Language of document :

Appell ippreżentat fis-7 ta’ Ġunju 2022 minn Air Canada mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fit-30 ta’ Marzu 2022 fil-Kawża T-326/17, Air Canada vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-367/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Air Canada (rappreżentanti: T. Soames, avukat, u I.-Z. Prodromou-Stamoudi, dikigoros)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla b’mod sħiħ jew parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali tas-17 ta’ Marzu 2017 dwar proċedura taħt l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru. (Każ AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (id-Deċiżjoni) jew, sussidjarjament, kwalunkwe wieħed jew iktar mill-Artikoli 1(1)(a), 1(2)(a), 1(3)(a) u 1(4)(a);

tannulla l-Artikolu 3 jew, sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multa imposta fuq Air Canada;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; u

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u ż-żewġ terzi li jifdal tal-ispejjeż quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

Fl-ewwel aggravju, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompetenza tal-Kummissjoni li tikkonstata u tippenalizza ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ liġi meta kkonstatat li l-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jiġi applikat għal aġir li jinvolvi koordinazzjoni tal-prezzijiet barra mill-Unjoni Ewropea fuq il-bażi biss tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi evalwat jekk l-aġir għandux l-għan jew l-effett ta’ restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

Il-Qorti Ġenerali għamlet żbalji manifesti ta’ liġi meta eżaminat l-evalwazzjoni mid-Deċiżjoni tal-effetti ta’ koordinazzjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ merkanzija bl-ajru inbound sa fejn (i) applikat ħażin jew ikkonfondiet il-ġurisprudenza rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi li jirriżultaw minn ksur skont l-għan tal-liġi tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-affermazzjoni tal-kompetenza biex jiġu applikati l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE; (ii) iddeċidiet li l-Kummissjoni kienet issodisfat it-test tal-effetti kkwalifikati meta naqset milli tissodisfa l-obbligu tagħha li tevalwa korrettament jew saħansitra naqset li tevalwa affattu l-provi kollha meħtieġa sabiex tiġi stabbilita ġurisdizzjoni fuq ir-rotot inbound sabiex tissodisfa l-kriterju fid-deċiżjoni tagħha; (iii) żbaljat meta qalbet l-oneru tal-prova applikabbli u kkritikat l-allegat nuqqas ta’ Air Canada li tipprovdi evidenza kuntrarja tal-eżistenza ta’ effetti li d-deċiżjoni qatt ma stabbilixxiet; (iv) issostitwixxiet ir-raġunament tagħha stess għal dak tal-Kummissjoni dwar kif u għaliex it-test tal-effetti kkwalifikati huwa allegatament issodisfatt; (v) kisret id-drittijiet tad-difiża tal-Air Canada fl-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni abbażi tal-argumenti, l-interpretazzjoni u l-analiżi magħmula għall-ewwel darba matul il-proċedura għal annullament; (vi) l-applikazzjoni ħażina u l-konfużjoni tal-ġurisprudenza rilevanti dwar ksur uniku u kontinwu; u (vii) naqset milli tikkontrolla b’mod xieraq l-evalwazzjoni fid-deċiżjoni tal-effetti tal-ksur uniku u kontinwu meħuda fl-intier tagħha.

Fit-tieni aggravju, l-appellanti tallega żbalji manifesti ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tar-responsabbiltà ta’ Air Canada fuq rotot li hija qatt ma ħadmet jew li hija ma setgħetx topera legalment sa fejn hija (i) issostitwixxiet ir-raġunament tagħha għal dak tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni u b’hekk adottat pożizzjoni kuntrarja għat-termini stess tad-deċiżjoni; (ii) kisret id-drittijiet tad-difiża tal-Air Canada billi bbażat ruħha fuq argumenti, interpretazzjoni u analiżi li qatt ma ġew ippreżentati lil Air Canada matul il-proċeduri amministrattivi; (iii) naqset milli tipprovdi raġunijiet ċari u inekwivokabbli biżżejjed biex waslet għall-konklużjonijiet finali tagħha; u (iv) bbażat ruħha fuq ġurisprudenza irrelevanti u, fi kwalunkwe każ, applikatha ħażin.

Fit-tielet aggravju, l-appellanti tallega żbalji manifesti ta’ liġi fin-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tevalwa ex officio n-nuqqas ta’ kompetenza temporali tal-Kummissjoni biex timponi multa fuq Air Canada wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

____________