Language of document : ECLI:EU:T:2021:818

Kawża T256/19

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Bashar Assi

vs

IlKunsill talUnjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (IrRaba’ Awla) tal24 ta’ Novembru 2021

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żbalji ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Dritt għall-proprjetà – Dritt li tiġi eżerċitata attività ekonomika – Użu ħażin ta’ poter – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ xieraq”

1.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Projbizzjoni ta’ dħul u ta’ passaġġ kif ukoll iffriżar ta’ fondi tan-negozjanti prominenti li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-Sirja – Deċiżjoni li taqa’ f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata u li tippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha – Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja

(Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2019/87, (PESK) 2019/806 u (PESK) 2020/719, Artikolu 27(2)(a) u Artikolu 28(2)(a) u Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2019/85, 2019/798 u 2020/716, Anness II)

(ara l-punti 40 sa 45, 52, 56)

2.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK u Regolament Nru 36/2012 – Kriterji ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Negozjanti prominenti li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-Sirja – Kunċett

(Artikolu 29 TUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836 u (PESK) 2020/719, Artikolu 27(2)(a) u (3) u Artikolu 28(2)(a) u (3); Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, Artikolu 15(1a)(a) u (1b), u 2020/716)

(ara l-punti 50, 51, 94, 171)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi assoċjati mar-reġim Sirjan – Obbligu li jiġu kkomunikati r-raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet meħuda – Portata – Komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata permezz ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali – Ammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a) u Artikolu 52(1); Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87; Regolament tal-Kunsill 2019/85)

(ara l-punti 61 sa 70)

4.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi assoċjati mar-reġim Sirjan – Drittijiet tad-difiża – Komunikazzjoni tal-provi inkriminanti – Deċiżjoni sussegwenti li żammet isem ir-rikorrent fil-lista tal-persuni suġġetti għal dawn il-miżuri – Assenza ta’ motivi ġodda – Ksur tad-dritt għal smigħ – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/806; Regolament tal-Kunsill 2019/798)

(ara l-punti 72 sa 75, 77)

5.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi assoċjati mar-reġim Sirjan – Drittijiet tad-difiża – Komunikazzjoni tal-provi inkriminanti – Deċiżjoni sussegwenti li żammet isem persuna fil-lista tal-persuni suġġetti għal dawn il-miżuri – Motivi ġodda – Komunikazzjoni tal-provi l-ġodda lill-persuna kkonċernata sabiex hija tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha – Ksur tad-dritt għal smigħ – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719; Regolament tal-Kunsill 2020/716)

(ara l-punti 78, 80)

6.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2019/87, (PESK) 2019/806 u (PESK) 2020/719, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2019/85, 2019/798 u 2020/716, Anness II)

(ara l-punti 87 sa 93)

7.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Portata tal-istħarriġ – Inklużjoni tar-rikorrent fil-lista annessa mad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-kwalità tiegħu ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja – Dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku – Valur probatorju

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2019/87, (PESK) 2019/806 u (PESK) 2020/719, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2019/85, 2019/798 u 2020/716, Anness II)

(ara l-punti 96, 104, 107, 109, 114)

8.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Rikors għal annullament ippreżentat minn negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja suġġett għal deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Tqassim tal-oneru tal-prova – Deċiżjoni bbażata fuq sensiela ta’ indizji – Valur probatorju – Portata

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2019/87, (PESK) 2019/806 u (PESK) 2020/719, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2019/85, 2019/798 u 2020/716, Anness II)

(ara l-punti 115, 116, 121, 127, 129, 130, 135, 140, 151, 152, 158, 159, 170)

9.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK u Regolament Nru 36/2012 – Preżunzjoni ta’ appoġġ lir-reġim Sirjan fil-konfront tan-negozjanti prominenti li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fis-Sirja – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Preżunzjoni konfutabbli – Prova kuntrarja – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2019/87 u (PESK) 2019/806, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, 2019/85 u 2019/798, Anness II)

(ara l-punti 161 sa 164, 166, 169)

10.    Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Deċiżjoni 2013/255/PESK u Regolament Nru 36/2012 – Kriterji ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Appoġġ lir-reġim Sirjan u benefiċċju miksub minnu – Kunċett – Kriterju ġuridiku awtonomu – Inklużjoni fil-listi bbażata fuq sensiela ta’ indizji preċiżi, konkreti u konkordanti – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni (PESK) 2020/719, Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012 u 2020/716, Anness II)

(ara l-punti 176, 180 sa 182)

11.    Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u restrizzjonijiet fil-qasam ta’ ammissjoni ta’ persuni, entitajiet jew organi assoċjati mar-reġim Sirjan – Restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt għall-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Artikolu 5(4) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 15, 16 u 17; Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1836, (PESK) 2019/87 u (PESK) 2019/806, Artikolu 28(6) u (7) u Artikolu 34, u Anness I; Regolamenti tal-Kunsill Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, Artikolu 32(4), u 2019/85 u 2019/798, Anness II)

(ara l-punti 192 sa 194, 196 sa 201)

Sunt

Bashar Assi huwa negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana li għandu interessi u attivitajiet f’bosta setturi tal-ekonomija Sirjana. Ismu kien ġie inkluż f’Jannar 2019, u sussegwentement inżamm f’Mejju 2019 u f’Mejju 2020, fil-listi tal-persuni u entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Għarbija Sirjana mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (1) inkwantu, l-ewwel, sieħeb fundatur ta’ kumpannija tal-ajru; it-tieni, President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq, impriża attiva fil-kostruzzjoni ta’ żvilupp residenzjali u kummerċjali ta’ lussu appoġġjat mir-reġim Sirjan; u, it-tielet, mill‑2020, minħabba l-istabbiliment tal-kumpannija Aman Facilities ma’ Samer Foz, li wkoll huwa inkluż fil-listi, u f’isem dan tal-aħħar. Dawn l-attivitajiet tqiesu mill-Kunsill bħala li jippermettu lil Bashar Assi jikseb vantaġġ mir-reġim Sirjan u jappoġġjah.

Dawn ir-raġunijiet kienu bbażati, minn naħa, fuq il-kriterju ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, iddefinit fl-Artikolu 27(2)(a) u fl-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255 (2), kif(3) emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u fl-Artikolu 15(1a)(a) tar-Regolament Nru 36/2012 , kif emendat bir-Regolament 2015/1828, u, min-naħa l-oħra, fuq il-kriterju ta’ assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan iddefinit fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28(1) tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Artikolu 15(1)(a) tal-imsemmi regolament.

Il-Qorti Ġenerali tilqa’ r-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrent kontra d-Deċiżjoni (PESK) 2020/719 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/716 (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ żamma tal‑2020”), peress li l-Kunsill, li kien ibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq attivitajiet passati tar-rikorrent, ma kienx ġabar indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti sabiex jistabbilixxi l-fondatezza tal-imsemmija raġunijiet għal inklużjoni, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-provi kuntrarji prodotti mir-rikorrent.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-istatus allegat ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja, il-Qorti Ġenerali teżamina l-provi prodotti kemm mill-Kunsill kif ukoll mir-rikorrent dwar l-attivitajiet ekonomiċi ta’ dan tal-aħħar.

Fir-rigward tal-istatus ta’ President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq, il-Qorti Ġenerali tqis li jekk il-Kunsill xtaq li jibbaża ruħu fuq attivitajiet passati tar-rikorrent, fl-atti ta’ żamma tal‑2020, huwa kellu jipproduċi indizji serji u konkordanti li jippermettu raġonevolment li jitqies li l-persuna kkonċernata, wara li rriżenjat mill-imsemmija struttura f’Mejju 2019, żammet rabtiet magħha, fatt li l-Kunsill ma għamilx. Peress li l-kumpannija Aman Dimashq kienet involuta attivament fl-iżvilupp residenzjali Marota city appoġġjat mir-reġim Sirjan, il-Qorti Ġenerali tikkonstata wkoll li l-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq il-parteċipazzjoni tar-rikorrent, bħala direttur ta’ Aman Dimashq, fl-imsemmi żvilupp residenzjali meta huwa ma kellux iktar rabta ma’ din il-kumpannija.

Fl-aħħar, fir-rigward tal-istatus ta’ membru fundatur ta’ Aman Facilities ma’ u f’isem S. Foz, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li għalkemm ir-rikorrent ammetta li stabbilixxa din il-kumpannija, ma huwiex possibbli li jiġi affermat, fid-dawl tad-dokumenti tal-fajl, li huwa aġixxa f’isem S. Foz.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kunsill ma weriex, b’mod suffiċjenti, l-istatus tar-rikorrent ta’ negozjant prominenti li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fis-Sirja waqt l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2020.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-appoġġ lir-reġim Sirjan u tal-vantaġġ li r-rikorrent kien kiseb mill-imsemmi reġim minħabba l-attivitajiet kummerċjali tiegħu , il-Qorti Ġenerali tfakkar, qabel kollox, li, għal persuna speċifika, ir-raġunijiet għal inklużjoni jistgħu jikkoinċidu u li persuna tista’, konsegwentement, tiġi kklassifikata bħala negozjanta prominenti li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-Sirja u titqies, fl-istess ħin u permezz tal-istess attivitajiet, bħala li tibbenefika mir-reġim Sirjan jew bħala li tappoġġjah.

F’dan il-każ, peress li r-rikorrent ma kienx għadu President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Aman Dimashq fil-mument tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma tal‑2020, huwa ma setax jitqies, minħabba l-parteċipazzjoni ta’ din il-kumpannija fl-iżvilupp residenzjali Marota city, bħala li jibbenefika mir-reġim Sirjan jew bħala li jappoġġjah. Bl-istess mod, peress li l-kumpannija Fly Aman ma kinitx għada operattiva, l-ebda prova ma turi li r-rikorrent kien jibbenefika, fil-kwalità tiegħu ta’ sieħeb fundatur tagħha, mir-reġim Sirjan u lanqas li huwa kien jappoġġjah. Fl-aħħar, fir-rigward tal-kumpannija Aman Facilities, is-sempliċi fatt li titwaqqaf kumpannija, u li din tiġi rreġistrata għat-twaqqif tagħha, ma jistax, barra minn hekk, ikun biżżejjed sabiex jitqies li r-rikorrent jikseb vantaġġ mir-reġim Sirjan jew jappoġġjah.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li t-tieni raġuni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent minħabba l-assoċjazzjoni tiegħu mar-reġim Sirjan ma hijiex suffiċjentement issostanzjata mill-Kunsill u li ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fl-atti tal‑2020 ma hijiex fondata.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/716 inkwantu dawn jikkonċernaw lir-rikorrent.


1      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/87 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2019, L 18 I, p. 13) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/85 tal‑21 ta’ Jannar 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2019, L 18 I, p. 4); Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/719 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 66) u Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/716 tat‑28 ta’ Mejju 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2020, L 168, p. 1).


2      Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal‑31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14, rettifika fil-ĠU 2018, L 190, p. 20), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836 tat‑12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 75, rettifika fil-ĠU 2016, L 336, p. 42).


3      Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat‑18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU 2012, L 16, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 294, p. 59 u fil-ĠU 2018, L 190, p. 20), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1828 tat‑12 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, L 266, p. 1).