Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Settembru 2012 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-387/12)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: S. Fiorentino, avvocato dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, fil-parti li hija s-suġġett ta' dan ir-rikors, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru 2012/336/UE [notifikata bid-dokument numru C(2012) 3838], tat-22 ta' Ġunju 2012, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta' ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta' Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjez.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors jillimita s-suġġett tiegħu għall-korrezzjonijiet finanzjarji b'rata fissa fir-rigward tar-Repubblika Taljana u dwar l-iskema ta' għajnuna lill-produtturi ta' tadam intiż għall-ipproċessar, għas-snin 2006, 2007 u 2008.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta' Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414), u tal-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta' Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 286M, p. 1).

Fil-kuntest ta' dan il-motiv, tiġi kkontestata l-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji mwettqa bid-deċiżjoni kkontestata, ikkalkolati għal 2 % tal-infiq imġarrab, u ssostni li dawn ġew applikati minkejja l-prova, irrikonoxxuta mill-Kummissjoni, tal-assenza ta' dannu finanzjarju notevoli.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-kwantifikazzjoni tal-korrezzjonijiet stess sa fejn id-determinazzjoni konkreta tagħhom hija sproporzjonata u manifestament illoġika, peress li huma notevolment superjuri għad-dannu potenzjali derivanti mill-aġir imputat lill-awtorità Taljana.

____________