Language of document : ECLI:EU:T:2024:41

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

25 ta’ Jannar 2024 (*)

“Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Tardività – Inammissibbiltà manifesta”

Fil-Kawża T‑280/23,

Oil company “Lukoil” PAO, stabbilita f’Moska (Ir-Russja), irrappreżentata minn B. Lebrun u C. Alter, avukati,

rikorrenti,

vs

IlParlament Ewropew, irrappreżentat minn U. Rösslein u S. Toliušis, bħala aġenti,

IlKunsill talUnjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u L. Bratusca, bħala aġenti,

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Burón Pérez u A.-C. Simon, bħala aġenti,

u

Reġistru ta’ Trasparenza

konvenuti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn F. Schalin, President, P. Škvařilová-Pelzl u I. Nõmm (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Oil company “Lukoil” PAO, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tas-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza Ares (2023) 1618717, tas‑6 ta’ Marzu 2023, li tordna t-tħassir tagħha mir-Reġistru ta’ Trasparenza tal-Unjoni Ewropea.

 Iddritt

2        Skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta rikors ikun manifestament inammissibbli, il-Qorti Ġenerali tista’, mingħajr ma tkompli l-proċedura, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat.

3        F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni permezz tat-tweġibiet mogħtija mir-rikorrenti u l-konvenuti għall-mistoqsijiet magħmula fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑11 ta’ Lulju, tas‑17 ta’ Awwissu u tal‑5 ta’ Ottubru 2023, dwar in-natura potenzjalment tardiva tar-rikors. Għaldaqstant, hija tiddeċiedi, skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tkompli l-proċedura u mingħajr ma hemm bżonn li r-rikors jiġi nnotifikat lill-konvenuti, peress li, għar-raġunijiet li ġejjin, ir-rikors għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

4        Skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn li jibdew, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, jew minn meta dan jiġi kkomunikat lir-rikorrenti, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata meta r-rikorrenti tkun saret taf bih. Skont l-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura, dan it-terminu għandu, barra minn hekk, jiżdied b’terminu għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem.

5        B’mod iktar preċiż, fir-rigward tal-kalkolu tat-termini, l-Artikolu 58(1)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi, minn naħa, li “jekk terminu espress f’jiem, f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin għandu jibda jiddekorri mill-mument li fih iseħħ avveniment jew li fih jitwettaq att, il-jum li matulu jseħħ dan l-avveniment jew jitwettaq dan l-att ma għandux jiġi inkluż fit-terminu” u, min-naħa l-oħra, li “terminu espress f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin għandu jiskadi mat-tmiem tal-jum li, fl-aħħar ġimgħa, fl-aħħar xahar jew fl-aħħar sena, ikollu l-istess isem jew l-istess numru bħall-jum li matulu seħħ l-avveniment jew twettaq l-att li minnu għandu jiġi kkalkolat it-terminu”.

6        Skont ġurisprudenza stabbilita, dan it-terminu għall-preżentata ta’ rikors, billi ġie stabbilit bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u li jiġu evitati kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja huwa ta’ ordni pubbliku, b’tali mod li hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, ex officio, jekk dan it-terminu jkunx ġie osservat (is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 1997, Coen, C‑246/95, EU:C:1997:33, punt 21, u d-digriet tad‑19 ta’ Jannar 2018, Miasto Gliwice vs Il‑Kummissjoni, T‑485/10, mhux ippubblikat, EU:T:2018:40, punt 6).

7        Għandu jitfakkar ukoll li hija l-parti li tinvoka t-tardività ta’ rikors li għandha tipproduċi l-prova tad-data li fiha d-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkomunikata u, fi kwalunkwe każ, tad-data li fiha l-persuna kkonċernata saret taf biha jekk din tkun miżura ta’ natura individwali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, WL vs ERCEA, T‑493/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:852, punt 59). F’dan il-każ, huma l-konvenuti li għandhom jipproduċu din il-prova.

8        Sabiex deċiżjoni tiġi kkomunikata b’mod validu, jeħtieġ, mhux li d-destinatarju tagħha jkun effettivament sar jaf bil-kontenut tagħha, iżda li dan ikun tqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf bil-kontenut tagħha b’mod utli. F’dan ir-rigward, il-prova li d-destinatarju ta’ deċiżjoni mhux biss irċevieha, iżda seta’ wkoll isir jaf bil-kontenut tagħha, tista’ tirriżulta minn diversi ċirkustanzi (ara, b’analoġija, id-digriet tal‑31 ta’ Lulju 2020, TO vs SEAE, T‑272/19, EU:T:2020:361, punt 42).

9        F’dan is-sens, sabiex jiġi stabbilit li deċiżjoni kkomunikata permezz ta’ messaġġ elettroniku ġiet debitament ikkomunikata lid-destinatarju tagħha f’data preċiża u li, għaldaqstant, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors beda jiddekorri minn din id-data, il-parti kkonċernata għandha turi, billi tipproduċi l-provi neċessarji f’dan ir-rigward, mhux biss li din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lid-destinatarju tagħha, fis-sens li din ġiet trażmessa fl-indirizz tal-posta elettronika ta’ dan id-destinatarju u li dan tal-aħħar irċeviha f’dan l-indirizz, iżda wkoll li l-imsemmi destinatarju tqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf b’mod utli bil-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni f’din id-data, jiġifieri li huwa seta’ jiftaħ il-messaġġ elettroniku li jinkludi d-deċiżjoni inkwistjoni, b’tali mod li jsir jaf biha kif xieraq fl-imsemmija data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, C‑447/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:612, punt 22).

10      F’dan ir-rigward, preżunzjoni li d-destinatarju ta’ deċiżjoni kkomunikata permezz ta’ messaġġ elettroniku jista’, fi kwalunkwe każ, ikun tqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf b’mod utli bil-kontenut tagħha biss fid-data li fiha huwa jkun ikkonsulta l-inbox tal-posta elettronika tiegħu, bħal preżunzjoni li d-destinatarju ta’ tali deċiżjoni jitqiegħed f’pożizzjoni li jsir jaf b’mod utli bil-kontenut tagħha, fi kwalunkwe każ, minn meta jirċeviha fl-inbox tal-posta elettronika tiegħu, ma tistax tkun konformi mad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu t-termini għall-preżentata ta’ rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, C‑447/21 P, mhux ippubblikata, EU:C:2022:612, punt 25).

11      F’dan il-każ, is-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza, permezz ta’ messaġġ elettroniku tas‑6 ta’ Marzu 2023, ikkomunika d-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti. Din tal-aħħar irrikonoxxiet b’mod espliċitu li l-imsemmi messaġġ elettroniku kien wasal f’din l-istess data fl-inbox tal-posta elettronika taż-żewġ rappreżentanti li hija kienet ħatret waqt l-iskrizzjoni tagħha fir-Reġistru ta’ Trasparenza (iktar ’il quddiem ir-“rappreżentanti”). Minn dan jirriżulta li t-terminu sabiex jintalab l-annullament ta’ dan l-att, previst mill-Artikolu 263 TFUE, kien għalhekk, bħala prinċipju, skada fis‑16 ta’ Mejju 2023, filwaqt li r-rikors ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali biss fis‑17 ta’ Mejju 2023. Minn dan isegwi li, prima facie, ir-rikors jidher li huwa tardiv.

12      Madankollu, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq sensiela ta’ argumenti sabiex tikkontesta n-natura tardiva tar-rikors.

13      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta li saret taf bil-messaġġ elettroniku tas‑6 ta’ Marzu 2023 minħabba li dan wasal fl-istess jum, iżda barra mill-ħinijiet tal-uffiċċju, fl-inbox tal-posta elettronika tar-rappreżentanti tagħha. Ir-rikorrenti ssostni għalhekk li hija ma kinitx f’pożizzjoni li ssir taf b’mod utli bil-kontenut tal-imsemmi messaġġ elettroniku fil-ġurnata tal-komunikazzjoni tiegħu lir-rappreżentanti tagħha.

14      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-konvenuti ppreżentawx indizji suffiċjenti li jippermettu li jitqies li r-rappreżentanti tar-rikorrenti kienu tqiegħdu f’pożizzjoni li jsiru jafu b’mod utli bil-kontenut tal-messaġġ elettroniku tas‑6 ta’ Marzu 2023 fl-istess ġurnata li dan kien wasal fl-inbox tal-posta elettronika tagħhom.

15      F’dan ir-rigward, permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Marzu 2023 indirizzata lis-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza, il-konsulenti tar-rikorrenti ppreżentaw, b’reazzjoni għad-deċiżjoni kkontestata annessa mal-messaġġ elettroniku tas‑6 ta’ Marzu 2023, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni skont il-punti 7.3 u 7.4 tal-Anness III tal-Ftehim Interistituzzjonali tal‑20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar Reġistru Obbligatorju ta’ Trasparenza (ĠU 2021, L 207, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Interistituzzjonali”).

16      Huwa importanti li jiġi ċċarat li l-punt 7.3 tal-Anness III tal-Ftehim Interistituzzjonali jipprevedi li s-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza jista’ jeżamina talba għall-ftuħ mill-ġdid ta’ investigazzjoni “sa 20 jum tax-xogħol wara li l-partijiet ikkonċernati jkunu ġew infurmati bid-deċiżjoni tiegħu”.

17      Għandu jitfakkar ukoll li, fir-rigward tar-regoli ta’ komputazzjoni tat-termini, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71, tat‑3 ta’ Ġunju 1971, li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 51), jipprovdi li, “[f]ejn perjodu li hemm referenza għalih bil-ġranet, ġimgħat jew snin għandu jiġi kkalkulat mill-mument li fih tiġri ġrajja jew isseħħ azzjoni, il-ġurnata li tulha tiġri l-ġrajja jew isseħħ l-azzjoni ma għandhiex tingħadd bħala parti mill-perjodu in kwestjoni”.

18      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġġustifikaw li t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti tressqet fit-terminu ta’ 20 jum ta’ xogħol, il-konsultenti tagħha semmew espliċitament, fl-aħħar paragrafu tal-ittra tal‑31 ta’ Marzu 2023, il-fatt li t-terminu ta’ 20 jum ta’ xogħol kien beda jiddekorri fis‑“7 ta’ Marzu 2023” u li dan it-terminu ta’ 20 jum ta’ xogħol kien skada fit‑“3 ta’ April 2023”.

19      Informazzjoni daqstant preċiża, mogħtija mill-konsulenti tar-rikorrenti stess, ma tistax tiġi interpretata b’mod ieħor ħlief bħala r-rikonoxximent minnhom li l-messaġġ elettroniku li jinkludi d-deċiżjoni kkontestata ġie effettivament ikkomunikat fis‑6 ta’ Marzu 2023 lir-rappreżentanti tagħha, li l-imsemmi messaġġ elettroniku wasal fl-inbox tal-posta elettronika ta’ dawn tal-aħħar f’din l-istess data u li dawn saru jafu bih jew, tal-inqas, kienu f’pożizzjoni li jsiru jafu bih b’mod utli fl-istess ġurnata ta’ din il-komunikazzjoni u ta’ din ir-riċezzjoni. Minn dan jirriżulta li l-messaġġ elettroniku li kien fih d-deċiżjoni kkontestata ġie “debitament ikkomunikat” fis‑6 ta’ Marzu 2023 lill-imsemmija rappreżentanti.

20      Fil-fatt, li kieku r-rappreżentanti tar-rikorrenti kienu fetħu jew kienu f’pożizzjoni li jiftħu l-messaġġ elettroniku tas‑6 ta’ Marzu 2023 biss l-għada tal-imsemmija komunikazzjoni u riċezzjoni ta’ dan il-messaġġ elettroniku, jiġifieri fis‑7 ta’ Marzu 2023, l-ittra tal‑31 ta’ Marzu 2023 kienet, loġikament, issemmi l-indikazzjoni li t-terminu ta’ 20 jum ta’ xogħol kien jibda jiddekorri fit‑8 ta’ Marzu 2023.

21      F’dan il-kuntest, l-argument imressaq mir-rikorrenti, ibbażat fuq il-komunikazzjoni tal-messaġġ elettroniku barra l-ħinijiet tal-uffiċċju, ma huwiex biżżejjed sabiex jikkontesta t-termini ċari tal-aħħar paragrafu tal-ittra tal‑31 ta’ Marzu 2023.

22      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-messaġġ elettroniku li jinkludi d-deċiżjoni kkontestata ġie kkomunikat biss, fis‑6 ta’ Marzu 2023, lir-rappreżentanti tas-sussidjarja Belġjana tagħha, jiġifieri Lukoil Belgium NV, u mhux lilha, u li għalhekk hija ma setgħetx issir taf bih dakinhar.

23      L-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

24      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li l-Artikolu 2(c) tal-Ftehim Interistituzzjonali jipprevedi li “reġistrant” ifisser “kwalunkwe rappreżentant ta’ grupp ta’ interess b’reġistrazzjoni fir-reġistru”.

25      Sussegwentement, l-Artikolu 6(2) tal-Ftehim Interistituzzjonali jipprevedi li huma l-applikanti għal reġistrazzjoni li għandhom jipprovdu l-informazzjoni elenkata fl-Anness II tal-imsemmi ftehim. Fost l-informazzjoni li għandha tiġi rreġistrata fir-Reġistru ta’ Trasparenza, elenkata fil-punt I tal-imsemmi anness, hemm, b’mod partikolari, l-isem tal-“persuna legalment responsabbli għall-entità” kif ukoll dak tal-“persuna responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Unjoni”.

26      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(3)(b) tal-Ftehim Interistituzzjonali, is-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza stabbilixxa linji gwida dwar l-imsemmi reġistru intiżi għall-applikanti għar-reġistrazzjoni u għall-persuni rreġistrati, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tal-imsemmi ftehim (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”). Il-punt 2 tal-Linji Gwida, intitolat “Prinċipju ta’ reġistrazzjoni unika”, jindika li, sabiex jiġu evitati reġistrazzjonijiet multipli u jitħaffef l-ipproċessar amministrattiv ta’ applikazzjoni jew ta’ reġistrazzjoni, ir-rappreżentanti ta’ interessi attivi f’diversi pajjiżi (bħall-kumpanniji multinazzjonali) għandhom jirreġistraw l-attivitajiet tagħhom fir-reġistru darba biss u, b’dan il-mod, ikopru l-entitajiet differenti l-oħra ta’ network, ta’ grupp ta’ impriżi jew oħrajn. Dawn jispeċifikaw li, fil-prattika, ir-reġistrazzjoni bħala regola ġenerali taqa’ fuq il-fergħa jew l-uffiċċju li jirrappreżenta l-interessi tal-entità fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

27      Il-punt 5 tal-Linji Gwida, intitolat “Informazzjoni li għandha tiddaħħal fir-Reġistru”, isemmi t-Taqsima 4, dwar il-“persuna legalment responsabbli”, li dan jiddefinixxi bħala “persuna legalment awtorizzata li taġixxi f’isem ir-rappreżentant tal-interessi jew li tirrappreżenta lil dan tal-aħħar fil-kuntatti mal-awtoritajiet pubbliċi”.

28      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 8(3)(c) tal-Ftehim Interistituzzjonali u fis-sens tal-Kodiċi ta’ Kondotta li jinsab fl-Anness I tal-imsemmi ftehim, il-persuni rreġistrati għandhom fl-aħħar mill-aħħar jassumu r-responsabbiltà għall-eżattezza tal-informazzjoni li huma jkunu pprovdew.

29      It-tieni nett, mill-estratt tar-Reġistru ta’ Trasparenza, ippreżentat mill-Kummissjoni, jirriżulta li kienet biss ir-rikorrenti li kienet irreġistrata fl-imsemmi reġistru. Fil-fatt, is-sussidjarja Belġjana tagħha bl-ebda mod ma kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni separata u ssemmiet biss bħala “uffiċċju inkarigat mir-relazzjonijiet mal-Unjoni”. Għalhekk, skont l-Artikolu 8(3)(b) tal-Ftehim Interistituzzjonali u fis-sens tal-prinċipju ta’ reġistrazzjoni unika li jinsab fil-punt 2 tal-Linji gwida, imfakkra fil-punt 26 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrikonoxxut li l-indikazzjoni tar-rikorrenti bħala l-unika organizzazzjoni li ġiet iskritta fir-Reġistru ta’ Trasparenza kopriet l-impriżi kollha tal-grupp li r-rikorrenti kienet tagħmel parti minnu fil-pajjiżi kollha fejn dan il-grupp kien preżenti, inkluża s-sussidjarja Belġjana, u li huwa b’mod żbaljat li jiġi ddikjarat li l-imsemmija sussidjarja kienet ukoll ġiet iskritta fl-imsemmi reġistru.

30      It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li l-isem tal-“persuna legalment responsabbli għall-entità” imsemmi mir-rikorrenti kien “S.” u dak tal-“persuna responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Unjoni” kien “B.”. Skont l-Artikolu 6(2) u l-punt I tal-Anness II tal-Ftehim Interistituzzjonali, imfakkra fil-punt 25 iktar ’il fuq, u fis-sens tal-punt 5 tal-Linji gwida msemmi fil-punt 27 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, billi ħatret persuna legalment responsabbli u persuna responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Unjoni, ir-rikorrenti aċċettat li dawn il-persuni jaġixxu f’isimha u bħala rappreżentanti responsabbli għar-relazzjonijiet tagħha mas-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza. Għaldaqstant, ir-riferiment għall-funzjonijiet tar-rappreżentanti tar-rikorrenti, jiġifieri, rispettivament, “Direttur Eżekuttiv” u “Direttur għall-Affarijiet Kummerċjali” tas-sussidjarja Belġjana tagħha, ma għandu ebda effett fuq il-fatt li l-ħatra tagħhom, mir-rikorrenti, bħala persuna legalment responsabbli u persuna responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Unjoni kien jimplika l-ftehim tagħha sabiex dawn jirrappreżentawha fil-kuntatti tagħha mas-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza.

31      F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li r-rappreżentanti tagħha kellhom biss mandat sabiex jirċievu komunikazzjonijiet u jirrappreżentaw lis-sussidjarja Belġjana tagħha ma jistax jiġi sostnut. Fil-fatt, minn naħa, kif tfakkar fil-punt 28 iktar ’il fuq, il-persuni rreġistrati jassumu r-responsabbiltà għall-eżattezza tal-informazzjoni li huma pprovdew.

32      Min-naħa l-oħra, il-konklużjoni li S. u B. kienu jirrappreżentaw lir-rikorrenti u kienu jaġixxu f’isimha hija msaħħa mill-fatt li, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, is-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza bagħat, fl‑14 ta’ Lulju 2022, messaġġ elettroniku lir-rikorrenti permezz tal-inbox tal-posta elettronika ta’ S., ir-rappreżentant tagħha maħtur bħala “persuna legalment responsabbli”, sabiex jinformaha bid-deċiżjoni tiegħu li jiftaħ investigazzjoni fil-konfront tagħha u li jissospendi r-reġistrazzjoni tagħha bħala “persuna legalment responsabbli” taħt titolu kawtelatorju. Fit‑28 ta’ Lulju 2022, S. huwa effettivament il-persuna li bagħtet il-messaġġ elettroniku bħala tweġiba lill-membri tas-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza u li stednithom isibu d-dokument mehmuż, “it-tweġiba uffiċjali” tar-rikorrenti għat-talba tagħhom, fid-dawl tal-investigazzjoni mnedija fir-rigward ta’ din tal-aħħar mill-imsemmi segretarjat. Għandu jingħad ukoll li t-tweġiba uffiċjali inkwistjoni ġiet preċiżament iffirmata minn S u B.

33      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata, indirizzata lil “Lukoil, Boulevard Sretensky, 11, 101000 Moska, ir-Russja”, ġiet ikkomunikata lil S. u B. permezz tal-inbox tal-posta elettronika tagħhom, imsemmija fl-estratt tar-reġistru.

34      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata, sa fejn fiha biss affermazzjonijiet ġeneriċi, u tenfasizza li, fil‑31 ta’ Marzu 2023, hija talbet lis-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza r-rapport ta’ investigazzjoni, li ġie kkomunikat lilha fil‑25 ta’ April 2023. Hija tqis għalhekk li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors seta’ jibda jiddekorri biss minn meta rċeviet l-imsemmi rapport.

35      Dan l-argument għandu jiġi miċħuda.

36      Minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata hija dik li tinsab fil-messaġġ elettroniku tas‑6 ta’ Marzu 2023, u mhux fir-rapport ta’ investigazzjoni tas-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza. Fil-fatt, il-punt 7.1 tal-Anness III tal-Ftehim Interistituzzjonali jipprevedi li l-imsemmi segretarjat għandu jagħlaq l-investigazzjoni tiegħu permezz ta’ “deċiżjoni motivata” u għandu jinforma lill-partijiet ikkonċernati b’din id-deċiżjoni bil-miktub. Il-punt 4.11 tal-imsemmi anness jipprevedi li s-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza għandu jipprovdi kopja tar-rapport tal-investigazzjoni tiegħu lill-persuna rreġistrata biss “fuq talba [tagħha]”. Il-fatt li l-Ftehim Interistituzzjonali jagħti lill-persuna rreġistrata l-possibbiltà li titlob kopja tar-rapport tal-investigazzjoni għalhekk ma għandu l-ebda effett fuq il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, jiġifieri l-ġurnata tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni kkomunikata skont il-punt 7.1 tal-imsemmi anness. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li t-termini għall-preżentata ta’ rikors kellhom jiġu sospiżi sakemm hija ma kinitx irċeviet ir-rapport ta’ investigazzjoni.

37      Min-naħa l-oħra, it-tweġiba għall-mistoqsija tal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ma tiddependix mit-tweġiba għall-mistoqsija dwar in-natura suffiċjenti jew le tal-motivazzjoni li tinsab fil-messaġġ elettroniku tas‑6 ta’ Marzu 2023.

38      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti kienet kompletament f’pożizzjoni li tippreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata u, skont il-bżonn, li tinvoka l-fatt li din ma kinitx tissodisfa kompletament ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni, fid-dawl, minn naħa, tal-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata — li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-attivitajiet tagħha ta’ rappreżentanza ta’ interessi intiżi sabiex jinfluwenzaw il-proċess deċiżjonali tal-Unjoni direttament jew permezz tas-sussidjarja Belġjana tagħha, kif ukoll il-kopertura tal-midja li turi l-pożizzjoni tagħha ta’ lobbyist b’saħħtu li jeżerċita influwenza f’isem il-Gvern Russu — u, min-naħa l-oħra, tal-kuntest magħruf mir-rikorrenti minħabba l-iskambji ta’ messaġġi elettroniċi bejnha u s-segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza li ppreċedew l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

39      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli, minħabba tardività, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu sa fejn huwa dirett kontra r-Reġistru ta’ Trasparenza.

 Fuq lispejjeż

40      Peress li dan id-digriet ġie adottat qabel ma saret in-notifika tar-rikors lill-konvenuti, huwa biżżejjed li jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura. Il-fatt li l-konvenuti ntalbu jwieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mfakkra fil-punt 3 iktar ’il fuq huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli.

2)      Oil company “Lukoil” PAO għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil‑25 ta’ Jannar 2024.

Ir-Reġistratur

 

Il-President

V. Di Bucci,

 

F.  Schalin


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.