Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2021 – VY vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-519/21)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: VY (rappreżentant: F. Moyse, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-25 ta’ Mejju 2021;

għaldaqstant, tiddikjara l-ilment imressaq bħala ammissibbli;

fir-rigward tal-mertu, tannulla d-deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2020;

għaldaqstant, tirrikonoxxilha d-dritt li tibbenefika minn pensjoni tas-superstiti skont l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-ammissibbiltà tal-ilment tat-2 ta’ Frar 2021. Ir-rikorrenti ssostni li l-ilment imressaq huwa ammissibbli, minħabba li d-deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2020 ma kellhiex in-natura ta’ deċiżjoni amministrattiva li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors u li, konsegwentement, huwa seta’ leġittimament jitqies li kien jirrigwarda sempliċi ittra li informatha bil-passi li għandhom jittieħdu wara l-mewt tal-konjuġi tagħha.

It-tieni motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) li tirriżulta minn ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u minn diskriminazzjoni abbażi tar-rabta legali ta’ koabitazzjoni.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens li l-Kummissjoni kellha tinterpreta dan l-artikolu bħala li jirrigwarda l-ħajja konjugali komuni ta’ koppja, kemm jekk il-koppja tkun miżżewġa, tkun tikkoabita jew tgħix f’unjoni libera.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ konjuġi fit-tifsira tas-sistema applikabbli għall-pensjoni tas-superstiti, minħabba li l-evoluzzjoni ġenerali tas-soċjetà Ewropea fir-rigward tal-unjoni tul il-ħajja tirrikjedi interpretazzjoni wiesgħa ta’ dak il-kunċett.

Il-ħames motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti ma ġietx ikkunsidrata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li hija għexet f’unjoni tul il-ħajja mal-konjuġi tagħha għal iktar minn 32 sena, min-naħa l-oħra, li kellhom wild flimkien u, fl-aħħar nett, li meta l-istat ta’ saħħa tar-raġel tagħha mar għall-agħar, kienet hi li assistietu.

____________