Language of document :

Appell ippreżentat fid-19 ta' Settembru 2011 minn Luigi Marcuccio kontra d-digriet mogħti fit-30 ta' Ġunju 2011 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-14/10, Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-491/11 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat fl-intier tiegħu.

prinċipalment, tilqa' t-talbiet imsemmija fl-att promotur inkwistjoni fl-intier tagħhom.

tikkundanna lill-KE għall-ħlas lura, favur l-appellant, għall-ħlasijiet u l-ispejjeż kollha sostnuti minnu għall-istanzi kollha ta' din il-kawża.

sussidjarjament, terġa' tibgħat il-kawża inkwistjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, komposta minn membri differenti, sabiex tiddeċiedi mill-ġdid fuq il-mertu ta' din il-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell huwa dirett kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tat-30 ta' Ġunju 2011, li jiċħad bħala manifestament infondat fid-dritt rikors intiż għall-kundanna tal-konvenuta sabiex hija tħallas lir-rikorrent fl-ewwel istanza d-dannu ta' natura patrimonjali u mhux patrimonjali li huwa sofra minħabba l-allegat dewmien irraġonevolament eċċessiv tal-proċedura intiża għar-rikonoxximent ta' invalidità permanenti parzjali.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iressaq ħames aggravji.

1.    L-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta' liġi, minħabba nuqqas ta' motivazzjoni u ksur tal-obbligu ta' investigazzjoni approprjata, billi ġiet eskluża dejjem u b'mod sistematiku, ir-responsabbiltà ċivili minn naħa ta' istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta' ksur tal-obbligu, li hija għandha, li timmotiva kull deċiżjoni tagħha u billi tiddikjara ineffettiv l-argument tal-appellant f'dan is-sens.

2.    It-tieni aggravju, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata, falsa u irraġonevoli tal-kunċett ta' obbligu ta' motivazzjoni.

3.    It-tielet aggravju, ibbażat fuq nuqqas assolut ta' motivazzjoni sew minħabba nuqqas ta' investigazzjoni, kif ukoll minħabba żball proċedurali talli naqas milli jiddikjara t-tardività tal-kontrotalba tal-appellata.

4.    Ir-raba' aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 44 tar-Regoli tal-proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u kif ukoll it-tneħħija tad-drittijiet tal-appellant, ksur tal-prinċipju ta' kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża.

5.    Il-ħames aggravju, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata, falsa u irraġonevoli tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

____________