Language of document :

Rettifika għall-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali fil-kawża T-475/08 P

("Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea" C 69 tal-21 ta' Marzu 2009, p 40)

Għandu jinqara kif ġej l-avviż fil-ĠU fil-kawża T-475/08 P, Duta vs Il-Qorti tal-Ġustizzja:

"Appell ippreżentat fid-29 ta' Ottubru 2008 minn Radu Duta mis-sentenza mogħtija fl-4 ta' Settembru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-103/07, Duta vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawża T-475/08 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Radu Duta (Lussemburgu, Lussemburgu) (rappreżentant: F. Krieg, avukat)

Appellata: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellant

tilqa' l-appell preżenti bħala ammissibbli proċeduralment;

tiddikjarah bħala fondat fil-mertu;

għaldaqstant, billi tibdel is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta' Settembru 2008, tiddikjara r-rikors tal-appellanti ammissibbli u fondat;

għaldaqstant, tannula, abbażi tar-raġunijiet imsemmija iktar 'il fuq, tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

sa fejn huwa neċessarju, tirrinvija l-każ tiegħu quddiem l-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi skont is-sentenza mogħtija;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas tas-somma ta' EUR 1 100 000 (miljun u mitt elf Euro) bħala kumpens għad-danni;

sa fejn huwa neċessarju, tordna l-ħatra ta' espert sabiex jevalwa l-ammont tad-dannu mġarrab mill-appellant;

tikkundanna lill-konvenuta għat-totalità tal-ispejjeż tal-istanza;

tippermetti lill-appellant jirreferi espressament għat-talbiet tiegħu fl-ewwel istanza li huma annessi mar-rikors tal-appell u meqjusa bħala parti integrali tiegħu;

għall-bqija, tippermetti lill-appellant jirriżerva espressament kull dritt, motiv u azzjoni u b'mod partikolari d-dritt li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-4 ta' Settembru 2008, mogħtija fil-kawża Duta vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F-103/07, li tiċħad bħala inammissibbli r-rikors tal-appellant fl-ewwel istanza intiż, minn naħa, għall-annullament tal-ittra li permezz tagħha ġie mgħarraf li ma kienx se jiġi offrut pożizzjoni ta' référendaire u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens tad-danni allegatament imġarrba.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant isostni, minn naħa, li d-dritt tiegħu għal smigħ xieraq, previst fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ġie miksur minħabba l-parzjalità strutturali tal-Qorti tal-Prim'Istanza, kif ukoll minħabba l-konoxxenzi personali bejn il-membri tal-Qorti tal-Prim'Istanza u l-awturi tad-deċiżjonijiet ikkontestati quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Min-naħa l-oħra, l-appellant jirreferi għall-argumenti u għall-motivi tiegħu żviluppati matul il-proċedura fl-ewwel istanza, fosthom ksur tal-prinċipji ta' trasparenza, ta' bona fide u ta' trattament ugwali.

Barra minn hekk, l-appellant jiddikjara li huwa konvint li ma jistax jikseb ġustizzja ħlief quddiem qorti verament indipendenti mill-parti l-oħra fil-proċess, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, u li qiegħed jippreżerva d-dritt tiegħu li jressaq l-argumenti tiegħu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem."

____________