Language of document : ECLI:EU:C:2017:914

Kawża C-214/16

Conley King

vs

The Sash Window Workshop Ltd u Richard Dollar

[talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Artikolu 7 – Pagament ta’ benefiċċju bħala kumpens għal leave annwali mhux meħud imħallas fi tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-ħaddiem jieħu l-leave annwali tiegħu mingħajr ma tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni għal dan il-leave”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-29 ta’ Novembru 2017

1.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali mħallas – Skop – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi obbligu li tali leave jittieħed qabel ma jkun magħruf jekk hemmx id-dritt għal remunerazzjoni tal-imsemmi leave – Inammissibbiltà

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7)

2.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali mħallas – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lil ħaddiem milli jirrimanda u, jekk ikun il-każ, milli jakkumula, sal-mument ta’ meta r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu tintemm, drittijiet għal-leave annwali mħallas mhux eżerċitati abbażi ta’ diversi snin tal-leave konsekuttivi, minħabba r-rifjut tal-persuna li timpjega li tirremunera dan il-leave – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7)

–        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kif ukoll id-dritt għal rimedju effettiv, sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ tilwima bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-ħaddiem għandux dritt għal leave annwali mħallas konformament mal-ewwel waħda minn dawn l-artikoli, jipprekludu li l-ħaddiem għandu l-ewwel jieħu l-leave tiegħu qabel ma jsir jaf jekk għandux dritt għal remunerazzjoni abbażi ta’ dan il-leave.

Fil-fatt, l-għan innifsu tad-dritt għal-leave annwali mħallas huwa li jippermetti li l-ħaddiem jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji (ara, b’mod partikolari s-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 25, u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn, C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 25).

F’dak li jirrigwarda r-rimedji ġudizzjarji li għandhom ikunu disponibbli għall-ħaddiem, fil-każ ta’ tilwima mal-persuna li timpjega, sabiex ikun jista’ jinvoka d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas abbażi tad-Direttiva 2003/88, din tal-aħħar, ċertament, ma tinkludi ebda dispożizzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, huwa stabbilit li l-Istati Membri għandhom, f’dan il-kuntest, jiggarantixxu l-osservanza tad-dritt għal rimedju effettiv, kif sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 46)

(ara l-punti 37, 41, 47 u d-dispożittiv 1)

–        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li abbażi tagħhom ħaddiem huwa prekluż milli jirrimanda u, jekk ikun il-każ milli jakkumula, sal-mument ta’ meta r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu tintemm, drittijiet għal-leave annwali mħallas mhux eżerċitati abbażi ta’ diversi snin tal-leave konsekuttivi, minħabba r-rifjut tal-persuna li timpjega li tirremunera dan il-leave.

Fil-fatt, il-fatt li jiġi aċċettat, f’dawn iċ-ċirkustanżi, li d-drittijiet għal-leave annwali mħallas miksuba mill-ħaddiem jiġu estinti jkun ifisser li jiġi approvat aġir li jwassal għal arrikkiment illegali tal-persuna li timpjega bi ħsara tal-għan innifsu tal-imsemmija direttiva intiż għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiem.

(ara l-punti 64, 65 u d-dispożittiv 2)