Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ April 2023 minn Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) fl-1 ta’ Marzu 2023 fil-Kawża T-480/20, Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics u Jushi Egypt for Fiberglass Industry vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-269/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE (rappreżentanti: B. Servais u V. Crochet, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea u Tech-Fab Europe eV

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata,

tilqa’ l-ewwel parti tal-ewwel motiv u t-tieni, ir-raba’ u l-ħames motivi tar-rikors għal annullament imressaq minn Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics S.A.E. u minn Jushi Egypt for Fiberglass Industry S.A.E, u

tikkundanna lill-appellata jew lil kwalunkwe intervenjent għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellanti kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/776 tat-12 ta’ Ġunju 2020 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu 1 .

Insostenn ta’ dan l-appell, l-appellanti jressqu ħames aggravji, li jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta:

iddeterminat li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikoli 1(1), 5 u 6 tar-Regolament Bażiku meta adottat il-metodu tagħha għall-kalkolu tal-marġni ta’ sussidju tal-appellanti;

ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikoli 2(a), 2(b) u 3(1)(a) tar-Regolament Bażiku meta attribwixxiet kontribuzzjonijiet finanzjarji minn gvernijiet u korpi pubbliċi relatati mal-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina lill-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, jiġifieri l-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu;

iddeċidiet li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikoli 4(2) u 4(3) tar-Regolament Bażiku meta kkonkludiet li l-Gvern tal-Eġittu għandu l-istatus ta’ awtorità li tat l-iffinanzjar preferenzjali li kien ingħata mill-Gvern taċ-Ċina;

ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikoli 3(1)(a)(ii), 3(2) u 5 tar-Regolament Bażiku meta kkalkolat l-ammont tal-benefiċċju mogħti lill-Jushi abbażi tas-sistema ta’ rifużjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni; u

qieset li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikoli 3(2) u 4(2)(c) tar-Regolament Bażiku meta ddeterminat li t-trattament fiskali tat-telf tal-kambju kien jagħti benefiċċju lill-appellanti u kien jikkostitwixxi sussidju speċifiku.

Fir-rigward tal-ewwel aggravju, l-appellanti essenzjalment isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-użu mill-Kummissjoni tal-fatturat ikkombinat totali tal-appellanti mill-prodotti kollha bħala denominator xieraq għall-kalkolu tal-benefiċċju bħala perċentwal (jiġifieri l-ammont ta’ sussidju suġġett għal miżuri ta’ kumpens) ma kienx ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Fir-rigward tat-tieni aggravju, l-appellanti essenzjalment isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li r-Regolament Bażiku ma jeskludix il-possibbiltà li, anki jekk il-kontribuzzjoni finanzjarja ma tiġix direttament mill-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, dik il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tiġi attribwita lilu, skont l-Artikoli 2(b) u 3(1) tar-Regolament Bażiku.

Fir-rigward tat-tielet aggravju, l-appellanti essenzjalment isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Gvern tal-Eġittu għandu l-istatus ta’ awtorità li tat l-iffinanzjar preferenzjali li kien ingħata mill-Gvern taċ-Ċina. Minflok, il-Qorti Ġenerali imissha kkonkludiet li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 4(2) u (3) tar-Regolament Bażiku għaliex kienu l-entitajiet Ċiniżi li jipprovdu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji li kienu l-awtorità li tat il-kontribuzzjoni finanzjarja.

Fir-rigward tar-raba’ aggravju, l-appellanti essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-unika sitwazzjoni paragunabbli għall-finijiet tad-determinazzjoni jekk Jushi rċevietx benefiċċju hija dik ta’ impriża stabbilita, bħal Jushi, fiż-żona ekonomika tal-kanal ta’ Suez (iktar ’il quddiem iż-“ŻKS”) li tbiegħ prodotti li fihom materjali li bbenefikaw minn eżenzjoni minn dazji doganali, meta mqabbla ma’ impriża stabbilita barra miż-ŻKS.

Fir-rigward tal-ħames aggravju, l-appellanti essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma qisitx li t-trattament fiskali kien minnu nnifsu jikkostitwixxi sussidju li jista’ jkun is-suġġett ta’ miżura kumpensatorja, u li fl-ewwel istanza l-appellanti naqsu milli jippreżentaw prova li tista’ twassal biex ma jibqgħux plawżibbli l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Kummissjoni fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kkontestat, fir-rigward tal-fatt li t-trattament fiskali bbenefika lill-impriżi kollha b’dejn f’valuti barranin.

____________

1 ĠU 2020, L 189, p.1.