Language of document : ECLI:EU:T:2011:26

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

3 ta’ Frar 2011 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti — Modifika prevista mill-awtoritajiet Taljani ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata minn qabel mill-Kummissjoni — Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni”

Fil-Kawża T‑584/08,

Cantiere navale De Poli SpA, stabbilita fi Venezia (l-Italja), irrappreżentata inizjalment minn A. Abate u R. Longanesi Cattani, sussegwentement minn A. Abate u A. Franchi, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Righini, C. Urraca Caviedes u V. Di Bucci, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/38/KE, tal-21 ta’ Ottubru 2008, dwar l-Għajnuna mill-Istat 20/08 (ex N 62/08) li l-Italja qed tippjana li timplementa permezz ta’ modifikazzjoni fl-iskema tal-għajnuna N 59/04 dwar mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti (ĠU 2010, L 17, p. 50),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(b)      “għajnuna eżistenti” għandha tfisser:

(i)       […] l-għajnuna kollha li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fi Stati Membri rispettivi, li jfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat;

(ii)  għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

[…]

(v)       għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżisten[t]i minħabba li jista’ jitwaqqaf li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu. Billi ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mill-liġi tal-Komunità, dawn il-miżuri m’għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għall-liberalizzazzjoni;

(ċ)       “għajnuna ġdida” għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti;

[…]”

2        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3), jipprovdi, fl-Artikolu 4(1) tiegħu, dan li ġej:

“Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament […] Nru 659/1999, alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq komuni. Iżda żieda fl-estimi oriġinali ta' skema eżistenti ta’ għajnuna sa 20 % m’għandhiex titqies bħala alterazzjoni għall-għajnuna eżistenti.”

3        Abbażi tal-Artikolu 87(3)(e) KE, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1177/2002, tas-27 ta’ Ġunju 2002, li jikkonċerna mekkaniżmu difensiv temporanju għall-bini ta’ bastimenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 485). L-imsemmi regolament kien awtorizza tali mekkaniżmu sabiex jgħin lit-tarznari Komunitarji li soffrew preġudizzju gravi minħabba l-kompetizzjoni żleali tat-tarznari li jinsabu fil-Korea (premessa 3 tar-Regolament). L-Artikolu 2(2) u (3) ta’ dan l-istess regolament kien jippreċiża li l-għajnuna diretta favur ċerti kuntratti għall-bini ta’ bastimenti setgħu jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq komuni meta din l-għajnuna ma eċċedietx 6 % tal-valur kuntrattwali u meta l-parti tas-suq inkwistjoni kienet sofriet preġudizzju gravi minħabba l-kompetizzjoni żleali Koreana.

4        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1177/2002 jissuġġetta l-għoti tal-għajnuna għan-notifika tagħha, skont l-Artikolu 88 KE, lill-Kummissjoni, li kellha teżaminaha u tadotta deċiżjoni fir-rigward tagħha skont ir-Regolament Nru 659/1999.

5        L-Artikolu 2(4) kif ukoll l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1177/2002 jipprovdu li ġej:

Artikolu 2

[…]

4.      Dan ir-Regolament m’għandux ikun applikabbli għal xi vapur li jkun fornut wara aktar minn tliet snin mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt finali. Il-Kummissjoni tista’, b’dana kollu, tagħti estensjoni lil-limitu tal-forniment ta’ tliet snin meta dan jinstab li huwa iġġustifikat mill-komplessità teknika tal-proġett individwali ta’ bini ta’ bastimenti kkonċernat jew b’dewmien li jirriżulta minn tħarbit mhux mistenni ta’ natura sostanzjali u difensibbli fil-programm tax-xogħol ta’ tarzna minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, mhux previsti u esterni għall-kumpanija.

[…]

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jkun applikat għall-kuntratti finali iffirmati mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sa l-iskadenza tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti finali iffirmati qabel ma l-Komunità tkun ippubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li hija tkun tat bidu għall-proċedimenti ta’ risoluzzjoni ta’ kwistjonijiet kontra il-Korea billi titlob konsultazzjonijiet b’konformità mal-Ftehim dwar ir-Regoli u l-Proċeduri għar-Risoluzzjoni ta’ Kwistjonijiet ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-kuntratti finali iffirmati xahar wieħed jew aktar wara li l-Kummissjoni tkun ippubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li dawn il-proċedimenti ta’ risoluzzjoni ta’ kwistjonijiet ikunu ġew riżolti, jew sospiżi fuq il-bażi li l-Komunità tikkonsidra li l-Minuti Miftiehma jkunu ġew effittivament implimentati.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandu jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2004.

[…]”

6        Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 502/2004, tal-11 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1177/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 33), id-data ta’ skadenza tar-Regolament Nru 1177/2002 previst fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament ġiet estiża sal-31 ta’ Marzu 2005.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Ir-rikorrenti, Cantiere navale De Poli SpA, topera tarzna li tinsab fi Venezia (l-Italja).

8        Fil-15 ta’ Jannar, ir-Repubblika Taljana nnotifikat skema ta’ għajnuna li permezz tagħha hija kellha l-intenzjoni tapplika r-Regolament Nru 1177/2002 skont l-Artikolu 4(153) tal-legge n° 350 su disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2004) (Liġi Nru 350 dwar dispożizzjonijiet għall-iffissar tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (Liġi Finanzjarja 2004)], tal-24 ta’ Diċembru 2003 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 299, tas-27 ta’ Diċembru 2003, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 350/2003”), liema dispożizzjoni kienet tipprovdi dan li ġej:

“Sabiex jiġi applikat ir-[Regolament Nru 1177/2002], għandha tingħata s-somma ta’ EUR 10 miljuni għas-sena 2004. Id-digriet tal-Ministeru tal-Infrustruttura u tat-Trasport għandu jistabbilixxi l-modalitajiet għall-għoti tal-għajnuna. L-effikaċja tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-punt hija suġġetta, skont l-Artikolu 88(3) KE, għall-approvazzjoni minn qabel tal-[Kummissjoni].”

9        Permezz tad-deċiżjoni tagħha tad-19 ta’ Mejju 2004, dwar l-iskema ta’ għajnuna N 59/2004, li tistabbilixxi mekkaniżmu difensiv temporanju għall-bini ta’ bastimenti, innotifikata bir-referenza C (2004) 1807 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004”), il-Kummissjoni approvat l-iskema nnotifikata billi kkunsidrat li din kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1177/2002 u kumpatibbli mas-suq komuni (iktar ’il quddiem l-“iskema tal-2004”).

10      Billi kkunsidrat li l-ammont inizjali ta’ EUR 10 miljuni ma kienx biżżejjed sabiex ikopri t-talbiet għal għajnuna mressqa qabel l-iskadenza tar-Regolament Nru 502/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 502/2004, ir-Repubblika Taljana nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li talloka, permezz tal-Artikolu 2(206) tal-legge n° 244 su disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2008) [Liġi Nru 244 dwar dispożizzjonijiet għall-iffissar tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (Liġi Finanzjarja 2008)], tal-24 ta’ Diċembru 2007 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 300, tas-28 ta’ Diċembru 2007), iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 244/2007”, EUR 10 miljuni supplimentari lill-baġit għall-iskema tal-2004 (iktar ’il quddiem il-“miżura nnotifikata”).

11      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ April 2008, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tagħha, għal dak li jirrigwarda l-miżura nnotifikata. Id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ġiet, barra minn hekk, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, C 140, p. 20). Il-Kummissjoni stiednet il-partijiet interessati kollha sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien xahar mid-data ta’ pubblikazzjoni. Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni billi sostniet li ġew ippreżentati tardivament.

12      Fil-21 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2010/38/KE dwar l-Għajnuna mill-Istat 20/08 (ex N 62/08) li l-Italja qed tippjana li timplementa permezz ta’ modifikazzjoni fl-iskema tal-għajnuna N 59/04 dwar mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti (ĠU 2010, L 17, p. 50) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li l-Artikolu 1 tagħha jipprovdi:

“L-għajnuna mill-Istat li l-Italja qed tippjana li timplimenta permezz ta’ modifikazzjoni fl-iskema tal-għajnuna N 59/04 dwar mekkaniżmu temporanju difensiv għall-bini tal-bastimenti li tinvolvi żieda ta’ EUR 10 miljuni mal-baġit tal-iskema [tal-2004], mhix kompatibbli mas-suq komuni.

Għaldaqstant, din l-għajnuna m’għandiex tingħata.”

13      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura nnotifikata tikkostitwixxi għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 794/2004 u li din l-għajnuna ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, għaliex ir-Regolament Nru 1177/2002 ma kienx iktar fis-seħħ u għalhekk ma setax iservi bħala bażi legali għall-evalwazzjoni tal-miżura nnotifikata. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li l-imsemmija miżura ma setgħatx tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni abbażi tal-kwadru [qafas] dwar l-għajnuna mogħtija mill-istat għall-bini tal-bastimenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 201) u li hija lanqas ma kienet tidher kompatibbli abbażi ta’ kwalsiasi dispożizzjoni oħra applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

14      Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1177/2002, ir-Repubblika tal-Korea kienet ġibdet l-attenzjoni tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim [Dispute Settlement Body] (DSB) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar il-kwistjoni tal-legalità tal-imsemmi regolament fir-rigward tar-regoli tad-WTO. Fit-22 ta’ April 2005, grupp ta’ esperti stabbilit mid-WTO ppubblika rapport li fih ġie konkluż li r-Regolament Nru 1177/2002 u varji skemi nazzjonali li japplikaw l-imsemmi regolament li kienu jeżistu fiż-żmien meta r-Repubblika tal-Korea kienet ressqet it-tilwima quddiem id-WTO kienu jiksru ċerti regoli ta’ din tal-aħħar. Fl-20 ta’ Ġunju 2005, id-DSB adotta r-rapport tal-grupp ta’ esperti li rrakkomanda lill-Komunità li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex ir-Regolament Nru 1177/2002 u l-iskemi nazzjonali li japplikawh jsiru konformi mal-obbligi imposti fuqha taħt il-ftehim li ntlaħqu fil-kuntest tad-WTO.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) fit-22 ta’ Jannar 2004, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

16      Hija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

17      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

18      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet il-partijiet sabiex jiddeċiedu dwar l-opportunità li jagħqdu din il-kawża mal-kawża T-3/09 li fiha r-Repubblika Taljana ppreżenta rikors li għandu l-istess suġġett. Wara li waslu l-osservazzjonijiet tal-partijiet, li ma qajmu ebda oġġezzjoni, dawn il-kawżi ġew magħquda, permezz ta’ digriet tal-President tat-Tmien Awla tat-2 ta’ Ġunju 2010, għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

19      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2010.

 Id-dritt

20      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1177/2002, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-miżura nnotifikata, fuq in-nuqqas tar-rilevanza tar-rakkomandazzjoni tad-DSB tal-20 ta’ Ġunju 2005, fuq ksur tal-Artikolu 253 KE u fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ kontradittorju u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1177/2002, tal-Artikolu 253 KE u tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ aspettattivi leġittimi

 L-argumenti tal-partijiet

21      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma osservatx il-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni ratione temporis ta’ dispożizzjoni legali. Il-Kummissjoni kkonfondiet il-perijodu li matulu r-Regolament Nru 1177/2002 kien fis-seħħ ma’ dak li matulu l-imsemmi regolament kien applikabbli. Fil-fatt, il-Kummissjoni kellha l-obbligu tapplika dan ir-regolament għas-sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-data ta’ skadenza tiegħu, jiġifieri l-31 ta’ Marzu 2005, safejn dawn is-sitwazzjonijiet ikunu tqajmu legalment matul il-perijodu li matulu r-Regolament Nru 1177/2002 kien fis-seħħ. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Ir-rikorrenti tagħmel riferiment ukoll għall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1177/2002 u għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 4356, tat-8 ta’ Awwissu 2008, dwar l-għajnuna N 68/2008 u N 69/2008 – L-Italja (estensjoni tat-terminu ta’ tliet snin għall-kunsinna ta’ tankers mibnija mit-tarzna Giacalone), li fiha l-Kummissjoni applikat r-Regolament Nru 1177/2002 wara l-31 ta’ Marzu 2005.

22      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li l-impriżi li ma ngħatawx il-benefiċċju tal-iskema ta’ għajnuna kopert minn din id-deċiżjoni kienu kkonkludew il-kuntratti ta’ bejgħ rispettivi tagħhom fl-istess kuntest ekonomiku u regolamentari, jiġifieri qabel il-31 ta’ Marzu 2005, sabiex jagħmlu tajjeb għall-kompetizzjoni żleali Koreana, bħall-impriżi li bbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna wara d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004. L-unika differenza bejn dawn l-operaturi hija li l-Gvern Taljan, minħabba bżonnijiet ta’ baġit, wettaq, wara l-31 ta’ Marzu 2005, finanzjament mill-ġdid tal-iskema tal-2004.

23      Il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi assumiet arbitrarjament li l-miżura nnotifikata kienet tardiva. Peress li r-Regolament Nru 1177/2002 ma jsemmi ebda terminu li fih in-notifiki tal-miżuri ta’ għajnuna kellhom isiru u fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti kienet ikkonkludiet qabel il-31 ta’ Marzu 2005 kuntratti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sostantivi previsti fl-imsemmi regolament, il-Kummissjoni ma setgħatx tirrifjuta milli tapprova l-mizura nnotifikata mingħajr ma tikser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

24      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma indikatx kif tista’ tirrikonċilja t-twettiq tal-objettivi tar-Regolament Nru 1177/2002 mal-impossibbiltà materjali, għall-Gvern Taljan, li jinnotifika, fl-istess ġurnata tal-iskadenza tal-imsemmi regolament, l-għajnuna marbuta ma’ kuntratti li tagħhom ma kienx jaf id-data meta kienu ser jiġu konklużi u li dwarhom, għaldaqstant, huwa ma setax ikollu tagħrif, għaliex ir-Regolament Nru 1177/2002 kien jipprovdi d-dritt li dawn jiġu konklużi sal-31 ta’ Marzu 2005.

25      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li la s-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat prevista fit-Trattat u lanqas ir-Regolament Nru 1177/2002 ma jipprovdu terminu li fih in-notifiki tal-miżuri ta’ għajnuna skont l-Artikolu 88(3) KE għandhom isiru.

26      Fil-fatt, huma biss l-awtoritajiet Taljani, fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarità, li għandhom jagħżlu d-data ta’ notifika ta’ miżura ta’ għajnuna skont l-għarfien tagħhom tal-baġit rikjest għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2002, u fid-dawl tal-proċeduri tal-baġit normalment previsti. Jidher li l-Kummissjoni wettqet żball manifest billi fixklet u billi għamlet jikkoinċidu d-data ta’ skadenza tar-Regolament Nru 1177/2002, jiġifieri l-31 ta’ Marzu 2005, mat-terminu li l-Istati Membri kellhom sabiex jipprovdu għall-finanzjament ta’ skema ta’ għajnuna.

27      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

28      Għal dak li jirrigwarda, qabel xejn, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat dan l-att b’mod illi jippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti tagħmel l-istħarriġ tagħha. Il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari għall-kontenut tal-att, għan-natura tal-motivi invokati kif ukoll tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE tat-Trattat għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda ukoll fil-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jkopru din il-kwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, fil-premessi 33 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat għal liema raġunijiet hija sostniet li l-ġurisprudenza invokata mill-Gvern Taljan ma kinitx rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ aspettativi leġittimi tal-Gvern Taljan fil-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq komuni.

30      Il-motivazzjoni li allegatament hija vvizzjata b’nuqqas tidher fil-premessi 11, 25 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom spjegazzjoni tar-raġuni għalfejn il-Kummissjoni kkunsidrat li r-Regolament Nru 1177/2002 ma kienx applikabbli għall-miżura nnotifikata, jiġifieri l-fatt li ma kienx għadu fis-seħħ.

31      Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-fondatezza tal-approċċ tal-Kummissjoni, huwa paċifiku li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Regolament Nru 1177/2002 ma jistax iservi bħala bażi legali għall-evalwazzjoni tal-miżura nnotifikata, peress li kien skada fil-31 ta’ Marzu 2005 (premessi 11, 25 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ratione temporis ta’ dispożizzjoni legali fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji, għandha ssir distinzjoni, f’dan il-każ, bejn ir-regoli ta’ kompetenza u d-dispożizzjonijiet legali sostantivi.

33      Għal dak li jirrigwarda r-regoli li jirregolaw il-kompetenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta mill-ġurisprudenza li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni tal-Unjoni tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑269/97, Ġabra p. I‑2257, punt 45).

34      F’dan il-każ, huwa l-Artikolu 88 KE li jikkostitwixxi l-bażi legali li jagħti lill-Kummissjoni l-kompetenza tadotta deċiżjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li jawtorizzaha b’mod permanenti, mill-1968, li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna, fid-dawl tal-Artikolu 87 KE, mas-suq komuni.

35      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet legali sostantivi, dawn jirregolaw sa mid-dħul fis-seħħ tagħhom l-effetti futuri kollha ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet legali sostantivi ma japplikawx għall-effetti stabbiliti wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, ħlief jekk il-kundizzjonijiet eċċezzjonali tal-applikazzjoni retroattiva huma sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 1970, Brock, 68/69, Ġabra p. 171, punt 6; tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer, C‑162/00, Ġabra p. I‑1049, punt 49, u tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 119; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2007, Simões Dos Santos vs UASI, T‑435/04, Ġabra p. II-0000, punt 100, u tat-12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il-Kummissjoni, T‑25/04, Ġabra p. II‑3121, punt 70).

36      Għal dak li jirrigwarda l-għajnuna nnotifikata u mhux imħallsa, fil-kuntest tas-sistema tal-Unjoni ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, id-data li fiha l-effetti tal-għajnuna inkwistjoni jiġu stabbiliti tikkoinċidi mal-mument meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna mas-suq komuni. Fil-fatt, ir-regoli, il-prinċipji u l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha jistgħu, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala l-iktar adatti għall-kuntest kompetittiv (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, Ġabra p. I‑9465, punti 50 sa 53). Dan huwa dovut għall-fatt li l-għajnuna inkwistjoni ma twassalx għal vantaġġi reali fis-suq komuni qabel id-data li fiha l-Kummissjoni tiddeċiedi jew le li tawtorizzaha.

37      Min-naħa l-oħra, għall-għajnuna mħallsa illegalment mingħajr notifika minn qabel, id-dispożizzjonijiet legali sostantivi applikabbli huma dawk fis-seħħ fil-mument meta l-għajnuna tħallset, peress li l-vantaġġi u ż-żvantaġġi mogħtija minn tali għajnuna seħħew matul il-perijodu li fih l-għajnuna inkwistjoni tħallset (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ April 2008, SIDE vs Il-Kummissjoni, T‑348/04, Ġabra p. II‑625, punti 58 sa 60).

38      Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma applikatx ir-Regolament Nru 1177/2002, peress li l-għajnuna inkwistjoni kienet ġiet innotifikata u mhux imħallsa. Fil-fatt, il-vantaġġi u ż-żvantaġġi attwali tal-miżura nnotifikata fis-suq komuni ma setgħux iseħħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li ttieħdet wara d-data ta’ skadenza tar-Regolament Nru 1177/2002, jiġifieri fil-31 ta’ Marzu 2005.

39      L-argument li jgħid li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1177/2002 kien jipprovdi li dan tal-aħħar japplika għall-kuntratti konklużi qabel il-31 ta’ Marzu 2005 ma jikkontestax il-konklużjoni li tgħid li r-Regolament Nru 1177/2002 ma kienx applikabbli għall-miżura nnotifikata. Fil-fatt, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1177/2002 jippreċiża, bħall-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, il-kundizzjonijiet sostantivi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’, taħt dan ir-regolament, tieħu deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq komuni. Madankollu, l-applikazzjoni ratione temporis tal-imsemmi regolament hija rregolata mill-Artikolu 5 tiegħu u l-prinċipji esposti fil-punti 33 sa 36 iktar ’il fuq.

40      Ċertament, il-fatt li d-data li tiddetermina d-dispożizzjonijiet legali sostantivi applikabbli tikkoinċidi, għal dak li jirrigwarda għajnuna nnotifikata u mhux imħallsa, mal-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna jwassal għas-sitwazzjoni fejn din l-istituzzjoni tista’, billi tvarja t-tul tal-eżami tal-miżura ta’ għajnuna nnotifikata, tikkawża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali sostantiva li daħlet fis-seħħ wara n-notifika tal-imsemmija miżura lill-Kummissjoni. Madankollu, din is-sitwazzjoni, li, barra minn hekk, ma tqumx f’dan il-każ peress li l-miżura nnotifikata kienet innotifikata wara d-data ta’ skadenza tar-Regolament Nru 1177/2002, ma tistax tiġġustifika deroga mill-prinċipju li jgħid li d-dispożizzjonijiet legali sostantivi l-ġodda jirregolaw mid-dħul fis-seħħ tagħhom l-effetti futuri kollha ta’ sitwazzjonijiet li tqajmu taħt id-dispożizzjonijiet preċedenti.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tagħżel l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni l-ġdida jew tad-dispożizzjoni preċedenti hija limitata u bbilanċjata, minn naħa, mill-fatt li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali għal dak li jirrigwarda d-data li fiha huma jinnotifikaw il-miżuri ta’ għajnuna u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 jistieden lill-Kummissjoni, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sabiex taġixxi b’diliġenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T‑176/01, Ġabra p. II‑3931, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Il-fatt li l-Istati Membri huma obbligati, sabiex jibbenefikaw mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2002, jinnotifikaw il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni qabel l-iskadenza tal-imsemmi regolament u qabel ma jiġu ffirmati l-kuntratti kollha eliġibbli għal għajnuna ma jistax jikkontesta l-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet legali sostantivi. Fil-fatt, hija parti integrali tas-sistema ta’ kontroll minn qabel ta’ miżuri ta’ għajnuna ta’ Stat li n-notifiki għandhom ikun fihom stimi għal dak li jirrigwarda l-ammonti globali tal-għajnuna inkwistjoni. Dan japplika b’mod partikolari fil-konfront ta’ miżura li tkopri għajnuna għall-operat, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ.

43      Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni li tgħid li l-Kummissjoni applikat ir-Regolament Nru 1177/2002 wara l-31 ta’ Marzu 2005, sabiex tapprova talba għall-proroga tat-terminu ta’ kunsinna, lanqas ma tikkontesta l-konklużjoni li tgħid li r-Regolament Nru 1177/2002 ma kinitx applikabbli għall-miżura nnotifikata. Minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dispożizzjoni legali ma jistgħu fl-ebda każ jorbtu lill-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li għaliha r-rikorrenti tagħmel riferiment (ara l-punt 21 iktar ’il fuq) tirrigwarda, kuntrarjament għal dik inkwistjoni f’dan il-każ, sitwazzjoni li l-kuntest ġuridiku tagħha kienet ġiet definittivament stabbilita qabel il-31 ta’ Marzu 2005, permezz tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004.

44      Għal dak li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jiġi enfasizzat li dan huwa manifestament infondat. Fil-fatt, il-fatt li r-Regolament Nru 1177/2002 ma japplikax għall-miżura nnotifikata ma jirriżultax mill-eżerċizzju ta’ marġni ta’ diskrezzjoni. Għaldaqstant, ir-raġuni għalfejn il-kuntratti koperti mill-miżura nnotifikata ma jibbenefikawx mill-għajnuna taħt ir-Regolament Nru 1177/2002 hija marbuta biss mal-karattru temporanju ta’ dan l-istess regolament u mal-fatt li r-Repubblika Taljana ma nnotifikatx il-miżura inkwistjoni, sabiex deċiżjoni tkun tista’ tittieħed mill-Kummissjoni qabel l-iskadenza tal-imsemmi regolament.

45      Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1177/2002 ma fih la dispożizzjonijiet li jeżentaw lill-Istati Membri mill-obbligu tagħhom ta’ notifika skont l-Artikolu 88(3) KE u lanqas dispożizzjonijiet li jemendaw id-definizzjoni tal-kunċetti relatati, bħall-kunċett ta’ modifika ta’ għajnuna eżistenti. Għall-kuntrarju, dan ir-regolament jissuġġetta l-applikazzjoni tiegħu għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88 KE u tar-Regolament Nru 659/1999. Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004, li hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 1177/2002, ma setgħat bl-ebda mod tkun ta’ natura li toħloq aspettattivi leġittimi lil hinn minn dak li kien iddikjarat espliċitament f’din id-deċiżjoni, jiġifieri l-awtorizzazzjoni lir-Repubblika Taljana li tagħti għajnuna għal ammont totali ta’ EUR 10 miljuni.

46      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal u fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 1177/2002, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-miżura nnotifikata

 L-argumenti tal-partijiet

47      Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza sabiex teżamina l-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq komuni, billi dan ir-rekwiżit ta’ kompatibbiltà ma jaqax taħt ir-Regolament Nru 1177/2002. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, dan ir-regolament jirriżulta minn sitwazzjoni ta’ urġenza li teżisti fis-suq, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kunsill, skont l-Artikolu 87(3)(e) KE.

48      F’dan ir-rigward, hija ssostni li r-rwol tal-Kummissjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-perspettiva tal-iskema derogatorja stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 87(3)(e) KE, huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill, liema osservanza hija żgurata f’dan il-każ.

49      It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni wettqet żball meta bbażat ruħha fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 794/2004 sabiex tasal għall-konklużjoni li l-miżura nnotifikata kienet għajnuna ġdida. F’dan ir-rigward, hija ssostni li r-Regolament Nru 1177/2002 kien liġi superjuri għar-Regolament Nru 794/2004. Għaldaqstant, dan tal-aħħar ma jistax jirrestrinġi l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2002. Għall-kuntrarju, ir-Regolament Nru 794/2004 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-iskop tar-Regolament Nru 1177/2002, jiġifieri li jagħti sostenn lit-tarznari Ewropej li qed jiffaċjaw il-kompetizzjoni żleali Koreana.

50      It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tal-motiv li jinsab fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid “[i]ż-żidiet fil-baġit ta’ skema awtorizzata (b’differenza għal żidiet marġinali ta’ inqas minn 20 %) inevitabbilment ikollhom impatt fuq il-kompetizzjoni, peress li jippermettu li l-Istat Membri jagħti għajnuna akbar minn dik li kienet approvata oriġinarjament”. Skont ir-rikorrenti, il-miżura nnotifikata ma jistgħax ikollha impatt fuq il-kompetizzjoni, peress li tali impatt seħħ sussegwentement, meta l-operaturi ekonomiċi, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1177/2002, ikkonkludew sal-2005 kuntratti għall-bini ta’ bastimenti.

51      Skont ir-rikorrenti, il-fatt li t-tarznari Koreani setgħu soffrew preġudizzju ma huwiex fattur rilevanti, għaliex dan il-fattur jikkostitwixxi preċiżament l-iskop tar-Regolament Nru 1177/2002. Barra minn hekk, i-miżura nnotifikata ma waslitx għal żieda reali fil-baġit ta’ “għajnuna eżistenti”, għaliex il-kuntratti kkonċernati mill-miżura nnotifikata qatt ma bbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

52      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tenfasizza li l-finanzjament mill-ġdid imwettaq mill-Gvern Taljan, jiġifieri l-miżura nnotifikata, għandu jiġi kkunsidrat bħala l-konsegwenza diretta tar-Regolament Nru 502/2004, li estenda fiż-żmien l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2002 u li wassal għal bżonn ta’ finanzjament mill-ġdid. Għaldaqstant, ikun żball jekk il-miżura nnotifikata tiġi kkunsidrata bħala skema ġdida distinta minn dik li hija s-suġġett tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004.

53      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

54      Il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-miżura nnotifikata ma għandha l-ebda effett fuq il-kompetizzjoni hija inammissbbli. Skont il-Kummissjoni, ir-rikors promotur jallega ksur tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 794/2004, filwaqt li fir-replika tiġi kkritikata l-ineżistenza ta’ riskju ta’ effett fuq il-kompetizzjoni u, konsegwentement, in-nuqqas ta’ wieħed mir-rekwiżiti tal-Artikolu 87(1) KE. Għaldaqstant, dan huwa motiv ġdid li ma jissodisfax id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44(1)(c) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

55      Qabel xejn, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, minkejja li fir-rikors promotur ir-rikorrenti sostniet prinċipalment, insostenn ta’ dan il-motiv, li kien jirriżulta mill-ġerarkija tar-regoli inkwistjoni li l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 794/2004 ma setgħatx tapplika għall-miżura nnotifikata, hija ressqet ukoll l-argument li jgħid li l-miżura nnotifikata ma setgħatx tbiddel il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni.

56      Minn dan jirriżulta li l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv għandhom jiġu ddikjarati bħala ammissibbli.

57      Għal dak li jirrigwarda l-fondatezza tal-motiv, għandha tiġi miċħuda immedjatament id-dikjarazzjoni li tgħid li r-Regolament Nru 1177/2002 kellha bħala effett li tneħħi mill-Kummissjoni l-kompetenza li teżamina l-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq komuni.

58      L-ewwel nett, il-kompetenza li tgawdi l-Kummissjoni f’dan ir-rigward hija stabbilita mit-Trattat KE u ma tistax tiġi kompromessa minn regolament.

59      It-tieni nett, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, ir-Regolament Nru 1177/2002 ma japplikax għall-miżura nnotifikata.

60      It-tielet nett, anki jekk ir-Regolament Nru 1177/2002 huwa applikabbli għall-miżura nnotifikata, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 1177/2002 huwa bbażat fuq l-Artikolu 87(3)(e) KE. Konsegwentement, l-għajnuna li huwa jkopri ma tikkostitwixxix kategorija ta’ għajnuna li “tista’ tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni”. L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1177/2002 jirriproduċi fedelment dawn il-kliem.

61      Għaldaqstant, għalkemm tali għajnuna tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni, ma jfissirx illi dan huwa neċessarjament il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 1996, IJssel-Vliet, C‑311/94, Ġabra p. I‑5023, punti 26 sa 28).

62      Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tivverifika jekk, skont l-Artikolu 88(3) KE, din l-għajnuna tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha sabiex tkun kompatibbli mas-suq komuni. Dan huwa mfakkar fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1177/2002, li jipprovdi espressament li l-Artikolu 88 KE u r-Regolament Nru 1177/2002 japplikaw għall-għajnuna inkwistjoni.

63      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet kompetenti f’dan il-każ sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq komuni u l-ebda regola ma waqfitha milli tirreferi għar-Regolament Nru 794/2004.

64      Għal dak li jirrigwarda l-kontestazzjoni tal-kwalifika tal-miżura nnotifikata bħala għajnuna ġdida, għandu jiġi mfakkar li l-iskop tal-kunċett ta’ modifika ta’ għajnuna eżistenti huwa ddefinit b’relazzjoni għall-bażi legali li stabbilixxiet l-iskema ta’ għajnuna eżistenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 1984, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 169/82, Ġabra p. 1603, punti 9 u 10, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2002, Keller u Keller Meccanica vs Il-Kummissjoni, T-35/99, Ġabra p. II‑261, punti 61 u 62).

65      F’dan il-każ, il-Liġi Nru 350/2003, billi tippreċiża li l-baġit inizjali tal-iskema ta’ għajnuna kien jammonta għal EUR 10 miljuni, kienet waħda mill-elementi li r-Repubblika Taljana kienet ressqet għall-eżami tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-2004. Minn dan jirriżulta li l-adozzjoni tal-Liġi Nru 244/2007, li tipprovdi għall-għoti ta’ EUR 10 miljuni supplimentari lill-iskema tal-2004, kienet wasslet effettivament għall-kwalifika tal-miżura nnotifikata bħala għajnuna ġdida fis-sens tal-ġurisprudenza.

66      Għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi mfakkar li l-premessa li fuqha l-ilment tar-rikorrenti huwa bbażat, jiġifieri li l-kompetizzjoni ma setgħatx tiġi affettwata fil-mument tal-għoti tal-għajnuna, peress li l-effett fuq il-kompetizzjoni kien diġà seħħ fil-mument meta ġew konklużi l-kuntratti fl-2005 (ara l-punt 50 iktar ’il fuq), hija żbaljata, kif ġie indikat diġà fil-punti 36 sa 38 iktar ’il fuq.

67      Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-miżura nnotifikata ma tistax tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida, peress li hija tikkostitwixxi l-konsegwenza diretta tar-Regolament Nru 502/2004, li estenda fiż-żmien l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2002 u li wassal għal bżonn ta’ finanzjament mill-ġdid tal-iskema tal-2004, huwa irrilevanti. Fil-fatt, għalkemm ir-Regolament Nru 502/2004 estenda fiż-żmien l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1177/2002, huwa ma introduċa ebda eċċezzjoni għall-obbligu ta’ notifika tal-modifiki ta’ għajnuna, kif previst fl-Artikolu 88(3) KE u fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1177/2002.

68      Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud ukoll bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ rilevanza tar-rakkomandazzjoni tad-DSB tal-20 ta’ Ġunju 2005

 L-argumenti tal-partijiet

69      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata, peress li hija ssostni b’mod żbaljat li r-rakkomandazzjoni tad-DSB tal-20 ta’ Ġunju 2005 waqqfet l-approvazzjoni tal-miżura nnotifikata. Fil-fatt, il-pożizzjoni li l-Kummissjoni ħadet fid-deċiżjoni kkontestata twassal sabiex ir-rakkomandazzjoni tad-DSB tal-20 ta’ Ġunju 2005 tiġi applikata b’mod retroattiv lill-kuntratti ffirmati qabel il-31 ta’ Marzu 2005, li l-firmatarji tagħhom kellhom aspettattiva leġittima li r-Regolament Nru 1177/2002 kien ser jiġi applikat fil-konfront tagħhom. Madankollu, ir-rakkomandazzjoni tad-DSB tal-20 ta’ Ġunju 2005 ma kellha jkollha l-ebda rwol fl-eżami tal-miżura nnotifikata mill-Kummissjoni.

70      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

71      Għandu jiġi kkonstatat li mill-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżura nnotifikata kienet inkompatibbli mas-suq komuni fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li r-Regolament Nru 1177/2002 kien skada u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li ma kien hemm l-ebda bażi legali oħra li fuqha setgħat tiġi bbażata deċiżjoni ta’ kompatibbiltà.

72      Fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, b’risposta għall-argument tar-Repubblika Taljana spjegat fil-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Komunità kienet informat id-WTO, fl-20 ta’ Lulju 2005, dwar il-fatt li r-Regolament Nru 1177/2002 kien skada fil-31 ta’ Marzu 2005 u li l-Istati Membri ma setgħux għalhekk jagħtu għajnuna taħt l-imsemmi regolament. Il-Kummissjoni kkonkludiet f’dan ir-rigward li din il-komunikazzjoni kienet tikkostitwixxi obbligu min-naħa tal-Komunità fil-konfront tad-WTO li ma tapplikax iktar ir-Regolament Nru 1177/2002.

73      Għaldaqstant, mill-qari tal-premessa 26 flimkien mal-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, f’din tal-aħħar, il-Kummissjoni sostniet li l-approvazzjoni eventwali tal-miżura nnotifikata kienet tkun inkompatibbli mas-suq komuni kif ukoll kunfliġġenti mal-obbligi tal-Komunità fir-rigward tad-WTO, billi d-deċiżjoni dwar l-inkompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq komuni hija evalwazzjoni distinta u indipendenti minn u preċedenti għal dik li tirrigwarda r-responsabbiltajiet tal-Komunità fir-rigward tad-WTO.

74      Minn dan jirriżulta li t-tielet motiv tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq insuffiċjenza u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

75      Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li din “tinvoka, b’termini ġenerali, l-ineżistenza ta’ bażi legali li tippermetti li tiġi awtorizzata [il-miżura nnotifikata] billi tagħmel sempliċi riferiment għall-iskadenza tar-Regolament [Nru 1177/2002], li seħħet fil-31 ta’ Marzu 2005”. Skont ir-rikorrenti, din l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni hija akkumpanjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma teżaminax ir-relazzjoni li teżisti bejn ir-Regolament Nru 1177/2002 u r-Regolament Nru 794/2004 mill-perspettiva kemm tal-għanijiet li jipprova jilħaq il-Kunsill kif ukoll tal-ġerarkija tar-regoli ġuridiċi.

76      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-premessi 19 sa 24 tad-deċiżjoni kkontestata huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li dawn ma jispjegawx kemm ir-relazzjoni bejn il-miżura nnotifikata u r-Regolament Nru 1177/2002 kif ukoll ir-relazzjoni bejn l-għoti ta’ għajnuna u l-effett tagħha fuq il-kompetizzjoni fl-2005.

77      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu, l-ewwel nett li r-Regolament Nru 1177/2002 ma jikkostitwixxix bażi legali valida fl-eżami tal-miżura nnotifikata, it-tieni nett li l-Gvern Taljan ma kienx innotifika l-miżura inkwistjoni meta r-Regolament Nru 1177/2002 kien fis-seħħ u, it-tielet nett li l-approvazzjoni tal-miżura nnotifikata tikkostitwixxi ksur tal-obbligi internazzjonali tal-Komunità huma nieqsa minn motivazzjoni.

78      Il-Kummissjoni ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjenti u xierqa sabiex turi b’mod ċar ir-raġunament segwit fl-evalwazzjoni tal-miżura nnotifikata. Barra minn hekk, hija ssostni li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fir-replika tagħha huma inammissibbli peress li jirrigwardaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-miżura nnotifikata tikkostitwixxi għajnuna ġdida. Issa, ir-rikorrenti ma kkontestatx dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata fir-rikors tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

79      Qabel xejn, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda, peress li r-rikorrenti kkontestat espliċitament fir-rikors tagħha l-kwalifika tal-miżura nnotifikata bħala għajnuna ġdida. Għalhekk, l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli.

80      Għal dak li jirrigwarda l-ilment indirizzat kontra l-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat. Ir-raġunament tal-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-kuntest ġuridiku applikabbli għall-miżura nnotifikata kif ukoll l-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mill-premessi 11 u 25 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata.

81      Barra minn hekk, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l-argumenti li jgħidu li d-deċiżjoni kkontestata ma tittrattax ir-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 1177/2002, minn naħa, u l-miżura nnotifikata u r-Regolament Nru 794/2004, min-naħa l-oħra. Kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, il-Kummissjoni sostniet fid-deċiżjoni kkontestata li r-Regolament Nru 1177/2002 ma kienx iktar applikabbli u ma kienx rilevanti għall-eżami tal-miżura nnotifikata. Għaldaqstant, u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma għandhiex tiġi rikjesta tispjega iktar ir-relazzjoni bejn regolament li hija kkunsidrat bħala mhux applikabbli f’dan il-każ u r-regoli li hija xtaqet tapplika.

82      Għal dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq l-allegata insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-għoti ta’ għajnuna u l-effett tagħha fuq il-kompetizzjoni fl-2005, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tiegħu, ir-rikorrenti qed tikkontesta biss fir-realtà il-kwalifika mill-Kummissjoni tal-miżura nnotifikata bħala għajnuna ġdida. Kif ġie kkonstatat fil-punti 63 sa 66 iktar ’il fuq, dan l-ilment ma jistax jiġi milqugħ.

83      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda t-tlett ilmenti esposti fil-punt 77 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-premessi 26 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel tnejn huma manifestament infondati u t-tielet inapplikabbli.

84      Fil-fatt, fil-premessi 26 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega li r-Regolament Nru 1177/2002 ma kienx iktar fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Gvern Taljan fil-premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx rilevanti sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi tal-awtoritajiet Taljani.

85      Għal dak li jirrigwarda l-aħħar ilment, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiża li l-miżura nnotifikata ma tistax tiġi implementata peress li ma hijiex kumpatibbli mas-suq komuni. Kif jirriżulta mill-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, meta wasslet għall-konklużjoni li l-miżura nnotifikata kienet inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma bbażat ruħha fuq l-obbligu internazzjonali tal-Komunità. Minn dan jirriżulta li nuqqas eventwali ta’ motivazzjoni għal dak li jirrigwarda l-oppożizzjoni bejn l-obbligu internazzjonali tal-Komunità u l-miżura nnotifikata ma kellu ebda effett fuq id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u li dan l-ilment, għalhekk, għandu jiġi ddikjarat bħala inapplikabbli.

86      Minn dan kollu li ntqal, jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ kontradittorju u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

87      Ir-rikorrenti ssostni li, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħha matul il-proċedura amministrattiva (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ kontradittorju u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża.

88      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

89      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni wettqet l-obbligi tagħha fir-rigward tar-rikorrenti billi ppubblikat, f’Ġunju 2008, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE u billi stiednet il-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżura nnotifikata fi żmien xahar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punti 80 sa 84). Għaldaqstant, u fid-dawl tal-ewwel obbligu tagħha, li kien li tadotta deċiżjoni fi żmien raġonevoli fil-konfront tar-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti iktar minn tliet xhur wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu.

90      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-ħames motiv huwa wkoll infondat.

91      Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

92      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Cantiere navale De Poli SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Martins Ribeiro

Papasavvas

Wahl

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Frar 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.