Language of document : ECLI:EU:C:2015:238

Kawżi magħquda C‑446/12 sa C‑449/12

W. P. Willems

vs

Burgemeester van Nuth

u

H. J. Kooistra

vs

Burgemeester van Skarsterlân

u

M. Roest

vs

Burgemeester van Amsterdam

u

L. J. A. van Luijk

vs

Burgemeester van Den Haag

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Passaport bijometriku — Data bijometrika — Regolament (KE) Nru 2252/2004– Artikolu 1(3) — Artikolu 4(3) — Użu ta’ data miġbura għal finijiet oħra minbarra l-ħruġ ta’ passaporti u ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar — Kostituzzjoni u użu ta’ databases li jinkludu data bijometrika — Garanziji legali — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 7 u 8 –Direttiva 95/46/KE — Artikoli 6 u 7 — Dritt għar-rispett tal-ħajja privata — Dritt għall-protezzjoni tad-data personali — Applikazzjoni għall-karti tal-identità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas‑16 ta’ April 2015

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri — Regoli komuni dwar standards u proċeduri għall-kontrolli — Passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri — Regolament Nru 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi fl-imsemmija passaporti u dokumenti — Kamp ta’ applikazzjoni — Karti tal-identità — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2252/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 444/2009, Artikolu 1(3))

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri — Regoli komuni dwar standards u proċeduri għall-kontrolli — Passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri — Regolament Nru 2252/2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi fl-imsemmija passaporti u dokumenti — Użu ta’ data miġbura għal finijiet oħra minbarra l-ħruġ ta’ passaporti u ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar — Obbligu tal-Istati Membri li jiggarantixxu, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, l-assenza ta’ tali użu — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 2252/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 444/2009, Artikolu 4(3))

1.        L-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 2252/2004, dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri, kif emendat bir-Regolament Nru 444/2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-imsemmi regolament ma huwiex applikabbli għall-karti tal-identità maħruġa minn Stat Membru liċ-ċittadini tiegħu, irrispettivament kemm mit-tul ta’ validità tagħhom kif ukoll mill-possibbiltà li jintużaw matul il-vjaġġi li jsiru barra minn dan l-Istat.

(ara l-punt 42 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2252/2004, dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri, kif emendat bir-Regolament Nru 444/2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri li jiggarantixxu, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, li d-data bijometrika miġbura u maħżuna skont l-imsemmi regolament li mhux ser tkun miġbura, ipproċessata u użata għal finijiet oħra minbarra l-ħruġ tal-passaport jew tad-dokument tal-ivvjaġġar, tali aspett ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

Fil-fatt, fir-rigward ta’ kull użu u ħażna oħra ta’ din id-data, mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2252/2004 li jittratta dwar l-użu tal-imsemmija data biss “għall-finijiet tal-imsemmi regolament”, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tar-Regolament Nru 444/2009, jirriżulta li l-imsemmija użu u ħażna tad-data ma humiex regolati minn dan ir-regolament tal-aħħar. Fil-fatt, l-imsemmija premessa tistabbilixxi li r-Regolament Nru 2252/2004 huwa x’aktarx applikabbli bla ħsara għal kwalunkwe użu jew ħżin ieħor ta’ din id-data skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri u li ma jistax jikkostitwixxi bażi legali biex ikunu stabbiliti jew miżmuma databases għall-ħżin ta’ dawk id-data fl-Istati Membri, ħaġa li hi ta’ kompetenza esklużiva tal-Istati Membri.

(ara l-punti 47, 53 u d-dispożittiv 2)