanti, separatament mit-tliet ittra l-oħra ta' din il-kelma ("ods"), kif, barra minn hekk, ammetta l-UASI waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza. L-element verbali "rods" għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala ħaġa sħiħa u mhux bħala kelma komposta minn diversi ittri fosthom l-ittra "r". Għaldaqstant, l-UASI żbaljat meta qieset li ż-żewġ sinjali in kwistjoni kellhom in komuni, fuq il-livell viżiv, l-għaqda ta' l-ittri "bkr".

64     Barra minn hekk, l-element verbali "rods" tat-trade mark preċedenti ser jattira iktar l-attenzjoni tal-konsumatur billi, kuntrarjament għall-ittri assoċjati "b" u "k" li jippreċeduh, dan l-element jifforma kelma.

65     Fl-aħħarnett, filwaqt li l-element verbali dominanti tat-trade mark mitluba huwa wieħed, it-trade mark preċedenti hija komposta minn żewġ elementi, bl-element verbali "rods" itwal mill-element "bk". F'dan ir-rigward, ma jistax jiġi miċħud li t-tul differenti tas-sinjali in kwistjoni jenfasizza n-nuqqas ta' xebh tagħhom.

66     Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li jallega l-UASI, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-preżenza ta' punt wara kull waħda mill-ittri li jikkomponu l-element dominanti tat-trade mark mitluba tikkontribwixxi biex tagħmel iż-żewġ sinjali in kwistjoni jixxiebhu fuq il-livell viżiv. Għalkemm huwa minnu li l-preżenza ta' dawn it-tliet punti tista' tħajjar lill-konsumatur tal-prodotti biex iqis is-sinjal mitlub bħala taqsira, dan is-sinjal ma jistax jiġi pperċepit bħala t-taqsira ta' BK RODS. Fil-fatt, f'tali ipoteżi, l-ittra "r" tas-sinjal mitlub biss hija l-inizjali tal-kelma "rods" tat-trade mark preċedenti, billi l-ittri "b" u "k" ta' l-imsemmi sinjal ma jistgħux ikunu l-inizjali tal-kliem li jikkomponu t-trade mark preċedenti.

67     Fit-tielet lok, fl-aħħarnett, fl-evalwazzjoni viżiva komplessiva tas-sinjali in kwistjoni, għandha tiġi rrilevata n-natura kumplessa tat-trade mark mitluba li hija sinjal imħallat, kompost mhux biss minn elementi verbali dominanti u aċċessorji (ara punti 59 u 60 iktar 'il fuq), iżda wkoll minn elementi figurattivi (ara punt 61 iktar 'il fuq). Issa, il-preżenza ta' elementi figurattivi fit-trade mark mitluba, jiġifieri l-għeluq fi frejm f'forma ta' djamant u t-tipografija partikolari ta' l-element verbali dominanti "B.K.R.", għalkemm aċċessorji għall-element dominanti ta' din it-trade mark, twassal biex iżżid, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni viżiva komplessiva tas-sinjali konfliġġenti, in-nuqqas ta' xebh bejniethom. F'dan ir-rigward, minħabba l-preżenza ta' elementi oħra f'kull waħda mis-sinjali in kwistjoni, il-fatt li dawn iż-żewġ sinjali għandhom l-ittri "b" u "k" in komuni m'għandux effett determinanti fil-paragun viżiv.

68     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tan-natura żbaljata tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ma setax leġittimament jikkonkludi li s-sinjali in kwistjoni, evalwati globalment, kienu jippreżentaw xebh viżiv.

69     Fuq il-livell fonetiku, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li s-sinjal preċedenti u l-element dominanti tas-sinjal mitlub kienu jixxiebhu, minħabba l-identiċità ta' l-ewwel tliet ittri ta' dawn iż-żewġ sinjali (punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata). Skond l-UASI, fit-territorju rilevanti t-trade mark preċedenti hija ppronunzjata "bé-ka-rods" u, skond l-intervenjenti, "bé-ka-érods". Għar-rigward tas-sinjal li qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni tiegħu, il-pronunzja adegwata hija, skond dawn iż-żewġ partijiet, "bé-ka-èr".

70     F'dan il-każ, huwa rilevanti li tittieħed in kunsiderazzjoni l-pronunzja minn konsumatur medju Awstrijaku tal-kelma "rods", minkejja li din il-kelma hija ta' oriġini Ingliża. Issa huwa diffiċli li wieħed jistabbilixxi b'ċertezza l-pronunzja minn konsumatur medju ta' kelma ta' lingwa barranija [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' Frar 2005, SPAG vs l-UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T-57/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 58]. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-kelma "rods" hija rikonoxxuta bħala barranija u li t-tifsira tagħha hija magħrufa mill-konsumatur medju, il-pronunzja tagħha mhijiex neċessarjament dik tal-lingwa ta' oriġini. Pronunzja korretta skond il-lingwa ta' oriġini tippresupponi mhux biss li wieħed ikun jaf din il-pronunzja, iżda wkoll li wieħed ikollu l-kapaċità li jippronunzja l-kelma in kwistjoni bl-aċċent korrett. F'dan il-każ, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-kelma "rods", li tfisser "virga tal-ħadid" jew "virga ta' l-injam", tippreżenta karattru tekniku li ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-konsumatur medju Awstrijaku neċessarjament jaf it-tifsira tagħha.

71     Għandha għalhekk titqies il-pronunzja tat-trade mark preċedenti fil-lingwa Awstrijaka, jiġifieri "bé-ka-rods", bl-ittra "d" li hija l-ittra aċċentwata fil-kelma "rods".

72     F'dan ir-rigward, l-allegazzjoni ta' l-UASI u ta' l-intervenjenti, li ż-żewġ sinjali in kwistjoni jixxiebhu fonetikament, billi l-ewwel tliet ittri ta' dawn is-sinjali huma l-istess, għandha tiġi miċħuda. L-ittri "b" u "k", ippronunzjati "bé" u "ka", biss huma komuni għaż-żewġ sinjali in kwistjoni. Fil-fatt, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-ittra "r" tat-trade mark mitluba, ippronunzjata "èr", u l-kelma "rods", komposta minn żewġ sillabi u ppronunzjata "rodds", jippreżentaw xebh fonetiku. Għaldaqstant, l-UASI m'għandhiex raġun li tikkunsidra li l-element dominanti tat-trade mark mitluba ("B.K.R.") huwa inkluż, fuq il-livell fonetiku, fit-trade mark preċedenti.

73     Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tan-natura żbaljata ta' l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ma setax leġittimament jikkonkludi li kien jeżisti xebh fonetiku bejn iż-żewġ sinjali konfliġġenti.

74     Fuq il-livell konċettwali, il-Bord ta' l-Appell, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, iddikjara, bla ma ġie kkontradett mir-rikorrenti, li ma kienx hemm xebh konċettwali ċar bejn is-sinjali in kwistjoni.

75     Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tallega l-intervenjenti, billi l-element verbali dominanti tas-sinjal mitlub, jiġifieri "B.K.R.", u BK RODS, m'għandu ebda tifsira għall-pubbliku rilevanti fis-settur tal-ħwejjeġ, paragun tas-sinjali konfliġġenti fuq il-livell konċettwali mhuwiex rilevanti [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' April 2003, Durferrit vs l-UASI – Kolene (NU-TRIDE), T-224/01, Ġabra p. II-1589, punt 48, u tas-17 ta' Marzu 2004, El Corte Inglés vs l-UASI – González Cabello u Iberia Líneas Aéreas de España (MUNDICOR), T-183/02 u T-184/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 93].

–       Fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni

76     Fil-kuntest ta' evalwazzjoni globali tat-trade marks in kwistjoni, id-differenzi viżivi, fonetiċi u konċettwali tas-sinjali konfliġġenti huma suffiċjenti sabiex jimpedixxu, minkejja l-identiċità tal-prodotti kkonċernati, li x-xebh bejn is-sinjali konfliġġenti jwassal għal probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-konsumatur medju [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Ottubru 2004, Aventis CropScience vs l-UASI – BASF (CARPO), T-35/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29].

77     F'dan il-każ, minkejja ċertu xebh bejn is-sinjali konfliġġenti, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, l-elementi kollha rrilevati fil-punti 59 sa 75, iktar 'il fuq. Issa, billi l-Bord ta' l-Appell żbalja meta kkunsidra li s-sinjali konfliġġenti kienu jippreżentaw xebh viżiv u fonetiku, u fin-nuqqas ta' xebh konċettwali, ma jistax jiġi kkunsidrat li hemm xebh globali bejniethom. F'dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja l-identiċità tal-prodotti in kwistjoni, ma teżistix probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali konfliġġenti.

78     Għandu għalhekk jiġi milqugħ l-uniku argument ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, mingħajr m'għandu għalfejn jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti dwar l-importanza, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, tax-xebh viżiv tas-sinjali konfliġġenti (ara punt 30, iktar 'il fuq).

79     Fil-kuntest tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob, bħala talba prinċipali, ir-riforma tas-sentenza kkontestata. L-Artikolu 63(3) tar-Regolament 40/94 jipprovdi, bla dubju, il-possibbiltà ta' riforma. Madankollu, din il-possibbiltà hija, bħala regola, limitata għas-sitwazzjonijiet li fihom il-kawża tinsab fi stat li tista' tiġi deċiża [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, MFE Marienfelde vs l-UASI (HIPOVITON), T-334/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 63]. Issa dan ma japplikax f'din il-kawża, billi l-Bord ta' l-Appell ħa in kunsiderazzjoni, fil-kuntest ta' l-eżami li wettaq, waħda biss mit-trade marks preċedenti invokati sabiex isostnu l-oppożizzjoni u ma ppronunzjax ruħu fuq id-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament 40/94 li ġew invokati mill-intervenjenti.

80     Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

81     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tordna li parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

82     F'din il-kawża, l-UASI u l-intervenjenti tilfu peress li hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, konformement mat-talba tar-rikorrenti f'dan is-sens.

83     Fl-ittra tagħha tal-15 ta' Novembru 2004 lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti talbet li l-konvenut jiġi ordnat ibati l-ispejjez.

84     Għal dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mressqa mill-UASI fil-konfront ta' din it-talba, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-fatt li l-parti li rebħet il-kawża tkun għamlet din it-talba biss waqt is-seduta ma jipprekludix din it-talba milli tiġi milqugħa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Marzu 1979, NTN Toyo Bearing et vs il-Kunsill, 113/77, Ġabra p. 1185, u konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali Warner relattivi għal din is-sentenza, Ġabra p. 1212, b'mod partikolari p. 1274; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' Lulju 1990, Automec vs il-Kummissjoni, T-64/89, Ġabra p. II-367, punt 79, u tas-17 ta' Marzu 1993, Moat vs il-Kummissjoni, T-13/92, Ġabra p. II-287, punt 50). L-istess argument japplika, a fortiori, jekk it-talba għall-kundanna għall-ispejjeż tinsab, bħal f'dan il-każ, f'ittra mibgħuta matul il-proċedura bil-miktub.

85     Peress li l-UASI tilef, hemm lok li jiġi ordnat ibati kemm l-ispejjeż tiegħu kif ukoll l-ispejjeż tar-rikorrenti.

86     Għal dak li jirrigwarda l-intervenjenti, billi r-rikorrenti ma talbitx li din tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (ir-Raba' Awla)

taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI) tat-30 ta' Ġunju 2004 (Każ R 0458/2002-4) hija annullata.

2)      L-UASI għandu jbati kemm l-ispejjeż tiegħu kif ukoll l-ispejjeż tar-rikorrenti.

3)      L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Legal

Lindh

Vadapalas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu

Reġistratur

 

      il-President

H. Jung

 

      H. Legal


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.