Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Settembru 2011 - Missir Mamachi di Lusingano et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-494/11)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Livio Missir Mamachi di Lusignano (Kerkhove-Avelgem, il-Belġju), Anne Jeanne Cécile Magdalena Maria Sintobin (Brussell, il-Belġju), Stefano Missir Mamachi di Lusignano (Shangai, iċ-Ċina), Maria Letizia Missir Mamachi di Lusignano (Brussell, il-Belġju), Alessandro Missir Mamachi di Lusignano (Eredi ta') (Rabat, il-Marokk) (rappreżentanti: F. Di Gianni, R. Antonimi u G. Coppo, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-kumpens għad-danni morali sostnuti minnhom wara l-qtil ta' Alessandro Missir Mamachi di Lusignano u tal-konjuġi tiegħu Ariane Lagasse de Locht;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-interessi fuq il-kumpens u tal-interessi moratorji li akkumulaw sadanittant;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tal-ewwel motiv qiegħed jintalab li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ħlas tal-kumpens għad-danni morali sostnuti b'mod inġust mir-rikorrenti wara l-qtil ta' Alessandro Missir Mamachi di Lusignano, li kien uffiċjal tal-Kummissjoni, u tal-konjuġi tiegħu Ariane Lagasse de Locht. Ir-rikorrenti għaldaqstant jinvokaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, u dan talli b'negliġenza l-Kummissjoni naqset milli tiżgura ruħha li l-appartament imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-uffiċjal maqtul u tal-familja tiegħu jkun mgħammar bil-miżuri ta' sigurtà xierqa u effettivi sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tagħhom. Insostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-konklużjonijiet tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-12 ta' Mejju 2011, fil-Kawża F-50/2009.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti jinvokaw, minħabba ċ-ċirkustanzi assolutament eċċezzjonali tal-każ, ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni għad-danni kkawżati minn aġir illegali.

____________