Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Ottubru 2008 - CDC Hydrogene Peroxide vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-437/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: CDC Hydrogene Peroxide (rappreżentant: R. Wirtz, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, skont l-Artikolu 231(1) KE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej Nru SG.E3/MM/psi D(2008) 6658;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż, skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti - li qegħda titlob l-irkupru tad-danni għal impriżi vittmi tal-kartell Ewropew tal-perossidu tal-idroġenu - tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej Nru SG.E3/MM/psi D(2008) 6658 li tiċħad it-talba tagħha, ibbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolament KE Nru 1049/20011, sabiex tingħata aċċess totali għall-werrej tal-fajl fil-Każ COMP/F/38.620 - perossidu tal-idroġenu u perborat.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-ewwel u tat-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għar-raġuni li l-eċċezzjonijiet stabbiliti b'dawn id-dispożizzjonijiet ġew interpretati jew applikati b'mod żbaljat.

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

Fl-ewwel lok, id-deċiżjoni hija kontra l-prinċipju tal-interpretazzjoni stretta u l-applikazzjoni ristretta tal-eċċezzjonijiet. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta' theddida, konkretament prevedibbli u mhux sempliċement ipotetika, għall-interessi protetti.

Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata hija inkompatibbli mal-prinċipji tad-dritt għal kumpens effettiv għal ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, sa fejn, skont ir-rikorrenti, l-interess tal-partijiet leżi fir-rigward ta' informazzjoni dwar il-ksur għandu jipprevali fuq l-interess ta' ċerti impriżi li ma jiġux żvelati pubblikament id-dettalji dwar il-ksur li l-Kummissjoni takkużahom bih kif ukoll il-portata tal-kooperazzjoni tagħhom mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-indulġenza mogħtija lix-xhieda.

Fit-tielet lok, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex ġustifikata għal skopijiet ta' ħarsien ta' interessi kummerċjali skont l-eċċezzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

Fir-raba' lok, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex ġustifikata għal skopijiet ta' ħarsien tal-għanijiet tal-attivitajiet tal-ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki skont l-eċċezzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.05.2001, p. 43).