Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2013 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija fis-7 ta’ Ottubru 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-97/12, Thomé vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-669/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: J. Currall u G. Gattinara, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Florence Thomé (Brussell, il-Belġju)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-7 ta’ Ottubru 2013 fil-Kawża F-97/12, Thomé vs Il-Kummissjoni;

tiċħad ir-rikors ippreżentat minn F. Thomé fil-Kawża F-97/12 bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka ħames aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ att li jikkawża preġudizzju. Il-Kummissjoni targumenta, minn naħa, li att li jkun diġà ġie annullat mill-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tal-proċedura ta’ lment ma jistax ikun is-suġġett ta’ annullament fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja u, min-naħa l-oħra, deċiżjoni li tilqa’ t-talba tal-parti kkonċernata ma tistax tiġi kklassifikata bħala att li jikkawża preġudizzju (li jikkonċerna l-punti 28 sa 37 tas-sentenza appellata).

It-tieni aggravju bbażat fuq, minn naħa, żball ta’ liġi fid-definizzjoni tal-portata tas-setgħa ta’ stħarriġ tal-Awtorità tal-Ħatra u tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ Bordijiet tal-Għażla, kif ukoll tas-setgħa ta’ stħarriġ ġudizzjarju tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, min-naħa l-oħra, ta’ żnaturament tas-suġġett tal-kawża u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju (li jikkonċerna l-punti 50 sa 52 tas-sentenza appellata). Il-Kummissjoni targumenta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika għad-deċiżjonijiet li tressqu quddiemu, jiġifieri d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra, kriterju ta’ stħarriġ ġudizzjarju mhux xieraq u b’hekk eċċeda l-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tiegħu għad-deċiżjonijiet li tressqu quddiemu, jiġifieri d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra.

It-tielet aggravju bbażat fuq ksur tar-regoli ta’ dritt dwar l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ lawrja skont l-avviż tal-kompetizzjoni (li jikkonċerna l-punti 56 sa 58 tas-sentenza appellata). Il-Kummissjoni argumentat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta kkunsidra l-valur professjonali ta’ lawrja għall-valur akkademiku tagħha u billi kkunsidra li lawrja mhux uffiċjali, bħalma hu titolu minn istituzzjoni ta’ tagħlim privata li ma jgawdi ebda forma ta’ rikonoxximent tal-valur akkademiku tiegħu, għanduha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra.

Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni peress li Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma spjegax kif, fid-data ta’ meta ressqet il-kandidatura tagħħa, il-lawrja tar-rikorrenti l-ewwel nett ma kinitx konformi mal-kundizzjoni prevsita fl-avviż ta’ kompetizzjoni, filwaqt li din il-konformità kienet ġiet stabbilita biss a posteriori, waqt il-proċedura ta’ lment (li jikkonċerna l-punti 56, 57 u 60sa 64 tas-sentenza appellata).

Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li r-rikorrenti fl-ewwel istanza l-ewwel nett tilfet l-opportunità li tiġi rreklutata u għandha tiġi kkumpensata (li jikkonċerna il-punt 74 tas-sentenza appellata).