Language of document : ECLI:EU:T:2013:440

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Settembru 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Gravità tal-ksur — Koeffiċjenti — Ċirkustanzi attenwanti — Tnaqqis tal-ammont tal-multa — Valur miżjud sinjifikattiv”

Fil-Kawża T‑408/10,

Roca Sanitario, SA, stabbilita f’Barcelona (Spanja), irrappreżentata minn J. Folguera Crespo u M. Merola, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, A. Antoniadis u F. Castilla Contreras, sussegwentement minn M. Castillo de la Torre, Antoniadis u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 – Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju), u sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti f’din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

30      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub liż-żewġ partijiet li dawn wieġbu fit-terminu stabbilit.

31      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Marzu 2013.

32      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla parzjalment l-Artikoli 1, 2 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn jikkonċernawha;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

[omissis]

 2. Dwar it-talbiet, imressqa sussidjarjament, intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

[omissis]

 Dwar it-tieni argument, rigward it-tnaqqis kollu li eventwalment jingħata lil sussidjarja tar-rikorrenti

189    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħtiha l-benefiċċju ta’ kull tnaqqis tal-ammont tal-multa, eventwalment, mogħti lil waħda mis-sussidjarji tagħha fir-rikorsi rispettivi tagħhom, ippreżentati fil-Kawżi T‑411/10, Laufen Austria vs Il-Kummissjoni, u T‑412/10, Roca vs Il-Kummissjoni. Fil-fatt, jekk ir-responsabbiltà tagħha tirriżulta, kif issostni l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, mis-sempliċi fatt li hija kienet tikkostitwixxi impriża unika mas-sussidjarji tagħha Roca France u Laufen Austria, huwa xieraq li jiġi applikat lilha kull tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta in solidum li eventwalment jingħata lill-imsemmija sussidjarja fir-rikors ippreżentat minnha.

190    Għalkemm ma eċċepietx formalment l-inammissibbiltà ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-rikorrenti ma tistax tqis li huwa biżżejjed li tagħmel riferiment għall-argumenti ppreżentati mis-sussidjarji tagħha Roca France u Laufen Austria fir-rikorsi rispettivi tagħhom sabiex tibbenefika minn kull tnaqqis tal-ammont tal-multa li, eventwalment, jingħatalhom.

191    Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, fir-rigward tal-impatt tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P) dwar l-evalwazzjoni ta’ dan l-argument il-Kummissjoni żiedet li, skont l-imsemmija sentenza, huwa biss meta l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jqajmu, fir-rikorsi rispettivi tagħhom, motivi li jixxiebhu li l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tapplika tnaqqis tal-ammont tal-multa, mogħti lis-sussidjarja, ukoll lill-kumpannija parent. Min-naħa l-oħra, minn din is-sentenza ma tirriżulta l-ebda estensjoni awtomatika lill-kumpannija parent tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lis-sussidjarja fir-rikors ippreżentat minnha.

192    Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, għandha tiġi eżaminata, qabel kollox, l-ammissibbiltà tat-tieni argument imqajjem mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa qabel ma tiġi eżaminata, iktar tard, il-fondatezza tal-imsemmi argument.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni argument

193    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati.

194    Skont il-ġurisprudenza, din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors. L-istess għandu japplika għat-talbiet kollha, li għandhom ikollhom magħhom motivi u argumenti li jippermettu, kemm lill-konvenut kif ukoll lill-qorti, jevalwaw il-fondatezza tagħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 183). Għalhekk, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas b’mod sommarju iżda koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. F’dan ir-rigward, filwaqt li l-korp tar-rikors jista’ jiġi kkorroborat u ssupplimentat, fuq punti speċifiċi, b’riferimenti għal estratti speċifiċi minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, ir-riferiment ġenerali għal skritturi oħrajn, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jagħmel tajjeb għall-assenza tal-argumenti essenzjali fil-liġi li, skont id-dispożizzjonijiet osservati iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

195    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tieni argument imqajjem insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, ir-rikorrenti ma tqisx li huwa biżżejjed, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li tagħmel riferiment għas-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati mis-sussidjarji tagħha Roca France u Laufen Austria fil-kuntest tar-rikorsi rispettivi tagħhom. Bil-kontra, ir-rikorrenti ssostni espliċitament l-imsemmi argument billi tiddikjara li, peress li ġiet miżmuma responsabbli għall-aġir antikompetittiv imwettaq mill-imsemmija sussidjarji minħabba fl-unika kwalità tagħha ta’ kumpannija parent, il-multa in solidum li ġiet imposta fuqha tikkostitwixxi sempliċi rifless ta’ din ir-responsabbiltà in solidum. B’dan il-mod, ir-rikorrenti żviluppat argument xieraq, li bih hija tqis li tista’ tibbenefika mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti, eventwalment, lis-sussidjarji tagħha, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija parent, u mingħajr ma jkollha bżonn turi, l-istess bħal fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-ammont ta’ din il-multa.

196    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li t-tieni argument imqajjem mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa huwa inammissibbli, għandu jiġi miċħud.

 Dwar il-fondatezza tat-tieni argument

197    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, b’sentenza bid-data tal-lum, mogħtija fil-Kawża T‑411/10, Laufen vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba ta’ Laufen Austria intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq din tal-aħħar fl-Artikolu 2(4)(a) u (c) tad-deċiżjoni kkontestata.

198    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni argument imqajjem mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, sa fejn huwa intiż għall-benefiċċju minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li eventwalment, jingħata lil Laufen Austria.

199    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, b’sentenza bid-data tal-lum, mogħtija fil-Kawża T‑412/10, Roca vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali naqqset l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Roca France u fuq ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 2(4)(b) tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba żball imwettaq mill-Kummissjoni waqt l-evalwazzjoni tal-elementi sottomessi minn Roca France fil-kuntest tat-talba tagħha intiża għall-benefiċċju minn tnaqqis tal-ammont tal-multa skont il-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, wara li tat tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 6 %, iffissat l-ammont tal-multa imposta, fl-Artikolu 2(4)(b) tad-deċiżjoni kkontestata, fuq Roca France, in solidum mar-rikorrenti, għal EUR 6 298 000.

200    Għalhekk, għandu jiġi vverifikat, fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, hekk kif esposti fil-punti 189 sa 191 iktar ʼil fuq, jekk ir-rikorrenti, skont ma hija ssostni, għandhiex id-dritt li tibbenefika, fl-unika kwalità tagħha ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa msemmija fil-punt 199 iktar ʼil fuq, minn dan l-istess tnaqqis tal-ammont tal-multa.

201    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza, meta l-kumpannija parent ma tkunx ipparteċipat materjalment fl-akkordju u li r-responsabbiltà tagħha hija bbażata fuq l-unika parteċipazzjoni tas-sussidjarja tagħha fl-imsemmi akkordju, ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent titqies li hija responsabbiltà purament sekondarja, aċċessorja u dipendenti fuq dik tas-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins, punt 191 iktar ʼil fuq, punt 39), u għalhekk, ma tistax teċċedi r-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Tomkins vs Il-Kummissjoni, T‑382/06, Ġabra p. II‑1157, punt 38, ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins, punt 191 iktar ʼil fuq, punt 39).

202    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma pparteċipatx materjalment fil-ksur ikkonstatat. Fil-fatt, hija miżmuma responsabbli għall-aġir ta’ Roca France fl-unika kwalità tagħha ta’ kumpannija parent li żżomm il-kapital azzjonarju kollu tas-sussidjarja tagħha.

203    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li r-responsabbiltà tar-rikorrenti titqies, fiċ-ċirkustanzi ineżami, bħala responsabbiltà purament sekondarja, aċċessorja u dipendenti fuq dik tas-sussidjarja tagħha, u għalhekk, ma tistax, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 201 iktar ʼil fuq, teċċedi r-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar, għandha, skont it-talbiet tar-rikorrenti, tintlaqa’ t-talba tagħha sabiex tibbenefika mit-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lil Roca France.

204    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti tal-Kummissjoni.

205    L-ewwel nett, il-Kummissjoni, billi invokat is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et (C‑310/97 P, Ġabra p. I‑5363), u tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, Ġabra p. I‑2239, punt 142), issostni li, fl-assenza ta’ kull argument imqajjem mir-rikorrenti fir-rigward tal-multa li ġiet imposta fuqha in solidum, id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tirrigwarda l-impożizzjoni fuqha tal-multa, hija res judicata fir-rigward tagħha, indipendentement minn kull tnaqqis tal-ammont tal-multa, eventwalment, mogħti lil waħda mis-sussidjarji tar-rikorrenti fir-rikorsi rispettivi tagħhom.

206    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenzi msemmija fil-punt 205 iktar ʼil fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk destinatarju ta’ deċiżjoni jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni hija kompetenti biss fuq l-elementi tad-deċiżjoni li jikkonċernaw dan id-destinatarju. Min-naħa l-oħra, dawk l-elementi li jikkonċernaw destinatarji oħra, li ma ġewx ikkontestati, ma jaqgħux taħt is-suġġett li għandu jiġi deċiż mill-qorti tal-Unjoni (sentenzi Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, punt 205 iktar ʼil fuq, punt 53, u ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, punt 205 iktar ʼil fuq, punt 142).

207    Issa, minn naħa, għandu jiġi osservat li din il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, hija tirrigwarda l-effetti ta’ annullament parzjali ta’ deċiżjoni. Għaldaqstant, ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-kunsiderazzjoni li tgħid li, meta r-responsabbiltà ta’ kumpannija parent tkun purament ġejja minn dik tas-sussidjarja tagħha, ir-responsabbiltà tal-ewwel waħda ma tistax teċċedi dik tat-tieni waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins, punt 191 iktar ʼil fuq, punti 46 sa 50). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tista’ tapplika lill-kumpannija parent, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat mill-imsemmija kumpannija parent u sa fejn hija ressqet talba f’dan is-sens, it-tnaqqis kollu tal-ammont tal-multa, eventwalment, mogħti lis-sussidjarja tagħha fir-rikors ippreżentat minn din tal-aħħar.

208    Min-naħa l-oħra, sa fejn l-argument tal-Kummissjoni għandu jinftiehem f’dan is-sens li huwa intiż biex juri li, meta tilqa’ t-tieni argument imqajjem mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għat-tnaqqis fl-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali tkun qiegħda tiddeċiedi ultra petita, għandu jitfakkar, kif ġie kkonstatat fil-punt 195 iktar ʼil fuq, li r-rikorrenti, fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet tagħha intiżi, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha, ippreżentat argumentazzjoni insostenn tal-imsemmi argument. Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-imsemmija argumentazzjoni u mhux abbażi tal-motivi mqajma ex officio li l-Qorti Ġenerali tagħti, f’dan il-każ, tnaqqis tal-ammont tal-multa lir-rikorrenti.

209    It-tieni nett, bi tweġiba għall-mistoqsija orali tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-estensjoni, lill-kumpannija parent, tal-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lis-sussidjarja fir-rikors tagħha hija, hekk kif jirriżulta mill-punt 56 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins, punt 191 iktar ʼil fuq, suġġetta għall-kundizzjoni li l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jqajmu, fir-rikorsi rispettivi tagħhom, motivi li jixxiebhu. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti naqset milli tinvoka żball li l-Kummissjoni allegatament wettqet fil-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti in solidum mas-sussidjarji tagħha.

210    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 56 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins, punt 191 iktar ʼil fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, peress li, fir-rikors tagħha, Tomkins plc ma kinitx invokat l-iżball li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni għal dissważjoni, il-Qorti Ġenerali kellha raġun, anki meta, fir-rikors ippreżentat minn Regler Ltd, is-sussidjarja ta’ Tomkins, hija kienet naqqset l-ammont tal-multa wara li kkonstatat tali żball (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Pegler vs Il-Kummissjoni, T‑386/06, Ġabra p. II‑1267, punti 134 u 144), ma estendietx il-benefiċċju ta’ dan it-tnaqqis tal-ammont tal-multa lill-kumpannija parent fir-rikors ippreżentat minnha.

211    Issa, f’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li r-rikorrenti ma sostniet l-ebda żball li l-Kummissjoni allegatament wettqet fil-kalkolu tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha in solidum ma’ Roca France, madankollu għandu jiġi osservat li, bil-kontra taċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 56 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins, punt 191 iktar ʼil fuq, ir-rikorrenti qajmet formalment argument li permezz tiegħu talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tibbenefika minn kull tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti, eventwalment, lil waħda mis-sussidjarji tagħha. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 56 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins, punt 191 iktar ʼil fuq, ma jistgħux jiġu trasposti għal din il-kawża.

212    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni argument, imqajjem mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa sa fejn ir-rikorrenti titlob li tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lil Roca France, għandu jintlaqa’.

213    Għaldaqstant, l-ammont tal-multa imposta, fl-Artikolu 2(4)(b) tad-deċiżjoni kkontestata, fuq ir-rikorrenti in solidum ma’ Roca France, għandu jitnaqqas b’6 %, jiġifieri b’EUR 402 000. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tiffissa l-imsemmi ammont għal EUR 6 298 000.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Roca Sanitario, SA, fl-Artikolu 2(4)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 — Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju), huwa ta’ EUR 6 298 000.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, terz mill-ispejjeż sostnuti minn Roca Sanitario.

4)      Roca Sanitario għandha tbati żewġ terzi mill-ispejjeż tagħha stess.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


1 –      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-pubblikazzjoni tagħhom tqieset li hija utli mill-Qorti Ġenerali.