Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Settembru 2008 - FIFA vs UASI - Ferrero (WORLD CUP GERMANY)

(Kawża T-447/08)

Lingwa tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Fédération Internationale de Football Association (Zurich, l-Iżvizzera) (rappreżentanti: D. Alexander QC, A. Barav, Barrister, R. Buchel u C. Rassmann, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Ferrero OHG mbH (Stadtallendorf, il-Ġermanja)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, kompletament jew parzjalment, id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-30 ta' Ġunju 2008 fil-każ R 1469/2005-1; u

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: It-trade mark verbali "WORLD CUP GERMANY" għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 1, 3, 4, 5, 6, 7, 8, 9, 10, 11, 12, 14, 15, 16, 18, 20, 21, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34, 35, 36, 37, 38, 39, 40, 41 u 42 - Reġistrazzjoni tat-Trade mark Komunitarja Nru 2 152 635

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrenti

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: Il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: Ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni

Motivi invokati: (i) Ksur tal-Artikoli 73 u 74(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 safejn il-Bord tal-Appell ibbaża d-deċiżjoni tiegħu, prinċipalment, fuq l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, dispożizzjoni li la kienet invokata mill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, u lanqas id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma qagħdet fuqha; (ii) Sussidjarjament, ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 minħabba li l-Bord tal-Appell naqas milli jikkunsidra t-trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità fit-totalità tagħha, mill-perspettiva tal-konsumatur medju u milli japplika l-liġi rilevanti dwar l-evalwazzjoni tad-deskrizzjoni tal-prodotti u/jew tas-servizzi li saret applikazzjoni għalihom; u (iii) Ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 minħabba li l-Bord tal-Appell żbalja meta ddeċieda li t-trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità ma kellhiex il-karattru distintiv neċessarju.

____________