Language of document : ECLI:EU:T:2014:19

Kawża T‑309/10

Christoph Klein

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Mezzi mediċi – Artikoli 8 u 18 tad-Direttiva 92/42/KEE – Nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni wara n-notifikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Jannar 2014

1.      Rikors għad-danni – Terminu ta’ preskrizzjoni – Bidu tad-dekorrenza – Dannu kontinwat – Data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46)

2.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ regola li jkollha bħala għan l-għoti ta’ drittijiet lill-individwi – Istituzzjoni li ma għandha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni – Natura suffiċjenti ta’ sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

3.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Oneru tal-prova – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-dannu kollu kemm hu

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Aġir illegali tal-istituzzjonijiet – Nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni wara n-notifikazzjoni minn Stat Membru ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ mezz mediku – Fatt li ma jikkostitwixxix illegalità

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 93/42, Artikolu 8(2) u (3))

5.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Aġir illegali tal-istituzzjonijiet – Nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li tagħti bidu ex officio għall-proċedura tas-sigurtà skont id-Direttiva 93/42  – Fatt li ma jikkostitwixxix illegalità – Kompetenza esklużiva tal-Istati Membri sabiex jagħtu bidu għall-proċedura

(Artikolu 5(2) TUE; it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 93/42, Artikolu 8(1) u (2))

6.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li tagħti bidu għal proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Fatt li ma jikkostitwixxix illegalità

(Artikolu 258 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

1.      Fil-każ ta’ dannu li jista’ jkun kontinwat, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja japplika, skont id-data tal-att li jinterrompi, fil-perijodu preċedenti ta’ iktar minn ħames snin ta’ din id-data, mingħajr ma jaffettwa eventwali drittijiet li jinħolqu matul perijodi sussegwenti.

(ara l-punt 52)

2.      Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha, hija suġġetta għall-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat.

Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-aġir illegali li bih jiġu kkritikati l-istituzzjoni jew il-korp ikkonċernat, il-ġurisprudenza teħtieġ li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li jkollha bħala għan l-għoti ta’ drittijiet lill-individwi. Fir-rigward tar-rekwiżit li l-ksur għandu jkun suffiċjentement serju, il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan huwa ssodisfatt huwa dak tal-ksur manifest u gravi, mill-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni kkonċernat, tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħhom. Meta din l-istituzzjoni jew dan il-korp ikollhom biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju.

(ara l-punti  56, 57)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 58-60)

4.      Sa fejn l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 93/42, dwar mezzi mediċi, jistabbilixxi biss obbligu, għall-Istat Membru, li jinforma lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq, u mhux obbligu li l-Kummissjoni tieħu azzjoni fuqha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tadotta deċiżjoni wara li tirċievi din in-notifikazzjoni. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt li n-notifikazzjoni tagħmel riferiment, fit-titolu tagħha, għall-proċedura ta’ klawżola tas-sigurtà prevista fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, l-eżami tal-valur ġuridiku ta’ kull att amministrattiv għandu jseħħ billi jkun marbut mas-sustanza tiegħu, u mhux mal-preżentazzjoni formali tiegħu.

Konsegwentement, minkejja li ta’ min jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tirreaġixxix wara notifikazzjoni mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni, ebda aġir illegali ta’ din l-istituzzjoni ma jista’ jiġi dedott mill-fatt li hija ma adottatx deċiżjoni skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/42, wara din in-notifikazzjoni. Minbarra dan, white paper ma tistax tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ obbligu fuq il-Kummissjoni, peress li din hija biss dokument li fih proposti ta’ azzjoni tal-Unjoni u hija komunikazzjoni sabiex jinbeda dibattitu politiku u mhux sabiex jinħolqu obbligi legali.

(ara l-punti 77-79, 84-86)

5.      Ebda aġir illegali tal-Kummissjoni ma jista’ jiġi dedott mill-fatt li hija ma bdietx proċedura ta’ klawżola tas-sigurtà skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/42, dwar mezzi mediċi.

Fil-fatt, skont l-imsemmi Artikolu 8(1), huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-mezzi mediċi ma jkunux jistgħu jitqiegħdu fis-suq jekk jikkompromettu s-sigurtà u s-saħħa tal-pazjenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva tipprevdi sistema li fiha s-sorveljanza tas-suq taqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali, u mhux fuq il-Kummissjoni. Minbarra dan, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/42, l-inizjattiva ta’ proċedura ta’ klawżola tas-sigurtà taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, b’mod li huma dawn tal-aħħar biss li jistgħu jibdew din il-proċedura. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/42 ma jipprevedix li l-Kummissjoni tista’, fuq l-inizjattiva tagħha stess, tinforma lill-Istati Membri bil-konstatazzjonijiet tagħha dwar miżuri nazzjonali.

Minbarra dan, skont il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 5(2) TUE, l-Unjoni għandha taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi li l-Istati Membri attribwixxew lilha fit-Trattati sabiex jintlaħqu l-għanijiet li dawn it-trattati jistabbilixxu. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax taġixxi barra mill-kompetenzi hekk stabbiliti mid-Direttiva 93/42 billi tagħti bidu ex officio għall-proċedura ta’ klawżola tas-sigurtà u hija ma tistax tiġi kkritikata b’dan abbażi ta’ kriterju ta’ effettività.

(ara l-punti 89, 90, 96)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 94)