Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Diċembru 2011 - Asos vs UASI - Maier (ASOS)

(Kawża T-647/11)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Asos plc (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentant: P. Kavanagh, Solicitor)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Roger Maier (San Pietro di Stabio, l-Iżvizzera)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tas-17 ta' Ottubru 2011, fil-Każ R 2215/2010-4:

tawtorizza r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha koperti bl-ispeċifikazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikanti għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark verbali "ASOS", għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 3, 14, 18, 25 u 35 - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 4524997

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat: ir-reġistrazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 4580767 tat-trade mark verbali "ASSOS", għal prodotti fil-klassijiet 3, 12 u 25

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: oppożizzjoni milqugħa parzjalment

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni annullata parzjalment

Motivi invokati: il-Bord tal-Appell naqas mmilli jikkunsidra b'mod xieraq il-koeżistenza u l-effett tagħha fuq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, u żbalja meta injora r-rilevanza tal-evidenza tal-koeżistenza. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell żbalja fl-evalwazzjoni tiegħu tat-tifsira kunċettwali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni t-tifsira kunċettwali korretta tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni meta evalwa l-probabbiltà ta' konfużjoni bbażata fuq evalwazzjoni globali.

____________