Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Ottubru 2011 - Elsid et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-557/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Elsid SA (Titu, ir-Rumanija), ESD-SIC BV (Delfzijl, il-Pajjiżi l-Baxxi), ESK-SIC GmbH (Frechen, il-Ġermanja) u Navarro SIC, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: B. Evtimov, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 5934 finali, tal-24 ta' Awwissu 2011, li tiċħad it-talba għal ftuħ ta' reviżjoni ta' skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tas-silicon carbide li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti, li jenfasizzaw l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament ta' bażi , jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq:

ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità taħt l-Artikolu 5(4) UE. B'mod parallel, jew sussidjarjament, fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni meta applikat rekwiżiti fil-qasam tal-prova ogħla minn dawk li jippermettu l-aċċettazzjoni ta' talba għal reviżjoni ta' skadenza ta' miżuri.

It-tieni motiv ibbażat fuq:

ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod parallel, jew sussidjarjament, fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni meta kkonstatat li l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Istati Uniti ma kinux paragunabbli mal-prodotti tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni Ewropea u meta kkonkludiet b'mod żbaljat li l-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż lejn l-Istati Uniti, li huwa iktar baxx mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni Ewropea, ma kienx ser iwassal għalhekk, probabbilment, għal ħolqien mill-ġdid ta' dumping u ta' dannu.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, ĠU L 343, p. 51.