Language of document : ECLI:EU:T:2013:443

Kawża T‑411/10

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Laufen Austria AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Belġjan, Ġermaniż, Franċiż, Taljan, Olandiż u Awstrijak tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Imputabbiltà ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 — Gravità tal-ksur — Koeffiċjenti — Ċirkustanzi attenwanti — Kriżi ekonomika — Pressjoni eżerċitata mill-grossisti — Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 — Tnaqqis tal-ammont tal-multa — Valur miżjud sinjifikattiv”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla)
tas-16 ta’ Settembru 2013

Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Kundizzjonijiet — Kumpannija parent u sussidjarji — Evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ dawn is-sussidjarji b’mod individwali

(Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 20 u 21)

Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet, fil-Komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell, il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha dwar akkordju setgħu jiġu eżentati mill-multa jew igawdu minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li huma kellhom iħallsu. Impriża li għamlet it-talba u li pproduċiet provi lill-Kummissjoni dwar il-ksur preżunt li jirrappreżentaw valur miżjud sinjifikattiv tista’ tgawdi minn tnaqqis fil-multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, hija biss l-impriża awtriċi tat-talba li hija intiża li tgawdi minn tnaqqis fil-multa kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-entitajiet li f’isimhom ġiet ifformulata din it-talba u li jikkooperaw mal-Kummissjoni li jistgħu jgawdu minn tnaqqis fil-multa f’dan ir-rigward.

Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li testendi lil sussidjarja oħra l-benefiċċju ta’ tnaqqis fl-ammont tal-multa mogħtija lill-ewwel sussidjarja li għamlet talba skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni minħabba biss l-appartenenza tagħhom, flimkien mal-kumpannija parent komuni tagħhom, f’impriża fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, kuntrarjament għar-responsabbiltà tal-kumpannija parent li hija analizzata, meta din tal-aħħar ma tkunx ipparteċipat materjalment fl-akkordju, bħala responsabbiltà purament idderivata, aċċessorja u dipendenti fuq dik tas-sussidjarja tagħha, ir-responsabbiltà ta’ sussidjarja ma tistax tkun idderivata minn dik tas-sussidjarja l-oħra, peress li din ir-responsabbiltà tirriżulta mill-parteċipazzjoni tagħha stess fl-akkordju.

F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa biss meta, minn naħa, it-talba intiża sabiex tgawdi minn tnaqqis fil-multa hija fformulata f’isem is-sussidjarja l-oħra u li, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar tkun effettivament ikkooperat mal-Kummissjoni, li l-imsemmija sussidjarja l-oħra tkun tista’ tgawdi minn tnaqqis fl-ammont tal-multa fuq it-talba ta’ sussidjarja oħra li tappartjeni għall-istess impriża. Din is-sitwazzjoni hija differenti għalhekk minn dik fejn kumpannija parent tifformula, f’isimha stess u f’isem is-sussidjarji tagħha, talba intiża li tgawdi minn tnaqqis fil-multa, peress li, f’sitwazzjoni tali, il-kumpanniji kollha li jagħmlu parti mill-impriża fis-sens tad-dritt tal-Unjoni huma obbligati li jikkooperaw mal-Kummissjoni.

(ara l-punti 222, 226-229)