Language of document : ECLI:EU:T:2009:190

Kawża T‑300/02

Azienda Mediterranea Gas e Acqua SpA (AMGA)

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani lil ċerti impriżi tas-servizz pubbliku fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’rata preferenzjali — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Rikors għal annullament — Nuqqas ta’ interess individwali — Inammissibbiltà”

Sommarju tas-sentenza

Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali – Rikors ta’ impriża li ma bbenefikatx minn għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

Persuna fiżika jew ġuridika li ma tkunx id-destinatarja ta’ deċiżjoni ma tistax tallega li hija kkonċernata individwalment minn din id-deċiżjoni ħlief jekk l-imsemmija deċiżjoni tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba ċirkustanzi li jiddistingwuha mill-persuni l-oħra kollha, u li minħabba dan il-fatt, jindividwalizzawha bl-istess mod kif kien ikun individwalizzat id-destinatarju tad-deċiżjoni.

Bħala prinċipju, mhuwiex ammissibbli li impriża tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba l-appartenenza tagħha għas-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward ta’ tali impriża, deċiżjoni bħal din hija miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati oġġettivament u tinvolvi effetti legali fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

Madankollu, impriża li mhijiex biss ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni inkwantu impriża tas-settur inkwistjoni, benefiċjarja potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata, iżda wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni kienet ordnat l-irkupru tagħha, hija kkonċernata individwalment mill-imsemmija deċiżjoni u r-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni huwa ammissibbli.

Fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali li tikkonsisti f’eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, impriża li għamlet biss telf u li għalhekk ma bbenefiktax mill-imsemmija eżenzjoni mhijiex individwalment ikkonċernata minn din id-deċiżjoni. Rikors bħal dan huwa inammissibbli.

(ara l-punti 46-48, 50)