Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Ottubru 2021 – Sberbank Europe vs BĊE

(Kawża T-647/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Sberbank Europe AG (Vjenna, l-Awstrija) (rappreżentant: M. Fellner, avukat)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut tat-2 ta’ Awwissu 2021 1 u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tnax-il motiv.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-konvenut kiser il-projbizzjoni tal-piena doppja stabbilita fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

It-tieni motiv ibbażat fuq li l-konvenut kiser l-Artikolu 49 tal-Karta u l-Artikolu 7 tal-KEDB billi impona piena li teċċedi l-limiti tal-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 1 .

It-tielet motiv ibbażat fuq li l-konvenut kiser l-Artikolu 17 tal-Karta u l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali tal-KEDB.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-konvenut kiser il-prinċipju ta’ bona fide, peress li mar kontra l-metodu għall-istabbiliment ta’ sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji skont l-Artikoli 18(1) u (7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-konvenut kiser l-Artikolu 6 tal-KEDB.

Is-sitt motiv ibbażat fuq li l-konvenut kiser l-ammont ta’ limiti għas-sanzjonijiet skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq li l-Artikolu 97 tal-Liġi Bankarja Awstrijaka (iktar ’il quddiem il-“BWG”) ma huwiex applikabbli jekk ma jinkiseb ebda vantaġġ jew ma jiġix evitat telf billi jinqabeż il-limitu ta’ riskju kbir.

It-tmien motiv ibbażat fuq li l-abbiltà tal-konvenut li jimponi interessi ta’ rkupru fuq ir-rikorrenti hija preskritta skont l-Artikolu 97 tal-BWG b’konnessjoni mal-Artikolu 395 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq li l-konvenut applika b’mod żbaljat l-Artikolu 97(1) tal-BWG u l-Artikolu 395(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

L-għaxar motiv ibbażat fuq li r-rikorrent ma kellu ebda intenzjoni li jaqbeż il-limitu ta’ riskju kbir skont l-Artikolu 395 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 1 .

Il-ħdax-il motiv ibbażat fuq li r-rikorrent ma kiseb ebda vantaġġ jew ma evita ebda telf li kellu jiġi assorbit billi jinqabżu l-limiti ta’ espożizzjoni wiesgħa fil-perijodu kkontestat.

It-tnax-il motiv ibbażat fuq li l-konvenut uża b’mod indovut id-diskrezzjoni tiegħu billi ma kkonċediex lir-rikorrenti l-eċċezzjoni taħt l-Artikolu 396(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

____________

1 Nru ECB-SSM-2021-ATSBE-7 - ESA-2020-00000051

1 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013 L 287, p. 63).

1 Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013 L 176, p. 1).