Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2013 – Kėdainių rajono Okainių ŽŪB et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-386/13)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Rikorrenti: Kėdainių rajono Okainių ŽŪB (Distrett ta’ Kėdainiai, il-Litwanja) u 134 persuna oħra (rappreżentant: I. Vėgėlė, avukat)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors tar-rikorrenti ammissibbli;

skont l-Artikolu 263 TFUE, tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni C (2012) 4391 finali, tat-2 ta’ Lulju 2012 li tawtorizza li jseħħu pagamenti komplementari nazzjonali fil-Litwanja għall-2012 [innotifikata taħt id-dokument nru K (2012) 4391];

fl-Artikolu 132 tar-Regolament Nru 73/2009, artikolu li jirregola l-pagamenti nazzjonali diretti komplementari u pagamenti diretti, tiddikjara inapplikabbli, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 2 li jipprovdi li “[l]-appoġġ dirett totali li bidwi jista’ jingħata fl-Istati Membri ġodda wara l-adeżjoni skont il-pagament dirett rilevanti, inkluż kull pagament dirett nazzjonali komplementari, ma għandux jaqbeż il-livell ta’ appoġġ dirett li bidwi jkun intitolat jirċievi skont il-pagament dirett korrispondenti applikabbli għall-Istati Membri fl-Istati Membri għajr l-Istati l-Membri l-ġodda, mill-2012, b’kont meħud tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 10”;

fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 73/2009, artikolu li jistabbilixxi regoli speċjali għal aġġustament fl-Istati Membri ġodda, jiddikjara inapplikabbli, skont l-Artikolu 277 TFUE, il-provvediment fil-paragrafu 1 “[...]filwaqt li jittieħed kont ta’ kull tnaqqis applikat skont l-Artikolu 7(1)”;

tordna lill-konvenuti jbatu l-ispejjeż tar-rikorrenti, li fil-konfront tagħhom ser jiġu prodotti provi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, infondatezza tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni C (2012) 4391 finali

    Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni C (2012) 4391 finali, tat-2 ta’ Lulju 2012 hija nieqsa minn motivazzjoni u infondata għaliex ma hemm l-ebda tagħrif li jikkonferma li fl-2012, il-livell ta’ pagamenti diretti fi Stati Membri ġodda u qodma tal-Unjoni Ewropea huwa uniformi (ugwalizzat).

It-tieni motiv ibbażat fuq livell ta’ pagamenti diretti fir-Repubblika tal-Litwanja li ma jikkorrispondix mal-livell mifthiem fl-Att ta’ Adeżjoni u mal-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati Membri qodma

    Il-livell attwali ta’ pagamenti diretti tar-Repubblika tal-Litwanja ma jikkorrispondix mal-livell mifthiem fl-Att ta’ Adeżjoni tat-23 ta’ Settembru 2003. Bi ksur tal-Att ta’ Adeżjoni, ir-Regolament Nru 583/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, adotta emendi għar-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixxi limiti ta’ appoġġ agrikolu nazzjonali għall-Istati Membri ġodda (Artikolu 71c ta’ u l-Anness VIIIa għar-Regolament Nru 1782/2003).

    Fl-2012, il-perċentwali ta’ pagamenti diretti fir-Repubblika tal-Litwanja ma kinitx ugwali għal dik tal-livell ta’ pagamenti diretti tal-Istati Membri qodma tal-Unjoni Ewropea: fl-Istati Membri qodma l-aġġustament jiġi applikat biss għal ammonti iktar minn EUR 5 000 u dan ifisser li mhux il-pagamenti diretti kollha allokati lill-bdiewa tal-Istati Membri qodma huma adattati (imnaqqsa) b’10 %, iżda biss dawk iktar minn EUR 5 000. Għalhekk, huwa infondat u illegali l-argument li fl-2012 il-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati Membri qodma huwa ta’ 90 % (“100 % mnaqqas 10 % aġġustament”). Il-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati Membri l-qodma huwa ogħla minn 90 % għaliex proporzjon tas-somom – sa mhux iktar minn EUR 5 000 – ma huwiex adattat.

It-tielet motiv ibbażat fuq differenzi fl-ammont ta’ pagamenti diretti fir-Repubblika tal-Litwanja, ipparagunati mal-Istati Membri qodma

    Pagamenti diretti attwalment magħmula lil bdiewa Litwani mill-baġit tal-Unjoni Ewropea fl-2012 huma fost l-iktar baxxi, li jammontaw għal inqas minn nofs dawk irċevuti fl-Istati Membri qodma minkejja l-aġġustament ta’ 10 % ta’ dawk tal-aħħar.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Att ta’ Adeżjoni bil-kliem konklussiv tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 73/2009, bis-subparagrafu finali tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, u bid-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni C (2012) 4391 finali, tat-2 ta’ Lulju 2012 adottata abbażi ta’ dak is-subparagrafu

    L-Att ta’ Adeżjoni ma jipprovdix għall-aġġustament ta’ pagamenti diretti introdotti u/jew tnaqqis fil-Litwanja ta’ pagamenti nazzjonali diretti kumplementari.

    Il-provvediment “filwaqt li jittieħed kont ta’ kull tnaqqis applikat skont l-Artikolu 7(1)” fl-Artikolu 10(1) tal-Kapitolu 2 tar-Regolament Nru 73/2009 huwa kuntrarju għall-Att ta’ Adeżjoni peress li l-provvediment jaċċelera l-ugwaljanza mistennija tal-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati Membri ġodda u qodma.

    Il-parti tal-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 “[...]mill-2012, b’kont meħud tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 flimkien mal-Artikolu 10”, li tintegra l-ugwaljanza mistennija fl-2012 mal-livell ta’ pagamenti diretti fl-Istati Membri qodma u ġodda, imur kontra l-Att ta’ Adeżjoni peress li ssemmi sena speċifika (2012) meta l-livell ta’ appoġġ irċevut suppost ikun ugwali.

    Fl-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009, bi ksur tal-Att ta’ Adeżjoni, il-kelma “ammont” inbidlet għall-kelma “livell”, li ma jinvolvix l-appoġġ li effettivament ġie rċevut iżda perċentwali mistennija.

    Huwa illegali li l-pagamenti diretti fl-Istati Membri qodma u ġodda jiġu pparagunati billi jsir paragun bejn l-appoġġ irċevut mill-Istati Membri qodma (100 % mnaqqas l-aġġustament) mal-appoġġ irċevut fl-Istati Membri ġodda skont ir-rata perċentwali, stabbilita fl-Att ta’ Adeżjoni, għall-għoti ta’ appoġġ.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-miżuri legali kkontestati tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni stabbiliti

    Abbażi tal-Att ta’ Adeżjoni, appoġġ agrikolu fl-Istati Membri ġodda huwa kkalkolat skont il-qligħ ta’ referenza u ż-żona bażi. Fl-2012 il-qligħ ta’ referenza u ż-żona bażi nbidlu ħafna fil-Litwanja, b’tali mod li l-aġġustament li ġie applikat u t-tnaqqis ta’ pagamenti nazzjonali kumplementari huma fihom innifishom kuntrarji għall-għanijiet tal-politika agrikola komuni, b’mod partikolari għall-għan li produttività agrikola dejjem tikber.