Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Mejju 2009 - El Jirari Bouzekri vs UASI - Nike International (NC NICKOL)

(Kawża T-207/09)

Lingwa tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Mustapha El Jirari Bouzekri (Malaga, Spanja) (rappreżentant: E. Ragot, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Nike International Ltd (Beaverton, L-Istati Uniti)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) tal-25 ta' Frar 2009 fil-Każ R 554/2008-2 minħabba li hemm żball ta' liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill 40/94 (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill 207/2009); u

tikkundanna lill-konvenut u lill-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell għall-ispejjeż legali u dawk inkorsi fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mir-rikorrenti .

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrent

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark figurattiva "NC NICKOL" għal prodotti fil-klassi 9

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Il-parti l-oħra għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat: Reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja tat-trade mark "NIKE" għal firxa ta' prodotti, fosthom prodotti fil-klassijiet 9 u 25

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni milqugħa

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud

Motivi invokati: Ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill 40/94 peress li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b'mod żbaljat li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni kienu sodisfatti.

____________