KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TANCHEV
ippreżentati fit-8 ta’ Ġunju 2017 (1)
Kawża C-214/16
C. King
vs
The Sash Window Workshop Ltd
Richard Dollar
[talba għal deċiżjoni preliminari mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (United Kingdom) (qorti tal-appell, tal-Ingilterra u Wales, diviżjoni ċivili, ir-Renju Unit)]
“Politika soċjali – Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE u d-dritt għal leave annwali bil-ħlas – Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea f’tilwim orizzontali bejn żewġ partijiet privati – Assenza ta’ faċilità għat-tul sħiħ tar-relazzjoni ta’ impjieg għall-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas – Liġi ta’ Stat Membru li teħtieġ li ħaddiema l-ewwel jieħu l-leave qabel ma jiġi aċċertat jekk il-leave huwiex ser jitħallas – Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 u d-dritt ta’ pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave mhux meħud mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg – Dritt għal rimedju effettiv”
I. Introduzzjoni
1. Meta, matul relazzjoni ta’ impjieg ta’ 13-il sena, ħaddiem bħal C. King ikun ingħata, mill-persuna li timpjegah, faċilità għall-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas biss f’parti tar-relazzjoni, jew forsi ma jkunx ingħata tali faċilità (2), jista’ d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas jintemm bil-liġi ta’ Stat Membru fuq il-bażi li C. King ma ħax passi biex jinvoka d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas sakemm ir-relazzjoni ta’ impjieg ġiet itterminata?
2. Din hija l-mistoqsija li tqum fil-digriet tar-rinviju tal-Court of Appeal of England and Wales (qorti tal-appell, tal-Ingilterra u Wales). Hija teħtieġ interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (3), u b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li t-test tiegħu jipprovdi, mingħajr kwalifika, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt […] għal perjodu annwali ta’ leave imħallas”. Il-kontenut preċiż tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas skont id-dritt tal-Unjoni jistħoqqlu evalwazzjoni ulterjuri, l-istess bħall-punt ta’ jekk hemmx xi restrizzjonijiet fuq l-applikabbiltà tiegħu fit-tilwima ineżami, peress li C. King qiegħed jinvoka d-Direttiva 2003/88 kontra attur fis-settur privat (4).
3. Il-problema ineżami hija ta’ importanza soċjali akuta, minħabba n-numru dejjem jikber ta’ nies ġewwa l-Unjoni Ewropea li jaħdmu fuq bażijiet flessibbli, każwali, u intermittenti. Dawn il-forom ta’ impjieg qed isiru dejjem iktar prevalenti minħabba l-provvista ta’ servizzi permezz tat-teknoloġiji diġitali fl-età tal-internet. Min għandu jġorr ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas meta ma jkun hemm l-ebda faċilità fir-relazzjoni ta’ impjieg għall-eżerċizzju tiegħu, il-persuna li timpjega jew l-ħaddiema kkonċernati? Huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni għal-leave annwali bil-ħlas il-fatt li d-dritt tal-Istat Membru l-ewwel jobbliga ħaddiem jieħu l-leave, qabel ma jkun jista’ jaċċerta ruħu jekk il-leave huwiex se jitħallas? U fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, liema limitu, jekk hemm, għandu jitpoġġa fuq x’jista’ jirkupra ħaddiem bħal C. King permezz ta’ pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas fit-terminazzjoni tal-impjieg skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88?
4. Wasalt għall-konklużjoni, fid-dawl tal-piż normattiv kunsiderevoli tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas taħt id-dritt tal-Unjoni, Internazzjonali (5), u tal-Istat Membru (6), li l-fatt li ħaddiem, pjuttost milli l-persuna li timpjega, jkun meħtieġ jieħu passi biex joħloq faċilità xierqa għall-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas jissuġġetta, illegalment, l-eżistenza tad-dritt għal prekundizzjoni (7), u għalhekk jaqa’ lil hinn mill-parametri tad-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 fir-rigward tal-“kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan”.
5. Għalhekk, bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, dispożizzjoni li ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv (8), pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas jiġi attivat mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, u biex jiġi kopert il-perijodu kollu fejn l-ebda faċilità xierqa ma ngħatat mill-persuna li timpjega għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, u li jispiċċa biss ladarba dik il-faċilità saret disponibbli. Huwa biss f’dan il-punt li restrizzjonijiet ta’ żmien jew restrizzjonijiet oħra fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas li l-Istati Membri setgħu għażlu li jimponu jistgħu jibdew japplikaw, u anki hawnhekk biss jekk tali restrizzjonijiet jaqgħu fil-konfini tad-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, u huma, mill-kumplament, konformi mad-dritt tal-Unjoni. Jekk qatt ma ġiet ipprovduta faċilità xierqa għall-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas, f’dak il-każ il-pagament ta’ benefiċċju huwa dovut skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 biex ikopri l-perijodu kollu tal-impjieg sat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-Dritt tal-Unjoni Ewropea
6. Il-premessa 6 tad-Direttiva 2003/88 tgħid li:
“Akkont għandu jittieħed tal-prinċipji ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, […].”
7. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop [kamp ta’ applikazzjoni]”, jipprovdi:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.”
8. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, bit-titolu “Leave annwali” jistabbilixxi:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.
2. Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata”.
B. Id-Dritt Nazzjonali
9. Id-Direttiva 2003/88 hija implementata fir-Renju Unit permezz tal-Working Time Regulations 1998 (Regolamenti dwar il-Ħin tax-Xogħol tal-1998) (kif emendati). L-Artikolu 13(1) jgħid dan li ġej:
“(1) […] ħaddiem għandu dritt għall-erba’ ġimgħat leave annwali f’kull sena ta’ leave.”
10. Id-dritt għall-ħlas jingħata mill-Artikolu 16 li jgħid dan li ġej:
“(1) Ħaddiem għandu d-dritt li jitħallas fir-rigward ta’ kull perijodu ta’ leave annwali li huwa għandu dritt għalih skont l-Artikolu 13, bir-rata li tikkorrispondi mas-salarju ta’ ġimgħa għal kull ġimgħa ta’ leave.”
11. Il-digriet tar-rinviju jispjega wkoll li l-Artikolu 13(9) jintroduċi dak li fit-taħdit ta’ kuljum jissejjaħ il-prinċipju “użah jew itilfu”. Dan jeħtieġ li leave jittieħed fis-sena li huwa dovut, inkella jintilef. L-Artikolu 13(9) jgħid kif ġej:
“Leave li għalih ħaddiem huwa intitolat taħt dan l-artikolu jista’ jittieħed ratealment, imma -
(a) jista’ jittieħed biss fis-sena tal-leave li fir-rigward tagħha huwa dovut, u
(b) jista’ jinbidel bi ħlas bħala kumpens biss meta l-impjieg tal-ħaddiem jiġi tterminat”.
12. Il-qorti tar-rinviju nazzjonali tiddikjara li hemm tliet artikoli oħra tar-regolamenti tar-Renju Unit li huma potenzjalment rilevanti għall-kawża prinċipali. L-Artikolu 14 jipprovdi għal ċirkustanzi eċċezzjonali fejn l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jippermetti ħlas bħala kumpens minflok it-teħid tal-leave, jiġifieri fejn kuntratt jiġi tterminat f’sena ta’ leave u l-ħaddiem ma jkunx sa dakinhar ħa l-ammont proporzjonat ta’ leave li għalih huwa jkun intitolat. L-Artikolu 14 jipprovdi dan li ġej:
“1) Dan l-artikolu japplika meta –
(a) il-kuntratt ta’ xogħol jiġi tterminat matul is-sena ta’ leave tal-ħaddiem, u
(b) fid-data meta t-terminazzjoni tal-kuntratt tidħol fis-seħħ (‘id-data tat-terminazzjoni’), il-proporzjon li l-ħaddiem ikun ħa mil-leave meta mqabbel ma’ dak li għalih hu intitolat skont l-Artikolu 13(1) fis-sena ta’ leave jkun differenti mill-proporzjon tas-sena ta’ leave li tkun għaddiet.
(2) Meta l-proporzjon ta’ leave li jkun ittieħed mill-ħaddiem huwa inqas mill-proporzjon tas-sena ta’ leave li tkun għaddiet, il-persuna li timpjegah tista’ tatih pagamenti bħala kumpens għall-leave mħallas b’mod konformi mal-paragrafu (3) […]”.
13. L-Artikolu 15 jirregola l-proċedura għat-teħid ta’ leave u d-dati meta l-leave jista’ jittieħed. Dan jgħid:
“(1) Ħaddiem jista’ jieħu leave li għalih huwa intitolat skont l-Artikolu 13 […] f’dawk il-ġranet li jagħżel hu billi jagħti avviż lill-persuna li timpjegah b’mod konformi mal-paragrafu (3), bla ħsara għal kwalunkwe obbligu impost fuqu mill-persuna li timpjegah skont il-paragrafu (2).
(2) Il-persuna li timpjegah tista’ tirrikjedi li l-ħaddiem ‐
(a) jieħu l-leave li għalih il-ħaddiem huwa intitolat skont l-Artikolu 13(1); jew
(b) ma jieħdux dan il-leave, fi ġranet partikolari, billi jagħti avviż lill-ħaddiem b’mod konformi mal-paragrafu (3).”
14. L-Artikolu 30 jirrigwarda l-infurzar u r-rimedji. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, dan jagħmel distinzjoni bejn każ fejn il-ħaddiem huwa mċaħħad mid-dritt għal ħin frank skont l-Artikolu 13(1) minn naħa, u każijiet fejn il-persuna li timpjega tonqos milli tħallas il-pagi li għalihom il-ħaddiem hu intitolati jew skont l-Artikolu 16 jew 14 min-naħa l-oħra. L-Artikolu 30 jgħid:
“Ħaddiem jista’ jressaq ilment quddiem tribunal industrijali li l-persuna li timpjegah
(a) tkun irrifjutat li tippermettilu li jeżerċita kwalunkwe dritt mogħti lilu taħt […] l-Artikolu 13(1) […]
(b) tkun naqset li tħallsu kwalunkwe ammont, kollu jew xi parti minnu, dovut lilu skont l-Artikolu 14(2) jew 16(1) […]
(2). Tribunal industrijali ma għandux jikkunsidra lment taħt dan l-artikolu jekk ma jkunx imressaq –
(a) qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tliet xhur [jew, fil-każ li għalih japplika l-Artikolu 38(2), sitt xhur] li jibda mid-data ta’ meta huwa allegat li l-eżerċizzju tad-dritt kellu jkun permess (jew fil-każ ta’ perijodu ta’ mistrieħ jew leave li jestendi fuq aktar minn ġurnata waħda, id-data li fiha kellu jiġi permess li jibda) jew, skont il-każ, kellu jsir il-ħlas;
(b) f’dak iż-żmien ulterjuri li t-tribunal jidhirlu raġonevoli f’każ fejn ikun issodisfatt li ma kienx raġonevolment prattikabbli li l-ilment jitressaq qabel it-tmiem ta’ dak il-perijodu ta’ tliet jew, skont il-każ, sitt xhur.”
III. Il-fatti fil-proċeduri prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari
15. L-ewwel konvenut, Sash Window Workshop Ltd (iktar ’il quddiem “SWWL”) hija kumpannija li tipprovdi u tinstalla twieqi u bibien. It-tieni konvenut, Richard Dollar, huwa d-Direttur Maniġerjali konġunt ta’ SWWL. C. King beda jaħdem għal SWWL fl-1 ta’ Ġunju 1999 bħala salesman. Huwa kien jitħallas biss permezz ta’ kummissjoni, indiċjata mal-bejgħ li kien jirnexxilu jagħmel. Huwa ma kienx jitħallas għal kwalunkwe leave meħud. Ma kien hemm ebda dritt għal leave bil-ħlas fil-kuntratt tiegħu, li ma kien jgħid xejn dwar il-kwistjoni ta’ leave annwali bil-ħlas. Il-kuntratt ġie deskritt fid-digriet tar-rinviju bħala “kuntratt ta’ persuna taħdem għal rasha bil-kummissjoni biss”.
16. Madankollu, SWWL offriet lil C. King kuntratt ta’ impjieg fl-2008, li kif indikat mir-rappreżentant ta’ C. King waqt is-seduta kien jinkludi d-drittijiet kollha li ordinarjament jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema, bħad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. C. King għażel li jibqa’ persuna li taħdem għal rasha (9).
17. C. King ħadem għal SWWL kontinwament sakemm ngħata s-sensja meta għalaq 65 sena fis-6 ta’ Ottubru 2012. Fl-20 ta’ Diċembru 2012 C. King beda proċeduri quddiem l-Employment Tribunal (tribunal industrijali) tar-Renju Unit, u seduta nżammet mill-20 sat-22 ta’ Awwissu 2013.
18. L-ilment ta’ C. King quddiem l-Employment Tribunal (tribunal industrijali) ġie milqugħ fir-rigward ta’ talba bbażata fuq id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fir-rigward tat-tkeċċija tiegħu, u la dan l-aspett tat-talba tiegħu u lanqas il-konstatazzjoni tal-Employment Tribunal li C. King kien “ħaddiem” fis-sens tal-Working Time Regulations tar-Renju Unit, li jimplementaw id-Direttiva 2003/88, ma ġew appellati quddiem l-Employment Appeal Tribunal (tribunal industrijali tal-appell).
19. L-ilment ta’ C. King quddiem l-Employment Tribunal (tribunal industrijali) ġie milqugħ ukoll fir-rigward tal-vaganzi bil-ħlas. Dan intlaqa’ fir-rigward ta’ tliet kapi differenti:
1. “Ħlas għal vaganzi 1”, għal UKL 518.40 fir-rigward ta’ leave bil-ħlas miġmugħ imma mhux meħud min C. King fl-aħħar sena ta’ leave (mhux kompluta) mill-1 ta’ Ġunju sas-6 ta’ Ottubru 2012.
2. “Ħlas għal vaganzi 2”, għal UKL 17,402.83 fir-rigward tal-vaganza (mhux imħallsa) li C. King attwalment ħa matul it-13-il sena ta’ qabel tiegħu ma SWWL; u
3. “Ħlas għal vaganzi 3”, għal UKL 9,336.73 fir-rigward ta’ leave li għalih kien intitolat C. King waqt li kien qed jaħdem għal SWWL imma li fil-fatt ma ħax.
20. SWWL appellat mid-deċiżjoni tal-Employment Tribunal (tribunal industrijali) dwar il-Ħlas għal vaganzi 3 quddiem l-Employment Appeal Tribunal (tribunal industrijali tal-appell, iktar ’il quddiem l-“EAT”).
21. Is-seduta tal-EAT saret nhar it-Tlieta, l-4 ta’ Novembru 2014. L-EAT laqgħet l-appell ta’ SWWL mid-deċiżjoni tal-Employment Tribunal (tribunal industrijali) dwar il-Ħlas għal vaganzi 3 u bagħtet lura dan l-element tat-talba ta’ C. King lill-Employment Tribunal (tribunal industrijali) oriġinali għal smigħ mill-ġdid.
22. C. King appella quddiem il-Court of Appeal (qorti tal-appell) mid-deċiżjoni tal-EAT dwar il-Ħlas għal vaganzi 3 fit-23 ta’ Diċembru 2014. Is-smigħ tal-appell sar fid-9 ta’ Frar 2016. SWWL u Richard Dollar argumentaw li t-talba ta’ C. King għall-irkupru tal-“Ħlas għal vaganzi 3” kienet preskritta. Fid-digriet tar-rinviju il-Court of Appeal (qorti tal-appell) osservat li l-Employment Tribunal (tribunal industrijali) kien iddeċieda li l-leave kollu mhux meħud ta’ C. King kien ġie rrimandat peress li SWWL qatt ma kienu lesti li jħallsu għalih, b’tali mod li d-dritt għall-ħlas bħala kumpens tnissel mat-terminazzjoni, u l-eċċezzjoni ta’ SWWL u ta’ R. Dollar ma ġietx milqugħa. Skont din l-analiżi t-talba ta’ C. King ma kinitx preskritta peress li tressqet fi żmien tliet xhur mid-data tat-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu.
23. Il-Court of Appeal (qorti tal-appell) identifikat tliet kwistjonijiet li ħtieġu interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-Ħlas għal vaganzi 3, u li kienu s-suġġett tad-digriet tar-rinviju. L-ewwel nett, il-Court of Appeal (qorti tal-appell) staqsiet jekk l-Artikolu 13 tal-Working Time Regulations 1998 kienx konsistenti mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u mad-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mid-dritt tal-Unjoni peress li, fil-loġika tal-analiżi tal-EAT, il-ħaddiem ikollu l-ewwel jieħu leave bla ħlas u jkun biss wara li jagħmel dan li jkun jista jittestja jekk kienx intitolat għal ħlas.
24. It-tieni nett, il-Court of Appeal (qorti tal-appell) talbet kjarifika taċ-ċirkustanzi li fihom leave bil-ħlas mhux meħud jista’ jiġi rrimandat, f’kuntest li fih C. King irid ħlas għal terminazzjoni skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 li jkopri r-relazzjoni tal-impjieg kollha. Peress li C. King ma invokax id-dritt tiegħu quddiem l-Employment Tribunal (tribunal industrijali) matul ir-relazzjoni tal-impjieg, jista’ jingħad li C. King ma kellu ebda opportunità li jeżerċita d-dritt għal leave annwali bi ħlas għal raġunijiet li ma kinux fil-kontroll tiegħu, sabiex ikun jista’ jiġi rrimandat b’mod konformi mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Schultz-Hoff et (10)?
25. It-tielet nett, il-Court of Appeal (qorti tal-appell) kellha dubji, fi kwalunkwe każ, jekk leave bil-ħlas jistax jiġi rrimandat b’mod indefinit.
26. Fid-dawl ta’ dan, il-Court of Appeal (qorti tal-appell) għamlet is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.
“(1) Fil-każ ta’ tilwima bejn ħaddiem u persuna li timpjega dwar jekk il-ħaddiem huwiex intitolat għal leave annwali bi[l-]ħlas skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, huwa kompatibbli mad-dritt tal-UE, u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ rimedju effettiv, il-fatt li l-ħaddiem ikollu l-ewwel jieħu l-leave qabel ma jkun jista’ jstabbilixxi jekk huwiex intitolat li jitħallas?
(2) Fil-każ li l-ħaddiem ma jiħux il-leave annwali kollu jew parti minnu li għalih huwa intitolat fis-sena ta’ leave meta kwalunkwe dritt għandu jiġi eżerċitat, f’ċirkustanzi fejn huwa ma jagħmilx dan biss minħabba l-fatt li l-persuna li timpjegah tirrifjuta li tħallsu għal kwalunkwe perijodu ta’ leave li huwa jieħu, il-ħaddiem jista’ jsostni li huwa prekluż milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave bi[l-]ħlas b’mod li d-dritt jiġi rrimandat sakemm huwa jkollu l-possibbiltà li jeżerċitah?
(3) Fil-każ li d-dritt jiġi rrimandat, dan isir għal żmien indefinit jew hemm perijodu limitat għall-eżerċizzju tad-dritt rimandat b’analoġija mal-limitazzjonijiet imposti meta l-ħaddiem ma jkunx jista’ jeżerċita d-dritt għal-leave fis-sena tal-leave rilevanti minħabba mard?
(4) Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni statutorja jew kuntrattwali li tispeċifika perijodu tal-leave rimandat, il-qorti hija obbligata li timponi limitu għall-perijodu tal-leave rimandat sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni tar-Regolamenti ma tfixkilx l-għan tal-Artikolu 7?
(5) Jekk iva, iż-żmien ta’ 18-il xahar wara t-tmiem tas-sena tal-vaganzi li fiha akkumula l-leave huwa kompatibbli mad-dritt tal-Artikolu 7?”
27. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati fil-Qorti tal-Ġustizzja minn C. King, minn SWWL u minn Richard Dollar, mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni Ewropea. Kollha pparteċipaw fis-seduta li saret fid-29 ta’ Marzu 2017.
IV. Evalwazzjoni
A. Rimarki preliminari
28. Ninnota mill-bidu nett li, mill-ħafna digrieti tar-rinviju mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas (11), din tidher li hija l-ewwel darba fejn ma hemm l-ebda tilwima sussistenti bejn il-partijiet dwar jekk il-parti li qed tinforza d-dritt għal leave annwali hijiex “ħaddiem” jew le għall-finijiet tad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali, u għalhekk, intitolata għal-leave annwali bil-ħlas (12), u fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab biss biex tikkunsidra l-konsegwenzi li jirriżultaw min-nuqqas tal-ħaddiem li jaġixxi qabel it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg biex jinforza d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas (13). Il-Qorti tal-Ġustizzja normalment iktar tintalab tiddeċiedi dwar jekk il-“kondizzjonijiet għall-intitolament lejn, u l-għoti ta’ leave bħal dan, stabbiliti bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika”, u d-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (14).
29. Id-dominanza fil-ġurisprudenza ta’ nuqqasijiet ta’ qbil dwar il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ leave annwali bil-ħlas, aktar milli l-eżistenza tiegħu, tista’ tassew tkun riflessjoni tal-istatus u tas-sinjifikat tad-dritt fl-Unjoni, fl-Istat Membru, u fid-dritt Internazzjonali, integrat kif inhu fil-korp ta’ regoli fundamentali tad-dritt industrijali li ġeneralment ikun hemm aderenza rigoruża magħhom (15).
30. Dan huwa importanti għaliex, kif se nispjega fil-punti 71 sa 75 hawn isfel, għandi dubji dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa issa fuq jekk ħaddiem kellux attwalment il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, b’tali mod li r-restrizzjonijiet tal-Istat Membru fuq l-eżerċizzju tiegħu għandhom jitwarrbu (16), hijiex rilevanti sabiex tiġi solvuta din it-tilwima. Dan għaliex kollha kienu jikkonċernaw il-portata tad-diskrezzjoni ta’ Stat Membru fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-intitolament għal u l-għoti ta’ leave annwali bil-ħlas (bħall-iskadenza ta’ perijodu ta’ żmien li għalih leave bil-ħlas jista’ jiġi rrimandat) (17) imma l-ebda waħda minnhom ma kienet tikkonċerna sitwazzjoni li fiha l-essenza tad-dritt kienet inkwistjoni permezz ta’ assenza ta’ faċilità fir-relazzjoni tal-impjieg għall-eżerċizzju fl-ewwel lok tad-dritt.
31. Kif se nispjega fil-paġni li ġejjin, l-aħjar approċċ għall-problema preżenti jinvolvi l-kunsiderazzjoni tal-mistoqsija li ġejja. L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jista jiġi invokat minn C. King mat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg sabiex jingħata pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave bil-ħlas li ma tteħidtx meta l-persuna li timpjega ħolqot faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas biss għal parti mill-relazzjoni tal-impjieg, jew forsi xejn affattu (ara l-punti 84 sa 86 hawn isfel).
32. Qabel ma nittrattaw din il-kwistjoni, huwa importanti li nkunu ċari dwar preċiżament xi jfisser id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas.
B. Sorsi tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas
33. Id-dritt ta’ kull ħaddiem għal-leave annwali bil-ħlas huwa prinċipju partikolarment importanti tad-dritt soċjali tal-Unjoni, u wieħed li issa huwa sanċit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni għal deroga minnu fid-Direttiva 2003/88 (18), u għandu jiġi implimentat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2003/88 (19). Huwa dritt li ngħata direttament mid-dritt tal-Unjoni Ewropea lil kull ħaddiem (20), u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li jħaddnu, jimponi obbligu ċar u preċiż fuq l-Istati Membri biex jinkiseb riżultat speċifiku (21). Id-dritt għandu l-għan doppju li jippermetti lill-ħaddiema kemm li jistrieħu mit-twettiq tax-xogħol li huwa meħtieġ li jagħmel taħt il-kuntratti tax-xogħol tagħhom u li jgawdu perijodu ta’ serħan u ħin liberu (22). Bħala tali din hija miżura ta’ saħħa u ta’ sigurtà, kif rifless fl-Artikolu 31(1) tal-Karta. Minbarra dan, id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (23), l-istess bħalma ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv id-dritt għal ħlas bħala kumpens għal-leave mhux meħud previst fl-Artikolu 7(2) tal-istess direttiva (24).
34. Barra minn hekk, prinċipju kardinali tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 huwa li, filwaqt li l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu, fil-leġiżlazzjoni domestika tagħhom, il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u l-implementazzjoni tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas, l-Istati Membri ma humiex intitolati li jissuġġettaw l-eżistenza stess ta’ dak id-dritt għal xi prekundizzjoni tkun xi tkun (25). Id-Direttiva 2003/88 ma tippermettix lill-Istati Membri jeskludu l-eżistenza stess ta’ dritt mogħti espressament lill-ħaddiema kollha tal-Unjoni (26).
35. Allura x’qiegħed iżid l-Artikolu 31(2) tal-Karta? Skont l-Ispjegazzjonijiet li jakkumpanjaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (27), l-Artikolu 31(2) huwa bbażat fuq id-direttiva ta’ qabel id-Direttiva 2003/88, jiġifieri d-Direttiva 93/104, l-Artikolu 2 tal-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1961, u l-punt 8 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989. Din tal-aħħar tipprovdi li kull “ħaddiem tal-Komunità Ewropea għandu jkollu dritt għal perijodu ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa u għall-leave annwali bil-ħlas, li t-tul tiegħu għandu jiġi armonizzat skont il-prattiki nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], filwaqt li tal-ewwel jafferma li sabiex “jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal kundizzjonijiet ġusti ta’ xogħol, il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom: […] li jipprovdu għal minimu ta’ ġimagħtejn vaganzi annwali mħallsin” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
36. Ta’ min jinnota li l-Artikolu 31(2) huwa manifestazzjoni speċifika ta’ rispett għad-dinjità tal-bniedem, li hija protetta b’mod iktar wiesa’ fit-Titolu I tal-Karta. Dan huwa hekk għaliex l-Artikolu 31(1) jiddikjara li kull “ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu” (28). Skont l-Ispjegazzjonijiet li jakkumpanjaw il-Karta, l-Artikolu 31(1) huwa bbażat fuq, inter alia, l-Artikolu 26 tal-Karta Soċjali Ewropea Riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa, li jipprovdi li “l-ħaddiema kollha għandhom id-dritt għad-dinjità fuq ix-xogħol” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kummentatur sostna li, minħabba l-konnessjoni bejn l-Artikolu 31 tal-Karta u l-Artikolu 1 fuq id-dinjità tal-bniedem, l-Artikolu 31 huwa dispożizzjoni “b’piż normattiv sinjifikattiv ħafna u ta’ importanza. Tabilħaqq, wieħed jista’ jikkunsidra l-Artikolu 31 bħala l-iktar dritt fundamentali tad-drittijiet tax-xogħol fil-Karta tal-UE” (29) [traduzzjoni libera].
37. Id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas huwa stabbilit ukoll, u ilu hekk għal żmien kunsiderevoli, f’diversi ftehimiet internazzjonali li għalihom ikkollaboraw l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Pereżempju, dan huwa protett fl-Artikolu 24 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, li jagħti lil kulħadd “id-dritt għall-mistrieħ u l-ħin liberu, inkluża limitazzjoni raġonevoli fuq is-sigħat ta’ xogħol u btajjel perjodiċi mħallsin”. Huwa rikonoxxut ukoll fl-Artikolu 7(d) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966 bħala manifestazzjoni tad-dritt li kull persuna għandha sabiex tgawdi minn kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u favorevoli.
38. Fil-qafas tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol id-dritt għall-perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas kien is-suġġett ta’ żewġ konvenzjonijiet multilaterali. Il-Konvenzjoni Nru 132, li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 1973, emendat il-Konvenzjoni Nru 52, li kienet qabel fis-seħħ. Dawn jipprovdu rekwiżiti obbligatorji fuq l-Istati firmatarji fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ dan id-dritt soċjali fundamentali fi ħdan l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tagħhom.(30)
39. B’mod sinjifikattiv, id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas huwa espress ripetutament kemm fi strumenti Ewropej kif ukoll Internazzjonali bħala “intitolament”. Dan huwa l-kliem preċiż li jidher fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li, kif diġà semmejt, assolutament ma jħalli l-ebda awtorità fl-Istati Membri li jipperikolaw il-“ħolqien stess” ta’ dritt (31). Għalhekk ma hijiex ħaġa sorprendenti li l-Artikolu 13(1) tal-Working Time Regulations tar-Renju Unit jgħid b’mod inekwivoku li “ħaddiem għandu dritt għall-erba’ ġimgħat leave annwali f’kull sena” u li l-Artikolu 16(1), għall-ħlas ta’ dak il-leave, juża kliem daqstant imperattiv.
40. Il-lingwa tal-intitolament tidher ukoll fl-istrumenti rilevanti tad-dritt internazzjonali li fuqhom ikkollaboraw l-Istati Membri tal-UE. Hawnhekk qed nirreferi għall-użu tal-kelma “għandu” fil-punt 8 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Fundamentali Soċjali tal-Ħaddiema tal-1989 (diskuss iktar ’il fuq fil-punt 35), filwaqt li l-Artikolu 7(d) tal-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali jipprovdi li l-Istati kontraenti “jirrikonoxxu” u “jiżguraw” “vaganzi perjodiċi mħallsin, kif ukoll renumerazzjoni għal vaganzi pubbliċi”. L-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni ILO Nru 132 huwa fformulat saħansitra b’mod iktar imperattiv, u lanqas ma jindirizza ruħu esklużivament lill-Istati. Dan jipprovdi li kull “persuna li għaliha tapplika din il-Konvenzjoni għandha tkun intitolata għal btala annwali mħallas ta’ tul minimu speċifikat”.
41. Huwa fid-dawl ta’ dawn is-sorsi li wasalt għall-konklużjoni li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 31 tal-Karta u l-istrumenti internazzjonali dwar id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas li l-Istati Membri kkooperaw għalihom, ifisser li l-persuni li jimpjegaw huma obbligati li jipprovdu faċilitajiet adegwati lill-ħaddiema għall-eżerċizzju tad-dritt. Skont prinċipji stabbiliti sewwa tad-dritt tal-Unjoni, l-issodisfar tar-riżultati previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, inkluża l-osservanza tal-għoti, mill-persuna li tħaddem, ta’ tali faċilitajiet, huwa vinkolanti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inkluż fuq il-qrati tagħhom (32).
42. Għal dan il-għan, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati tal-Istati Membri huma meħtieġa li jikkunsidraw il-korp kollu ta’ regoli tal-liġi u japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni li huma rrikonoxxuti minn dawk ir-regoli sabiex jinterpretaw id-dritt tal-Istat Membru, sa fejn possibbli, fid-dawl tal-kliem u tal-għan tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq minn dik id-direttiva, li fl-opinjoni tiegħi tinkludi d-disponibbiltà fir-relazzjonijiet ta’ impjieg ta’ faċilitajiet adegwati għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ leave annwali bil-ħlas, u għaldaqstant għall-konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE dwar l-impatt tad-direttivi fid-dritt tal-Istat Membru (33).
43. L-għoti ta’ faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas jista’ jieħu l-forma ta’ termini kuntrattwali speċifiċi li jagħtu d-dritt għal-leave bil-ħlas, jew it-twaqqif ta’ proċedura amministrattiva legalment infurzabbli li permezz tagħha l-applikazzjoni tista’ ssir lil persuni li jimpjegaw mill-ħaddiema għal-leave annwali bil-ħlas.
44. Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, fid-dawl tal-fatti kollha rilevanti, jekk xi faċilità pprovduta minn SWWL kinitx adegwata għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas (ara hawn isfel il-punti 84 sa 86). Madankollu, kif ġie rrilevat mir-rappreżentant ta’ C. King waqt is-seduta, l-Artikolu 31(2) tal-Karta jneħħi kull dubju dwar jekk hijiex il-persuna li timpjega jew il-ħaddiem li għandu jġorr ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dritt għal leave annwali bil-ħlas, għall-inqas fir-rigward ta’ min minnhom għandu joħloq il-faċilità għall-eżerċizzju tiegħu.
45. Irrispettivament mill-mezzi użati, jiena tal-fehma li Drittwirkung tat-tip li qed nippreskrivi għall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, li bilfors jinvolvi effett indirett ta’ drittijiet bażiċi fil-konfront ta’ partijiet terzi (34), huwa konsistenti mal-effettività tad-Direttiva 2003/88 kif interpretata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ikun ukoll konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-impatt tad-Direttivi f’tilwim ta’ natura orizzontali bejn żewġ atturi tas-settur privat, u sa liema punt il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tista’ tkun rilevanti għall-riżoluzzjoni ta’ tali tilwim. Għalhekk issa se nittratta dawn il-kwistjonijiet.
C. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88: il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja
1. Deċiżjonijiet ewlenin dwar l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-effettività tagħha
46. Fil-kawża Fuβ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rekwiżit taħt il-liġi nazzjonali sabiex il-ħaddiema jagħmlu applikazzjoni minn qabel lil persuna li timpjega sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88 fuq il-limitu tal-ħin tax-xogħol, bħala prerekwiżit biex wieħed jaġixxi għad-danni quddiem qorti ta’ Stat Membru minħabba ksur ta’ din id-direttiva, ikun ipoġġi “sistematikament fuq l-individwi r-responsabbiltà li jiżguraw l-osservanza ta’ tali regoli” filwaqt li l-persuni li jimpjegaw jingħataw “il-possibbiltà li jeżentaw lilhom infushom mill-osservanza tagħhom meta tali talba ma ssirx” (35).
47. Konsegwentement, ikun ukoll inkonsistenti mal-effettività tal-Artikolu 7(1) li jkun meħtieġ li ħaddiema bħal C. King jippreżenta rikors lil qorti, jew kwalunkwe korp ieħor, biex jobbliga lil persuna li timpjega toħloq faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, kwistjoni li hija differenti b’mod kwantifikabbli minn tilwima dwar il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ leave annwali bil-ħlas (ara hawn isfel, il-punti 71 sa 75).
48. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ulterjorment fil-kawża Bollacke (36), fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 u l-intitolament għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave bil-ħlas li ma tteħidtx, li l-mewt ma tikkostitwixxix ostakolu fuq l-obbligu ta’ persuni li jimpjegaw biex jikkonformaw miegħu. F’ċirkustanzi fejn il-benefiċjarju ta’ ħaddiem mejjet ried jirkupra pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-140.5 ġurnata ta’ leave pendenti, prekluża fid-dritt Ġermaniż minħabba t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol li seħħet mal-mewt, il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma kellux jiġi interpretat b’mod restrittiv (37), imbagħad iddeċidiet dan li ġej;
“[…] peress li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jimponi ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ieħor għajr dak li jirriżulta mill-fatt li l-relazzjoni ta’ impjieg itterminat, għandu jiġi kkunsidrat li l-benefiċċju ta’ tali kumpens ma għandux jiġi suġġett għall-eżistenza ta’ talba minn qabel għal dan il-għan.
Fil-fatt, […] dan id-dritt jingħata direttament mill-imsemmija direttiva mingħajr ma l-ħaddiem ikkonċernat irid jintervjeni f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, dan id-dritt ma jistax jiddependi fuq kundizzjonijiet oħra minbarra dawk li huma espliċitament previsti fiha, hekk li l-fatt li l-ħaddiem ma talabx minn qabel il-benefiċċju ta’ kumpens finanzjarju skont l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva huwa kompletament irrilevanti.” (38)
49. Dawn is-sentenzi jirriflettu l-fatt li l-ħaddiem huwa kkunsidrat bħala “l-parti dgħajfa fir-relazzjoni ta’ impjieg”, u għalhekk “huwa neċessarju li tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-persuna li timpjega tgawdi mill-fakultà li timponi fuqu restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu.” (39)
50. Fil-fatt il-kawża Bollacke (40) tistabbilixxi l-punt ta’ riferiment fuq dak li huwa meħtieġ għall-konformità mal-effettività tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88. Kif ġie indikat mir-rappreżentant ta’ C. King waqt is-seduta jekk, kuntrarjament għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (41), l-Artikolu 7(2) kellu jiġi interpretat b’mod restrittiv, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità jiġi ttrasferiti mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem, b’tal-ewwel ikun jista’ jipproċedi għax ikun żgur li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jistax jiġi invokat bħala għajnuna minn ħaddiem biex jikkoreġi nuqqas li tiġi pprovduta faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg. Jew, kif ir-rappreżentant tal-Kummissjoni qal fis-seduta, żball fit-tul min-naħa tal-persuna li timpjega jista’ jċaħħad lill-ħaddiema mid-drittijiet tagħhom.
2. L-effett orizzontali tal-Karta u l-infurzar tad-direttivi
51. Kuntrarjament għal diversi dispożizzjonijiet oħra tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (42), l-Artikolu 31(2) ma huwiex iddikjarat li huwa suġġett għad-dritt tal-Unjoni u għall-prattiki nazzjonali, u lanqas ma huwa dirett biss lejn l-Istati Membri. Pjuttost, kif diġà ġie nnutat, huwa fformulat b’mod iktar wiesa’, li jgħid li kull “ħaddiem għandu d-dritt għal […] perijodu annwali ta’ leave imħallas”.
52. Fid-dawl ta’ dan il-kliem, in-natura imperattiva tad-dritt tal-Unjoni għal-leave annwali bil-ħlas, u l-valur normattiv sostanzjali tiegħu (imsemmi iktar ’il fuq fil-punti 33 sa 40), id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas taħt l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandu jitqies bħala li jammonta għal “dritt” skont id-dritt tal-Unjoni u ma huwiex sempliċiment “prinċipju” (43) fit-tifsira tal-Artikolu 52(5) tal-Karta (44). Irrispettivament mill-konsegwenzi li jistgħu joħorġu mid-distinzjoni bejn “drittijiet” u “prinċipji” fid-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-drittijiet fundamentali (45), bħala “dritt” l-Artikolu 31(2) huwa bla dubju ta’ xejn għajnuna għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88, kemm jekk l-entità li kontriha d-Direttiva 2003/88 qed tiġi infurzata hija emanazzjoni tal-istat (46) kif ukoll jekk hija attur fis-settur privat. Dan imbagħad inevitabbilment jistruwixxi l-proċess ta’ interpretazzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru f’konformità mad-Direttiva 2003/88.
53. Għalhekk, il-kliem inekwivoku tal-Artikolu 31(2) tal-Karta iktar jimmilita kontra interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 li tkun timponi fuq il-ħaddiema l-obbligu li jitolbu lil qorti, jew lil kwalunkwe awtorità oħra, biex iġġiegħel lil persuna li timpjega toħloq faċilitàxierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas; kwistjoni li hija distinta mir-rwol sussistenti tal-qrati li jiddeċiedu fuq tilwim meta ħaddiem jikkontesta d-diskrezzjoni ta’ implementazzjoni tal-Istati Membri fl-Artikolu 7(1) fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-intitolament għal u l-għoti ta’ leave annwali bil-ħlas (ara hawn isfel il-punti 71 sa 75), kemm jekk il-konvenut ikun emanazzjoni tal-istat kif ukoll jekk ikun attur fis-settur privat. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas “ma jistax jitqiegħed inkwistjoni mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-esklużjoni tal-konstituzzjoni […] ta’ dan id-dritt” (47).
54. Waqt is-seduta, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni ddikjara li hija pjuttost il-persuna li timpjega li għandha l-obbligu ta’ osservanza fl-oqsma ta’ saħħa u ta’ sigurtà u mhux il-ħaddiem, u allega li l-fatt li ħaddiem ikun obbligat iressaq proċeduri ġudizzjarji biex jinforza l-leave annwali bil-ħlas ikun simili għall-fatt li ħaddiem ikun meħtieġ li jitlob lil min iħaddmu biex jipprovdilu maskra tal-wiċċ meta jkun qed jaħdem b’sustanza tossika. Jiena tal-fehma li l-għoti ta’ faċilità xierqa mill-persuna li timpjega għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas huwa tabilħaqq element tar-relazzjoni tax-xogħol li ma għandux għalfejn ikun suġġett għal konstrinġiment minn awtorità ġudizzjarja, u li tali rekwiżit ikun inkonsistenti ma ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-eżistenza tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas ma għandha tkun suġġett għal ebda prekundizzjonijiet, tkun xi tkun (48).
55. Barra minn hekk, interpretazzjoni kuntrarja ma tkunx biżżejjed biex tiddiswadi lil persuni li jimpjegaw milli jiksru l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 (49), b’mod partikolari fid-dawl tal-ammonti żgħar involuti meta mqabbla mal-ispiża għat-tressiq ta’ proċeduri legali. Ilu stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa li r-rimedji pprovduti fid-dritt ta’ Stat Membru sabiex jiġi żgurat l-infurzar tad-direttivi rilevanti għandhom ikunu qawwija biżżejjed biex jiżguraw “effett disważiv reali” kontra l-ksur tagħhom mill-persuni li jimpjegaw, u il-Qorti tal-Ġustizzja invokat dan ir-rekwiżit f’diversi tilwimiet orizzontali (50). L-istess għandu neċessarjament japplika għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, b’mod partikolari fid-dawl tal-piż normattivi sostanzjali tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas kif rifless fl-Artikolu 31 tal-Karta.
56. Wara li ntqal dan, għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-limitazzjoni sussistenti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-impatt orizzontali tad-direttivi f’tilwim ta’ natura privata. Fid-deċiżjoni reċenti tagħha fis-sentenza tad-19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14 DI, EU:C:2016:278), kawża li kienet tikkonċerna wkoll drittijiet tax-xogħol u d-dritt soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja rrepetiet il-prinċipji stabbiliti sew li ġejjin;
“Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali għandu ċerti limiti. Għalhekk, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għad-dritt tal-Unjoni meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali […].
F’dan il-kuntest, għandu jiġi speċifikat li r-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi jinkludi l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva […]” (51).
57. Id-digriet tar-rinviju jgħid li, jekk l-analiżi tal-Employment Tribunal, li tgħid li C. King kellu jingħata l-“Ħlas għal vaganzi 3”, hija korretta, konsegwentement l-Artikoli 13(9) u 14 tal-Working Time Regulations jistgħu jinqraw b’mod konsistenti mal-prinċipju tas-sentenza Marleasing dwar l-interpretazzjoni simpatetika tad-dritt tal-Istati Membri ma’ direttivi sabiex tingħata effettività sħiħa lis-sentenza Schultz-Hoff et. Waqt is-seduta r-rappreżentant ta’ SWWL iddikjara wkoll li interpretazzjoni tad-dritt tar-Renju Unit “konformi” mad-dritt tal-Unjoni kienet disponibbli sakemm il-qorti nazzjonali ipprovdiet mod ieħor, u li l-Court of Appeal ma kinitx għamlet dan. Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 li qed insostni hawnhekk ma jidhirx li tagħti lok għal interpretazzjoni contralegem tad-dritt nazzjonali (52), u ma saret l-ebda domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq din il-kwistjoni. L-iktar li jista’ jiġri, abbażi tad-digriet tar-rinviju, huwa li jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jiġi interpretat fis-sens li l-persuni li jimpjegaw għandhom l-obbligu li jipprovdu faċilitajiet xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, din id-dispożizzjoni jkollha effett indirett fuq tilwima orizzontali, li huwa permess skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (53). Kif osserva Avukat Ġenerali, fil-“każ ta’ interpretazzjoni skond direttiva, id-direttiva stess ma timponix obbligi fuq l-individwu; dan isir bil-liġi nazzjonali li hija applikata in konformità mad-Direttiva” (54).
58. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex meħtieġ li jiġi mistħarreġ jekk id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas previst fl-Artikolu 31(2) tal-Karta huwiex prinċipju ġenerali tal-liġi, espress b’mod konkret fid-Direttiva 2003/88 (55), b’tali mod li jissieħeb mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età (56), li huwa protett mill-Artikolu 21 tal-Karta, bħala wieħed mill-prinċipji ġenerali li huwa infurzabbli direttament minn parti waħda privata kontra oħra, anki fil-każ li jkun hemm impedimenti contra legem fil-livell nazzjonali biex dan ma jseħħx (57).
3. Il-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit
59. Fl-aħħar nett, is-soluzzjoni li qed nipproponi taqa’ fil-konfini tal-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”), fuq il-bażi tat-test tal-Protokoll u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-parti operattiva tal-Protokoll tgħid dan li ġej.
“Artikolu 1
1. Il-Karta ma testendix il-fakulta tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe qorti jew tribunal tal-Polonja jew tar-Renju Unit, li ssib li l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet, il-prattiki jew l-azzjonijiet amministrattivi tal-Polonja jew tar-Renju Unit huma inkonsistenti mad-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji fundamentali li hija tafferma mill-ġdid.
2. B’mod partikolari, u sabiex jiġi evitat kull dubbju, xejn fit-Titolu IV tal-Karta ma joħloq drittijiet ġustizzjabbli applikabbli għall-Polonja jew għar-Renju Unit, ħlief sa fejn il-Polonja jew ir-Renju Unit ikunu pprevedew tali drittijiet fil-liġi nazzjonali tagħhom.
Artikolu 2
Meta dispożizzjoni tal-Karta tirriferi għall-prattiki u l-liġijiet nazzjonali, din għandha tapplika għall-Polonja jew għar-Renju Unit biss fil-limitu li d-drittijiet jew il-prinċipji li jinsabu fiha jkunu rikonoxxuti fil-liġi jew fil-prattiki tal-Polonja jew tar-Renju Unit.”
60. Hemm qbil li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas huwa previst b’mod sħiħ fil-liġi tar-Renju Unit, b’tali mod li l-limiti stabbiliti mill-proviso li jidhru fl-Artikolu 1(2) ġew issodisfatti. Barra minn hekk, is-soluzzjoni li qed nipproponi ma tinvolvi l-ebda estensjoni tas-setgħat u tal-obbligi kemm ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-qrati tar-Renju Unit, kif kienu meta ġie ffirmat it-Trattat ta’ Lisbona b’mod konformi mal-Artikolu 1(1) tal-Protokoll, peress li l-“fakulta” tal-qrati nazzjonali li jinterpretaw id-dritt nazzjonali skont id-direttivi tal-Unjoni ġiet stabbilita fl-1990 fil-każ Marleasing (58).
61. Dwar l-interpretazzjoni tad-drittijiet li kienu jeżistu diġà fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża NS et li “l-Artikolu 1(1) tal-Protokoll (Nru 30) jespliċita l-Artikolu 51 tal-Karta, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, u la huwa intiż li jeżenta lir-Repubblika tal-Polonja u lir-Renju Unit mill-obbligu li josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Karta u lanqas li jipprekludi lil qorti ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri milli tiżgura l-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet” (59).
62. Għalhekk, anki jekk l-Artikolu 1(2) kellu jipprekludi drittijiet ġustizzjabbli li jirriżultaw orizzontalment bejn partijiet privati fir-rigward tat-Titolu IV tal-Karta (li jinkludi l-Artikolu 31), u jipprevjeni drittijiet ġodda li jirriżultaw minn xi dispożizzjoni tat-Titolu IV (60), is-soluzzjoni li qed nipproponi ma tinvolvi ebda waħda minn dawn l-eventwalitajiet.
63. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2 tal-Protokoll huwa irrilevanti għall-kawża prinċipali, peress li dan jgħodd biss “[m]eta dispożizzjoni tal-Karta tirriferi għall-prattiki u l-liġijiet nazzjonali”. Kif imsemmi iktar ’il fuq, l-Artikolu 31 tal-Karta, b’differenza minn diversi dispożizzjonijiet oħra tal-Karta (61), ma huwiex attenwat b’riferiment għal liġijiet u l-prattiki nazzjonali.
D. Ir-risposti proposti għad-domandi magħmula
1. Domandi 2 sa 5
64. Jiena identifikajt il-kontenut tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat fid-dawl tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-istrumenti internazzjonali dwar id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas li għalihom ikkollaboraw l-Istati Membri. Din l-analiżi turi li d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas huwa ta’ natura imperattiva, u ma huwiex indirizzat esklużivament lejn l-Istati. Stabbilixxejt ukoll parametri għal dipendenza fuq l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 bħala miżura ta’ rimedju f’ċirkustanzi li fihom ebda faċilità xierqa ma ġiet maħluqa minn persuna li timpjega għal ħaddiem sabiex jeżerċita d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas (għar-relazzjoni tal-impjieg kollha jew parti minnha) u indirizzajt il-limiti legali dwar l-impatt tad-direttivi u l-Karta tal-Unjoni f’tilwimiet orizzontali bejn żewġ atturi tas-settur privat. Peress li l-mistoqsijiet 2 sa 5 huma marbuta direttament mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, se nweġibhom l-ewwel qabel ma ndur għall-ewwel domanda. Ser nindirizza it-tieni domanda b’mod separat mid-domandi 3 sa 5.
a) It-tieni domanda
65. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju nazzjonali tistaqsi jekk ħaddiem, bħal C. King, jistax isostni li huwa prekluż milli jeżerċita d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas meta ma jkunx ħa l-leave annwali li għalih huwa intitolat fis-sena ta’ leave rilevanti għaliex il-persuna li timpjegah tirrifjuta li tħallsu għal kwalunkwe perijodu ta’ leave li jieħu? It-tieni domanda tistaqsi ulterjorment jekk id-dritt jiġix irrimandat sakemm il-ħaddiem ikollu l-opportunità li jeżerċitah?
66. Huwa importanti li jiġi nnotat li l-kawża prinċipali tammonta għal dak li nirreferi għalih bħala “każ ta’ terminazzjoni”, li fih r-rikorrent jitlob pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas mhux meħud fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 mat-terminazzjoni tar-relazzjoni tal-impjieg (62). Dan ifisser li l-prinċipji importanti speċifikati iktar ’il fuq fil-punt 48 mis-sentenza Bollacke tal-Qorti tal-Ġustizzja huma applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ C. King, l-istess bħal ma huwa applikabbli l-proviso tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 fis-sens li l-“perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impjieg tkun ġiet itterminata.” (enfasi miżjuda minni)
67. Fil-kawża Maschek, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ċirkustanzi li fihom il-liġi Awstrijaka pprekludiet ħlas bħala kumpens għal leave annwali mhux meħud meta uffiċjal pubbliku irtira fuq talba tiegħu stess. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-ġurisprudenza stabbilita tagħha li tgħid li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi li ħaddiem huwa intitolat għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens sabiex tiġi prekluża l-impossibbiltà li jkun jista’ jittieħed leave annwali bi ħlas, minħabba terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, li jwassal għal sitwazzjoni li fiha l-ħaddiem jitlef kull tgawdija ta’ dak id-dritt, anki f’sura pekunjarja (63). Il-qorti tal-Ġustizzja mbagħad żiedet tgħid dan li ġej:
“Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistabbilixxi ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal allowance [pagament ta’ benefiċċju] għajr dak relatat mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni ta’ impjieg tkun intemmet, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni ntemmet.
Isegwi li, konformement mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, ħaddiem li ma setax jagħmel użu mid-drittijiet kollha tiegħu għal leave annwali mħallas qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, għandu dritt għal allowance [pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-]għal leave annwali mħallas [bil-ħlas] mhux meħud. F’dan ir-rigward, ma hijiex rilevanti r-raġuni li għaliha r-relazzjoni ta’ xogħol intemmet” (64).
68. Għalhekk ma naqbilx li l-pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens huwa limitat għall-iskop li l-ħaddiem ikun jista’, anki wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, jieħu perijodu ta’ mistrieħ imħallas qabel jibda relazzjoni ġdida ta’ impjieg (65). Pjuttost, l-għan ewlieni tagħha huwa li tirkupra, permezz ta’ pagament ta’ benefiċċju fi flus, leave mħallas li jkun għadu ma tteħidx meta tiġi tterminata r-relazzjoni ta’ impjieg sabiex il-ħaddiem ma jitlifx it-tgawdija kollha ta’ dak id-dritt (66). Dan huwa suġġett biss għar-restrizzjonijiet tal-Istati Membri fuq l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 li huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sabiex kundizzjonijiet tal-Istati Membri fuq l-eżerċizzju tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 ma jissuġġettawx l-eżistenza stess tad-dritt għall-leave annwali bil-ħlas għal xi prekundizzjoni tkun xi tkun (67).
69. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li hemm perijodi li lil hinn minnhom il-leave annwali ma jibqax ikollu l-effett pożittiv tiegħu għall-ħaddiem bħala perijodu ta’ mistrieħ, u għalhekk l-Istati Membri huma ħielsa li jimponu perijodi ta’ riferiment u perijodi li jiġu rrimandati, li meta jiskadu jiskadi d-dritt għal leave annwali bil-ħlas taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 (“il-prinċipju ta’ skadenza”) (68). Is-soluzzjoni li qiegħed nipproponi hawnhekk bl-ebda mod ma hija se tiddisturba din il-linja tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (69).
70. Dan huwa hekk għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat bħala punt ta’ prinċipju, għalkemm suġġett għal ċerti limiti, li “l-kwistjoni tal-ġarr tal-leave u għaldaqstant tal-ispeċifikazzjoni ta’ perijodu li matulu ħaddiem li ma jistax jieħu l-leave annwali bil-ħlas tiegħu matul il-perijodu ta’ referenza jista’ xorta jibbenefika mill-imsemmi leave annwali taqa’ taħt il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implementazzjoni tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas u hija għaldaqstant irregolata mil-leġiżlazzjonijiet u/jew prattiki nazzjonali” (70).
71. Madankollu, hemm kuntest fattwali differenti għal kollox fil-proċeduri prinċipali.
72. Id-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw il-prinċipju ta’ skadenza jaqgħu fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru, u tipikament jikkonċernaw il-punt ta’ sa fejn id-dritt ta’ Stat Membru jista’ jimponi limiti, bħal xi tip ta’ limitu ta’ żmien fuq it-teħid tal-leave fir-rigward ta’ perijodu ta’ leave speċifiku, jew il-kundizzjonijiet ta’ pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave mħallas li ma tteħidx (71), fejn il-faċilità għall-eżerċizzju tiegħu tkun fil-fatt saret disponibbli fl-ewwel lok mill-persuna li timpjega. Dawn l-istess ċirkustanzi fattwali kienu fil-bażi ta’ każijiet fejn it-tilwima dwar il-kundizzjonijiet għall-ħlas tal-leave annwali nqalgħet f’relazzjonijiet ta’ impjieg li għadhom għaddejjin (72), u b’hekk iridu jkunu rregolati mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 bl-esklużjoni tal-Artikolu 7(2) (73).
73. Għalhekk, jekk il-liġi ta’ Stat Membru kellha tippermetti li l-persuni li jimpjegaw ma joħolqux faċilità xierqa għall-ħaddiema biex jeżerċitaw id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, u tħalli għall-ħaddiema biex jiftħu d-disponibbiltà għal tali faċilità billi jinbdew proċeduri ġudizzjarji jew xi forma ta’ azzjoni oħra, din tmur lil hinn mid-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri fl-implementazzjoni tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas, u pjuttost tammonta għal prekundizzjoni għall-eżistenza stess tad-dritt (74).
74. Għalhekk, filwaqt li t-tilwima bejn SWWL u C. King fil-parti l-kbira jekk mhux esklużivament ġiet argumentata fuq il-bażi tal-proviso Schultz-Hoff, fis-sens li t-telf ta’ dritt għal leave annwali bil-ħlas fl-aħħar ta’ sena tal-leave jew tal-perijodu li matulu l-leave jista’ jiġi rrimandat jista’ jseħħ biss jekk il-ħaddiem “kellu effettivament il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt mogħti lilu mid-direttiva” (75), m’iniex konvint li id-deċiżjoni Schulz-Hoff hija rilevanti għall-kawża prinċipali.
75. Dan espost, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tpoġġi fil-ġenb il-preċedenti stabbiliti tagħha fuq ir-restrizzjonijiet ta’ żmien u oħrajn imposti mill-Istati Membri fuq l-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas, u pjuttost tittratta l-problema inkwistjoni billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-mistoqsija li ġejja: hemm xi ħaġa li tipprekludi ħaddiem bħal C. King milli jibbaża ruħu fuq it-test sempliċi tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, biex jieħu pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave li ma tteħidx meta persuna li timpjega ma tkun ipprovdiet l-ebda faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas bi ksur tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, jew jekk tali faċilità ġiet ipprovduta biss għal parti mir-relazzjoni ta’ impjieg? Fid-dawl tal-analiżi hawn iddettaljata, jidher li din il-mistoqsija għandha tingħata tweġiba fin-negattiv.
76. Alternattivament, naċċetta argumenti magħmula minn C. King, b’appoġġ mill-Kummissjoni, fis-sens li C. King ma kellux l-opportunità li jeżerċita leave annwali bil-ħlas fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imma fuq il-bażi li l-faċilità xierqa għall-eżerċizzju tagħha nħolqot mill-persuna li timpjega biss mill-2008 u forsi xejn affattu (ara l-punti 84 sa 86, hawn isfel). Iżda, dan ir-raġunament, huwa f’inqas armonija mal-ġurisprudenza stabbilita, kemm għar-raġunijiet spjegati iktar ’il fuq kif ukoll minħabba l-fatt li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel iddeċidiet li l-ħaddiema ried ikollhom l-opportunità li jeżerċitaw id-dritt mogħti mid-direttiva qabel ma d-dritt għal-leave mħallas jista’ jintilef taħt il-liġi ta’ Stat Membru (76), din għad trid tiġi estiża lil hinn minn każijiet fejn ħaddiem kien assenti minħabba mard. Il-Qorti tal-Ġustizzja saħansitra ddeċidiet li meta ħaddiem “ma huwiex suġġett għal-limitazzjonijiet fiżiċi jew fiżjoloġiċi kkawżati minn marda, huwa jkun f’sitwazzjoni differenti minn dik li tirriżulta minn inkapaċità għax-xogħol minħabba l-istat ta’ saħħtu” (77).
77. Madankollu, naċċetta li huwa possibbli li jiġi konkluż, fuq analiżi sempliċi tat-tifsira, li ħaddiem ma kellux il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt għal-leave annwali bil-ħlas skont id-Direttiva 2003/88 għal perijodi li matulhom il-persuna li timpjega ma kienet ipprovdiet ebda faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt, b’tali mod li restrizzjonijiet minn Stati Membri fuq l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, li altrimenti jaqgħu taħt id-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, neċessarjament ma għandhomx jiġu applikati.
78. Għalhekk, id-domanda 2 għandha tingħata risposta fis-sens li jekk ħaddiem ma jiħux, kompletament jew parzjalment, il-leave annwali li għalih huwa intitolat fis-sena tal-leave meta kwalunkwe dritt għandu jiġi eżerċitat, f’ċirkustanzi fejn huwa kien jagħmel hekk li kieku l-persuna li timpjegah tirrifjuta li tħallsu għal kwalunkwe perijodu ta’ leave li jieħu, il-ħaddiem jista’ jallega li huwa prekluż milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave bil-ħlas b’tali mod li d-dritt jiġi rrimandat sakemm ikollu tali opportunità li jeżerċitah.
b) Ir-risposti għad-domandi 3 sa 5
79. Id-domandi 3 sa 5, li għandhom jingħataw risposta flimkien, jistaqsu jekk id-dritt għal leave annwali bil-ħlas jistax jiġi rrimandat b’mod indefinit. Liema, jekk ikun hemm, perijodi fejn il-leave jiġi rrimandat għandu jiġi applikat meta ma hemm ebda dispożizzjoni statutorja jew kuntrattwali li tispeċifika perijodu li matulu l-leave jista’ jiġi rrimandat, u fl-assenza ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata li timponi perijodu bħal dan? Jekk iva, perijodu ta’ 18-il xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ vaganza li fiha nġema’ l-leave huwa kompatibbli mad-dritt għal leave annwali bil-ħlas previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88?
80. Din id-domanda tista’ tingħata risposta b’mod konċiż.
81. Mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, ħaddiem huwa intitolat għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas li ma jkunx ittieħed sad-data li fiha l-persuna li timpjega għamlet disponibbli għall-ħaddiem faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Huwa biss f’dan il-punt li restrizzjonijiet ta’ żmien jew restrizzjonijiet oħra fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas li l-Istati Membri setgħu għażlu li jimponu jistgħu jibdew japplikaw, u anki hawnhekk biss jekk tali restrizzjonijiet jaqgħu fil-konfini tad-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, u huma, mill-kumplament, konformi mad-dritt tal-Unjoni. Jekk qatt ma ġiet ipprovduta faċilità xierqa għall-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas, f’dak il-każ il-pagament ta’ benefiċċju skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 huwa dovut biex ikopri l-perijodu kollu tal-impjieg sat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg.
82. Il-digriet tar-rinviju jissuġġerixxi li limitu fuq il-perijodu li matulu l-leave jista jiġi rrimandat ta’ 18-il xahar wara t-tmiem tas-sena ta’ vaganza li fiha nġema’ huwa limitu permissibbli fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas.
83. Dan is-suġġeriment jidher li huwa ispirat mill-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni ILO Nru 132 tal-1970 li tirrigwarda vaganzi annwali bil-ħlas. Madankollu, din id-dispożizzjoni, bħall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ skadenza, hija bbażata fuq li l-ewwel nett ikun hemm faċilità xierqa għall-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas fil-relazzjoni ta’ impjieg. L-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni ILO Nru 132 tal-1970 huwa għalhekk irrilevanti għall-fatti tal-kawża prinċipali.
84. Ir-rappreżentant legali ta’ SWWL qal waqt is-seduta li t-termini kuntrattwali ta’ C. King ma kienu jgħidu xejn dwar il-kwistjoni tal-leave annwali bil-ħlas. Dan ifisser neċessarjament li ebda faċilità xierqa ma ġiet ipprovduta minn SWWL għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Ninnota li SWWL irrikonoxxiet fis-seduta li C. King kien ħaddiem u kien intitolat matul il-kors tar-relazzjoni ta’ impjieg għal leave annwali bil-ħlas.
85. Madankollu, SWWL ssostni wkoll li fl-2008 offriet lil C. King kuntratt ta’ impjieg, u matul is-seduta r-rappreżentanti tagħha sostnew li dan kien jinvolvi dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Kieku dan ammonta għall-provvista ta’ faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, li hija kwistjoni li għandha tiġi ddeterminata mill-qorti tar-rinviju nazzjonali, allura pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave bil-ħlas mhux meħud kien ikun pagabbli bis-saħħa tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 mill-bidu tal-impjieg ta’ C. King f’Ġunju 1999 sad-data fl-2008 li fiha kien offrut kuntratt ta’ impjieg li kellu l-faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas. Ikun biss f’dan il-każ li kwalunkwe restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas imposta bil-liġi tar-Renju Unit, u li tkun kompatibbli mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u b’mod iktar ġenerali mad-dritt tal-Unjoni, tkun tista’ tibda tapplika.
86. Min-naħa l-oħra, jekk din l-offerta ma kinitx tinkludi tali faċilità, permezz, pereżempju, għall-provvista ta’ klawżola kuntrattwali suffiċjentement iddettaljata fuq l-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas, allura pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 bilfors ikollu jkopri r-relazzjoni ta’ impjieg sħiħa mill-bidu ta’ Ġunju 1999 sat-terminazzjoni fis-6 ta’ Ottubru 2012.
87. Ir-risposta għad-domandi 3 sa 5 hija din li ġejja;
“Mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, ħaddiem huwa intitolat għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas li jkun għadu ma tteħidx sad-data li fiha l-persuna li timpjega għamlet disponibbli għall-ħaddiem faċilità għall-eżerċizzju għad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Huwa biss f’dan il-punt li restrizzjonijiet ta’ żmien jew restrizzjonijiet oħra fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas li l-Istati Membri setgħu għażlu li jimponu jistgħu jibdew japplikaw, u anki hawnhekk biss jekk tali restrizzjonijiet jaqgħu fil-konfini tad-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, u huma, mill-kumplament, konformi mad-dritt tal-Unjoni. Jekk qatt ma ġiet ipprovduta faċilità xierqa għall-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas, f’dak il-każ il-pagament ta’ benefiċċju skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 huwa dovut biex ikopri l-perijodu kollu tal-impjieg sat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg. Fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, limitu fuq il-perijodu li matulu l-leave jista jiġi rrimandat ta’ 18-il xahar wara t-tmiem tas-sena tal-vaganzi li fiha akkumula l-leave ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.”
2. Ir-risposta għad-domanda 1
88. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju nazzjonali tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi fejn hemm tilwima bejn ħaddiem u persuna li timpjega dwar jekk il-ħaddiem huwiex intitolat għal-leave annwali bil-ħlas bis-saħħa tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ rimedju effettiv, il-fatt li l-ħaddiem ikollu l-ewwel jieħu l-leave qabel ma jkun jista’ jiġi stabbilit jekk huwiex intitolat li jitħallas?
89. Peress li pproponejt li jekk ħaddiema jkunu meħtieġa li jieħdu kwalunkwe azzjoni, kemm jekk dan ikun bit-teħid ta’ proċeduri ġudizzjarji jew mod ieħor, biex joħloq faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas dan ikun jammonta għal prekundizzjoni illegali għall-eżistenza stess ta’ dak id-dritt (78), huwa biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax ir-risposta tiegħi għad-domandi 2 sa 5 li jkun meħtieġ li tingħata risposta għad-domanda 1. Dan huwa hekk għaliex il-fatt li ħaddiem ikun meħtieġ jieħu l-leave qabel ma jkun jista’ jiġi aċċertat huwiex se jitħallas għalih, huwa ekwivalenti għall fatt li l-ħaddiem, kuntrarjament għall-persuna li timpjega, jkun meħtieġ jieħu passi attivi biex jiġi żgurat il-ħolqien tal-faċilità.
90. Dan espost, fi kwalunkwe każ jiena nipproponi li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda għar-raġunijiet li ġejjin.
91. L-ewwel nett, ilu li ġie stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-Direttiva 2003/88 tittratta d-dritt għal-leave annwali u għall-ħlas għalih bħala żewġ aspetti tal-istess dritt (79). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma inkompatibbli mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 prattiki li joħolqu “riskju sinjifikattiv li l-ħaddiem ma jiħux l-leave tiegħu” (80). Dawn kienu jinkludu kundizzjonijiet ekonomiċi għat-tul tal-leave li ma humiex paragunabbli għal dawk relatati mal-eżerċizzju tal-impjieg tal-ħaddiema, bħal ħlas biss ta’ salarju bażiku matul perijodu ta’ leave, mingħajr kummissjoni (81). Kif osservat Avukat Ġenerali, “huwa neċessarju li jkun żgurat […] li l-ħaddiem ma jsofrix xi żvantaġġ konsegwenza talli jkun iddeċieda li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali” (82).
92. Jidher li ma jistax jiġi kkontradett li ħaddiem jiġi skoraġġut milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali bil-ħlas jekk l-ewwel ikun meħtieġ li jieħdu mingħajr ħlas ta’ xejn, qabel ma jkun jista’ jiġi stabbilit li huwa intitolat għal leave bil-ħlas. Sitwazzjoni bħal din tkun inkonsistenti mal-effettività tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, u mal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat ta’ dik id-dispożizzjoni fis-sens li “tul il-perijodu ta’ leave annwali […] ir-remunerazzjoni għandha tibqa’ titħallas u li, fi kliem ieħor, il-ħaddiem għandu jirċievi r-remunerazzjoni normali għal dan il-perijodu ta’ serħan” (83). Dan jimplika element inerentement kontemporanju għad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas.
93. It-tieni nett, il-fatt li ħaddiem ikun obbligat li jieħu leave mingħajr ħlas qabel ma jkun jista’ jistabbilixxi jekk għandux jitħallas għalih huwa inkonsistenti wkoll mal-obbligu, li jiena ddeskrivejt iktar ’il fuq fil-punt 55, li l-Istati Membri għandhom li jipprovdu rimedji għall-infurzar tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li jipprovdu effett ta’ deterrent reali kontra ksur mill-persuni li jimpjegaw. Rekwiżit bħal dak jirrendi wkoll id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas eċċessivament diffiċli biex jiġi infurzat, peress li jidher li ma hemm xejn fir-rwol ta’ dispożizzjoni bħal dik fil-proċedura, fit-tmexxija tagħha, jew xi fatturi speċjali (84), li jiġġustifikaw tali ostakolu għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Lanqas ma jidher li hu meħtieġ fid-dawl tal-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża u l-protezzjoni taċ-ċertezza legali (85).
94. It-tielet nett, kwalunkwe separazzjoni taħt id-dritt tar-Renju Unit tad-dritt għal leave mid-dritt li jsir ħlas għalih jista’ jfisser li r-rimedju pprovdut fid-dritt tar-Renju Unit jista’ jkun ta’ kumplessità eċċessiva, tant li jingħata lok għal ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta (86).
95. Għalhekk, id-Domanda 1 għandha tingħata risposta fis-sens li jekk ikun hemm tilwima bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah dwar jekk il-ħaddiem huwiex intitolat għal-leave annwali bil-ħlas bis-saħħa tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ rimedju effettiv, jekk il-ħaddiem irid l-ewwel jieħu l-leave qabel ma jkun jista’ jiġi stabbilit jekk huwiex intitolat li jitħallas.
E. Rimarki tal-għeluq
96. Napprezza li r-risposti għad-domandi magħmula li qed nipproponi hawnhekk ikun jeħtieġu li jkunu l-persuni li jimpjegaw pjuttost milli l-ħaddiema li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiġi vverifikat jekk humiex marbuta li joħolqu faċilità xierqa għall-eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, kemm jekk dawk il-passi jkunu t-teħid ta’ pariri legali, il-konsultazzjoni ma’ unions rilevanti, jew jintalbu pariri mill-korpi ta’ Stati Membri li huma responsabbli għall-infurzar tad-dritt industrijali. Jekk min iħaddem ma jieħux tali azzjoni, ikunu f’riskju li jkollhom jagħmlu pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave mhux imħallas mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg. Madankollu, dan ikun konformi mal-għan li tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas, dritt fundamentali ta’ piż normattiv sostanzjali fid-dritt tal-Istat Membru, fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, u fid-dritt internazzjonali, u jkun konsistenti ukoll mar-realtà prattika, irrikonoxxuta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-pożizzjoni tal-ħaddiem bħala l-parti l-iktar dgħajfa fir-relazzjoni ta’ impjieg (87).
97. Fl-istess ħin, il-fatt li ħaddiema fil-pożizzjoni ta’ C. King ikunu jistgħu jinvokaw l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, bl-ebda mod ma jipprovdi opportunità għall-ħaddiema biex jakkumulaw ħlas minflok il-leave bi ksur tal-għan tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li huwa li jiġi żgurat mistrieħ effettiv sabiex tiġi aċċertata protezzjoni effettiva tas-saħħa u tas-sigurtà tagħhom (88). Dan huwa hekk għaliex ladarba l-persuna li timpjega tipprovdi faċilità xierqa għall-eżerċizzju ta’ leave annwali bil-ħlas, ikun il-ħaddiem li jsir responsabbli għat-teħid ta’ din l-opportunità. (89) Fi kliem ieħor, f’dan il-punt il-ħaddiem jiġi offrut l-opportunità li jeżerċita d-dritt għal leave annwali bil-ħlas fis-sens tas-sentenza fil-kawża Schulz-Hoff, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi magħrufa fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jimpedixxu l-eżerċizzju tad-dritt, bħall-mard.
V. Konklużjoni
98. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Court of Appeal of England and Wales (qorti tal-appell, tal-Ingilterra u Wales) kif ġej:
1. Fil-każ ta’ tilwima bejn ħaddiem u persuna li timpjega dwar jekk il-ħaddiem huwiex intitolat għal leave annwali bil-ħlas skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ma huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ rimedju effettiv, il-fatt li l-ħaddiem ikollu l-ewwel jieħu l-leave qabel ma jkun jista’ jistabbilixxi jekk huwiex intitolat li jitħallas.
2. Fil-każ li l-ħaddiem ma jiħux, kompletament jew parzjalment, il-leave annwali li għalih huwa intitolat fis-sena ta’ leave meta kwalunkwe dritt għandu jiġi eżerċitat, f’ċirkustanzi fejn huwa kien jagħmel hekk li kieku l-persuna li timpjegah tirrifjuta li tħallsu għal kwalunkwe perijodu ta’ leave li jieħu, il-ħaddiem jista’ jallega li huwa prekluż milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave bil-ħlas b’tali mod li d-dritt jiġi rrimandat sakemm ikollu tali opportunità li jeżerċitah.
3. Mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg, skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88, ħaddiem huwa intitolat għal pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal-leave annwali bil-ħlas li jkun għadu ma tteħidx sad-data li fiha l-persuna li timpjega għamlet disponibbli għall-ħaddiem faċilità għall-eżerċizzju għad-dritt għal-leave annwali bil-ħlas. Huwa biss f’dan il-punt li restrizzjonijiet ta’ żmien jew restrizzjonijiet oħra fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali bil-ħlas li l-Istati Membri setgħu għażlu li jimponu jistgħu jibdew japplikaw, u anki hawnhekk biss jekk tali restrizzjonijiet jaqgħu fil-konfini tad-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, u huma, mill-kumplament, konformi mad-dritt tal-Unjoni. Jekk qatt ma ġiet ipprovduta faċilità xierqa għall-eżerċizzju tal-leave annwali bil-ħlas, f’dak il-każ il-pagament ta’ benefiċċju skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 huwa dovut biex ikopri l-perijodu kollu tal-impjieg sat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg. Fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, limitu fuq il-perijodu li matulu l-leave jista jiġi rrimandat ta’ 18-il xahar wara t-tmiem tas-sena tal-vaganzi li fiha akkumula l-leave ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88.