Language of document : ECLI:EU:C:2016:452

Kawża C‑186/15

Kreissparkasse Wiedenbrück

vs

Finanzamt Wiedenbrück

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Münster)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Artikolu 173(1) – Oġġetti u servizzi użati kemm għat-tranżazzjonijiet taxxabbli u anki għat-tranżazzjonijiet eżentati (oġġetti u servizzi għal użu mħallat) – Determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud – Proporzjon ta’ tnaqqis – Artikolu 174 – Proporzjon ta’ tnaqqis ikkalkolat b’applikazzjoni ta’ ċavetta ta’ tqassim skont id-dħul mill-bejgħ – Artikolu 173(2) – Sistema derogatorja – Artikolu 175 – Regola ta’ arrotondament tal-proporzjon ta’ tnaqqis – Artikoli 184 u 185 – Aġġustament tat-tnaqqis”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas‑16 ta’ Ġunju 2016

1.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Oġġetti u servizzi użati kemm għal tranżazzjonijiet li jagħtu u li ma jagħtux dritt għal tnaqqis – Tnaqqis pro rata – Kalkolu – Arrotondament tal-perċentwal miksub għan-numru sħiħ li jmiss – Applikazzjoni obbligatorja tal-imsemmija regola ta’ arrotondament fil-każ ta’ kalkolu tal-proporzjon skont wieħed mill-metodi derogatorji msemmija fl-Artikolu 173(2) tad-Direttiva 2006/112 – Assenza

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 175(1))

2.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Oġġetti u servizzi użati kemm għal tranżazzjonijiet li jagħtu u li ma jagħtux dritt għal tnaqqis – Tnaqqis pro rata – Kalkolu – Arrotondament tal-perċentwal miksub għan-numru sħiħ li jmiss – Regolarizzazzjoni tat-tnaqqis inizjali – Applikazzjoni obbligatorja tal-imsemmija regola ta’ arrotondament fil-każ ta’ kalkolu tal-proporzjon skont wieħed mill-metodi derogatorji msemmija fl-Artikolu 173(2) tad-Direttiva 2006/112 jew fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 77/388 – Kundizzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 184 sa 186)

1.        L-Artikolu 175(1) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri ma humiex obbligati japplikaw ir-regola ta’ arrotondament prevista minn din id-dispożizzjoni meta l-proporzjon ta’ tnaqqis ikun ikkalkolat skont wieħed mill-metodi derogatorji msemmija fl-Artikolu 173(2) ta’ din id-direttiva.

(ara l-punt 42, dispożittiv 1)

2.        L-Artikoli 184 et seq tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri ma humiex obbligati japplikaw ir-regola ta’ arrotondament stabbilita fl-Artikolu 175(1) ta’ din id-direttiva, fil-każ ta’ aġġustament, meta, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-proporzjon ta’ tnaqqis ikun ġie kkalkolat skont wieħed mill-metodi previsti fl-Artikolu 173(2) tal-imsemmija direttiva jew fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, ħlief fl-ipoteżi fejn din ir-regola tkun ġiet applikata sabiex jiġi ddeterminat l-ammont inizjali tat-tnaqqis jew meta l-element li l-modifika tiegħu tirrendi dan l-aġġustament neċessarju jkun jikkonsisti fl-applikazzjoni ġdida tal-metodu ta’ kalkolu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 173(1) ta’ din id-direttiva jew tal-imsemmija regola ta’ arrotondament.

Fil-fatt, minn qari konġunt tal-Artikoli 184 u 185(1) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li, minn naħa, meta, minħabba l-modifika ta’ wieħed mill-elementi inizjalment meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-tnaqqis, jirriżulta li jkun neċessarju aġġustament, il-kalkolu tal-ammont ta’ dan l-aġġustament għandu jwassal sabiex l-ammont tat-tnaqqis finalment imwettaq ikun jikkorrispondi għal dak li l-persuna taxxabbli kien ikollha dritt twettaq li kienu dik il-modifika kienet ġiet inizjalment meħuda inkunsiderazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-kalkolu ta’ dan l-ammont jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-istess elementi bħal dawk inizjalment meħuda inkunsiderazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ dak li jkun ġie modifikat.

(ara l-punti 47, 50, 51, dispożittiv 2)