Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Marzu 2013 - Acino vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-539/10) 

["Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem - Sospensjoni tat-tqegħid fis-suq u rtirar ta' ċerti lottijiet ta' prodotti mediċinali li fihom l-ingredjent attiv Clopidogrel - Modifika tal-awtorizzazzjoni ta' tqegħid fis-suq - Projbizzjoni ta' tqegħid fis-suq ta' prodotti mediċinali - Regolament (KE) Nru 726/2004 u Direttiva 2001/83/KE - Proporzjonalità - Obbligu ta' motivazzjoni"]

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Acino AG, li kienet Acino Pharma GmbH (Miesbach, il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. Buchner u E. Burk, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment A. Sipos, G. Wilms, B.-R. Killmann u M. Šimerdová, sussegwentement B.-R. Killmann u M. Šimerdová, aġenti)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tad-29 ta' Marzu u tas-16 ta' Settembru 2010, dwar is-sospensjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem li fihom l-ingredjent attiv Clopidogrel immanifatturat f'ċertu post, dwar l-irtirar tal-lottijiet ta' dawn il-prodotti mediċinali mis-suq, dwar il-modifika tal-awtorizzazzjonijiet ta' tqegħid fis-suq kif ukoll dwar il-projbizzjoni ta' tqegħid fis-suq tal-imsemmija prodotti mediċinali.

Dispożittiv

Ma fadalx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors sa fejn dan huwa dirett kontra d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C (2010) 2204 u C (2010) 2208, tad-29 ta' Marzu 2010, u kontra d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C (2010) 6429 u C (2010) 6436, tas-16 ta' Settembru 2010.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Acino AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

____________

1 - ĠU C 30, 29.01.2011.